Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta’ Lulju 2019 minn Belén Bernaldo de Quirós mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-5 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-273/18, Bernaldo de Quirós vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-583/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Belén Bernaldo de Quirós (rappreżentant: M. Casado García-Hirschfeld, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tannulla s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Bernaldo de Quirós vs Il-Kummissjoni (T-273/18) ;

Tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza;

Tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem aggravju wieħed ibbażat fuq żnaturament tal-fatti, żball manifest ta’ evalwazzjoni u motivazzjoni żbaljata fid-dritt.

Fit-tieni aggravju imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kienet invokat ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq dan l-aggravju fil-punti 81 sa 94 tas-sentenza appellata.

L-appellanti tikkunsidra li l-konstatazzjonijiet li saru mill-Qorti Ġenerali huma materjalment mhux eżatti. Hija tikkunsidra li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi u fiha żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba li, minn naħa, ir-regoli interni ma jistgħux jiġġustifikaw li ma tiġix osservata dispożizzjoni statutorja u min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni (DĠI) inkwistjoni ma jipprovdux għal delegazzjoni tas-setgħat mill-Awtorità tal-Ħatra. Fl-aħħarnett, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 4(4) tad-DĠI twassal għal dikjarazzjoni mhux eżatta ta’ motivazzjoni żbaljata fid-dritt.

____________