Language of document : ECLI:EU:F:2010:48

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

9 ta’ Ġunju 2010

Kawża F-56/09

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors għad-danni — Aċċess tal-amministrazzjoni għar-residenza ta’ uffiċjal ipprovduta lilu minn min kien jimpjegah — Rispett tad-domiċilju u tal-ħajja privata”

Suġġett: Rikors, ippreżentat bis-saħħa tal-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, essenzjalment, minn naħa, id-dikjarazzjoni tal-ineżistenza ġuridika jew l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tiegħu għall-kumpens tad-danni allegatament sostnuti minnu minħabba d-dħul illegali, fit-8 ta’ April 2002, ta’ membri tal-persunal tal-Kummissjoni fir-residenza pprovduta lilu minn min jimpjegah li huwa kellu f’Luwanda (l-Angola), u t-teħid illegali, f’dik l-okkażjoni, ta’ ritratti u ta’ noti dwar l-effetti personali tiegħu, u, min-naħa l-oħra, il-kumpens tal-imsemmija danni.

Deċiżjoni: Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is‑somma ta’ EUR 5 000. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Settembru 2008, inkwantu ċaħdet it-talba tar-rikorrent tal-24 ta’ April 2008, intiża għan-notifika tar-ritratti, għall-qerda tagħhom u għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar din il-qerda, hija annullata. Il-kumplament tat-talbiet tar-rikors huma miċħuda. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, kwart tal-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati tliet kwarti tal-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Talba għall-annullament tad-deċiżjoni prekontenzjuża li tiċħad talba għad-danni — Talba li ma hijiex awtonoma meta mqabbla mat-talbiet għal kumpens

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Miżura ta’ organizzazzjoni interna tad-dipartimenti — Esklużjoni — Rikors għad-danni kkawżati sabiex jiġu kkumpensati l-konsegwenzi dannużi tal-imsemmija miżuri — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

3.      Uffiċjali — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Dritt tal-persuni fiżiċi għall-invjolabbiltà tad-domiċilju — Protezzjoni kontra l-interventi arbitrarji jew sproporzjonati tal-awtorità pubblika — Aċċess tal-amministrazzjoni għar-residenza ta’ uffiċjal ipprovduta lilu minn min kien jimpjegah mingħajr osservanza ta’ formalitajiet proċedurali — Ksur — Żball tad-dipartiment

(Artikolu 6(2) TUE)

4.      Uffiċjali — Deċiżjonijiet li jinkludu obbligi pekunjarji — Mezzi ta’ eżekuzzjoni — Rikors għal kumpens — Kundizzjoni

(Artikolu 256 KE, Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 46)

5.      Uffiċjali — Rikors — Skop

(Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

6.      Proċedura — Spejjeż — Kundanna tal-parti li tirbaħ sabiex tbati parti mill-ispejjeż tagħha stess

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 89(2))

1.      Id-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tiċħad talba għad-danni tagħmel parti integrali mill-proċedura amministrattiva mressqa qabel li tippreċedi rikors għad-danni ppreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u għandha bħala effett uniku li tippermetti lill-uffiċjal ikkonċernat li jadixxi lil dan it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’talba għad-danni. Konsegwentement, it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ ineżistenza ġuridika jew, sussidjarjament, għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ rifjut ma jistgħux jiġu evalwati b’mod awtonomu mit-talbiet għad-danni.

(ara l-punt 30)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Diċembru 1997, Gill vs Il‑Kummissjoni, T‑90/95, ĠabraSP p. I‑A‑471 u II‑1231, punt 45; 6 ta’ Marzu 2001, Ojha vs Il‑Kummissjoni, T‑77/99, ĠabraSP p. I‑A‑61 u II‑293, punt 68; 5 ta’ Diċembru 2002, Hoyer vs Il‑Kummissjoni, T‑209/99, ĠabraSP p. I‑A‑243 u II‑1211, punt 32; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ Marzu 2010, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑102/08, punt 23

2.      Fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, uffiċjal jista’ liberament jinvoka, insostenn tat-talbiet tiegħu għad-danni, in-natura illegali tal-miżuri ta’ ordni prattika li ma jikkostitwixxux atti li jikkawżaw preġudizzju, peress illi r-rikors ma huwiex intiż sabiex jinkiseb l-annullament ta’ dawn il-miżuri, iżda l-kumpens tal-konsegwenzi dannużi tagħhom.

(ara l-punt 41)

3.      Id-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju privat tal-persuni fiżiċi, prinċipju ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, kif stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem li għalih jirreferi l-Artikolu 6(2) TUE, jiggarantixxi protezzjoni kontra l-interventi arbitrarji jew sproporzjonati tal-awtorità pubblika fl-isfera tal-attività privata ta’ kull persuna, peress li dawn l-interventi għandhom ikollhom bażi legali u għandhom ikunu ġġustifikati minħabba raġunijiet stipulati bil-liġi fis-sistemi legali kollha tal-Istati Membri.

Ir-residenza ta’ uffiċjal ipprovduta lilu minn min kien jimpjegah, fil-post fejn huwa jeżerċita l-attività professjonali tiegħu, għall-użu esklużiv bħala abitazzjoni, għandha tiġi evalwata bħala “domiċilju”. Il-fatt li l-persuna kkonċernata, waqt leave tal-mard, tirrisjedi provviżorjament fi Stat Membru ieħor huwa irrilevanti, peress li tali assenza ma hijiex tali li twassal għal ċaqliq taċ-ċentru tal-interessi tal-uffiċjal.

Konsegwentement, jekk l-amministrazzjoni tidħol fir-residenza tal-uffiċjal ipprovduta lilu minn min kien jimpjegah, mingħajr ma dan tal-aħħar ikun informat dwar dan u mingħajr mal-amministrazzjoni ma tkun ivverifikat a fortiori jekk kienx hemm oppożizzjoni eventwali min-naħa tiegħu, hija tikkawża dannu lid-dritt tal-uffiċjal għar-rispett tal-proprjetà tiegħu, tad-domiċilju tiegħu u tal-ħajja privata tiegħu u twettaq żball tad-dipartiment li jista’ jagħti lok sabiex tinżamm responsabbli. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li kien hemm deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjal, u lanqas minħabba motivi bbażati fuq l-interess tad-dipartiment, bħall-ħtieġa li jiġi żgurat illi r-residenza baqgħet f’kundizzjoni tajba wara l-maltemp. Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex tali li jeżentaw lill-amministrazzjoni minn kull formalità, tal-inqas illi jinformaw minn qabel lill-uffiċjal dwar il-ħtieġa li tiġi vverifikata, b’mod urġenti, il-kundizzjoni tar-residenza.

(ara l-punti 51 sa 55, 57 u 61 sa 66)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punti 17 u 19

4.      Mill-Artikolu 256 KE jirriżulta illi l-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni hija rregolata bir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija għandha titwettaq u li l-istħarriġ dwar il-legalità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. Dan ma jeskludix illi istituzzjoni tista’ tuża metodi ta’ eżekuzzjoni bħall-kumpens, bil-kundizzjoni illi tkun tista’ tibbaża ruħha fuq bażi legali espressa, bħal pereżempju l-Artikolu 46 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippermetti illi jitnaqqas kull ammont li huwa dovut minn uffiċjal lill-Komunità mill-pensjoni ta’ rtirar jew benefiċċju ta’ invalidità tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punt 59)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Ġunju 2001, X vs Il‑Kummissjoni, T‑214/00, ĠabraSP p. I‑A‑143 u II‑663, punti 21 sa 23

5.      Fin-nuqqas ta’ bażi legali li tagħti kompetenza lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jimponi fuq istituzzjoni pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum sakemm timplementa l-miżuri li hija obbligata li twettaq bis-saħħa ta’ sentenza tal-imsemmi Tribunal għas-Servizz Pubbliku, talbiet sabiex jiġi impost tali pagament ta’ penalità għandhom jiġi miċħuda bħala inammissibbli.

Fi kwalunkwe każ, sakemm ma jkun hemm xejn illi juri illi istituzzjoni mhux ser twettaq l-obbligi tagħha fil-konfront tal-persuna kkonċernata, bis-saħħa tal-Artikolu 266 TFUE, ir-rikors għall-pagament ta’ penalità, maħsub sabiex jagħmel pressjoni fuq l-istituzzjoni, huwa eskluż.

(ara l-punti 80 sa 82)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Ottubru 1992, Meskens vs Il‑Parlament T-84/91, Ġabra p. II‑2335, punt 31; 12 ta’ Diċembru 1995, Connolly vs Il‑Kummissjoni, T‑203/95 R, Ġabra p. II‑2919, punt 45

6.      Jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, bis-saħħa tal-Artikolu 89(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jaqsam l-ispejjeż jew jiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

F’dan ir-rigward, peress li l-parti li rebħet ippreżentat numru mdaqqas ta’ talbiet li ġew miċħuda mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u ppreżentat lill-qorti talbiet għal kumpens manifestament eċċessivi, il-parti avversarja għandha tiġi kkundannata, minbarra l-ispejjeż tagħha, għall-ħlas ta’ parti biss tal-ispejjeż tal-parti li rebħet.

(ara l-punti 86 sa 88)