Language of document : ECLI:EU:C:2018:386

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil‑5 ta’ Ġunju 2018 (1)

Kawża C73/17

Ir-Repubblika Franċiża

vs

Il-Parlament Ewropew

“Rikors għal annullament – Sede tal-istituzzjonijiet – Parlament Ewropew – Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja – Sessjonijiet plenarji ordinarji fi Strasbourg jew sessjonijiet plenarji addizzjonali fi Brussell – Talba għaż-żamma tal-effetti legali fil-każ ta’ annullament”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tar-rikors tagħha, ippreżentat fid‑9 ta’ Frar 2018, ir-Repubblika Franċiża, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla erba’ atti tal-Parlament Ewropew dwar l-adozzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, jiġifieri:

–        l-aġenda tas-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2016, inkwantu tinkludi dibattiti dwar l-abbozz konġunt tal-baġit ġenerali [dokument P8_OJ(2016)11–30];

–        l-aġenda tas-seduta tal‑1 ta’ Diċembru 2016, inkwantu tinkludi votazzjoni segwita minn spjegazzjonijiet tal-vot fuq l-abbozz konġunt tal-baġit ġenerali [dokument P8_OJ(2016)12–01];

–        ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tal‑1 ta’ Diċembru 2016 dwar l-abbozz konġunt tal-baġit ġenerali [dokument T8–0475/2016, P8_TA-PROV(2016)0475 fil-verżjoni provviżorja tagħha], u

–        l-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”).

2.        Skont ir-Repubblika Franċiża, id-dibattiti dwar l-abbozz konġunt tal-baġit ġenerali, il-votazzjoni tal-Parlament dwar dan l-abbozz u l-att tal-President tal-Parlament li jikkonstata l-adozzjoni tal-baġit kellhom iseħħu f’sessjoni plenarja ordinarja tal-Parlament fi Strasbourg (Franza), u mhux fis-sessjoni parzjali plenarja addizzjonali li saret fi Brussell (il-Belġju) fit‑30 ta’ Novembru u fl‑1 ta’ Diċembru 2016.

3.        Din it-tilwima għalhekk ittawwal il-lista tal-kawżi relatati mas-sede tal-Parlament (2). Evidentement, jiena konsapevoli tal-kunsiderazzjonijiet politiċi u tat-tħassib ambjentali jew baġitarji, jew saħansitra ta’ sens ta’ kburija nazzjonali, li jirrigwardaw il-qsim tal-attivitajiet tal-Parlament bejn Strasbourg u Brussell u li jakkumpanjaw iċ-ċaqliq ta’ kull xahar bejn dawn iż-żewġt ibliet. Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali Mengozzi kien enfasizza b’mod pertinenti fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Franza vs Il‑Parlament (C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796), “[g]ħalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinjora l-kuntest ta’ tqegħid fid-dubju qawwi tal-obbligu tal-Parlament li jiltaqa’ fi Strasbourg […], huwa importanti li jitfakkar li qed tiġi mitluba tiddeċiedi fil-kuntest tar-rikorsi tal-lum” (3) u unikament skont id-dritt.

II.    Il-kuntest ġuridiku

4.        Fit‑12 ta’ Diċembru 1992, il-gvernijiet tal-Istati Membri adottaw, fuq il-bażi tal-Artikoli 216 tat-Trattat KEE, tal-Artikolu 77 tat-Trattat KEFA u tal-Artikolu 189 tat-Trattat KEEA, bi ftehim komuni, id-Deċiżjoni fuq il-post tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti korpi u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej (4) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Edinburgh”).

5.        Wara li ġie inkluż fil-Protokoll Nru 12 anness mat-Trattati UE, KE, KEFA u KEEA, it-test tal-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh issa huwa inkluż fil-Protokoll Nru 6 anness mat-Trattati UE u FUE u fil-Protokoll Nru 3 anness mat-Trattat KEEA, dwar il-Lokalità tas-Sede ta’ l-Istituzzjonijiet u ta’ ċerti Organi, Korpi u Dipartimenti ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet”).

6.        Skont il-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet: “Il-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasburgu fejn it-12-il perijodu tas-sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, inkluża s-sessjoni tal-baġit, għandhom jinżammu. Il-perjodi tas-sessjonijiet plenarji addizzjonali għandhom jinżammu fi Brussell. Il-kumitati tal-Parlament Ewropew għandhom jiltaqgħu fi Brussell. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew u d-dipartimenti tiegħu għandhom jibqgħu fil-Lussemburgu.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

7.        Fit‑18 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat abbozz ta’ baġit annwali għas-sena finanzjarja 2017. Fit‑12 ta’ Settembru 2016, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bagħat lill-Parlament il-pożizzjoni tiegħu dwar dan l-abbozz. Wara votazzjoni fil-Kumitat għall-Baġits u dibattiti matul is-sessjoni parzjali plenarja ordinarja li saret fi Strasbourg mill‑24 sas‑27 ta’ Ottubru 2016, il-Parlament adotta, fis‑26 ta’ Ottubru 2016, riżoluzzjoni leġiżlattiva li fiha ppreżenta emendi għall-imsemmi abbozz. Fis‑27 ta’ Ottubru 2016, bdiet il-proċedura ta’ konċiljazzjoni tal-baġit bejn il-Parlament u l-Kunsill, li wasslet għal ftehim fuq abbozz konġunt, fis‑17 ta’ Novembru 2016, liema ftehim intbagħat fl-istess jum lill-Parlament u lill-Kunsill.

8.        Il-Kunsill approva l-abbozz konġunt fit‑28 ta’ Novembru 2016. Il-Parlament ma inkludiex id-dibattitu u l-votazzjoni dwar dan l-abbozz fl-aġenda tas-sessjoni parzjali plenarja ordinarja li saret fi Strasbourg mill‑21 sal‑24 ta’ Novembru 2016, iżda f’dik tas-sessjoni parzjali plenarja addizzjonali li saret fi Brussell fit‑30 ta’ Novembru u fl‑1 ta’ Diċembru 2016.

9.        Bir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal‑1 ta’ Diċembru 2016, il-Parlament approva l-abbozz konġunt. Fl-istess jum, il-President tal-Parlament ikkonstata, dejjem fi Brussell, li l-baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv. L-aħħar sessjoni parzjali plenarja ordinarja tas-sena 2016 saret fi Strasbourg mit‑12 sal‑15 ta’ Diċembru 2016.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

10.      Fid‑9 ta’ Frar 2017, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat dan ir-rikors. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati;

–        iżżomm l-effetti tal-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv sakemm il-baġit jiġi adottat b’mod definittiv b’att konformi mat-Trattati, f’terminu raġonevoli li jibda jiddekorri mid-data tal-għoti tas-sentenza, u

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

11.      Hija tibbaża r-rikors tagħha fuq motiv uniku bbażat fuq l-allegazzjoni li l-atti kkontestati jiksru l-Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet.

12.      Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara inammissibbli r-rikors inkwantu jikkonċerna ż-żewġ aġendi u r-riżoluzzjoni kkontestati;

–        tiċħad ir-rikors, u

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, iżżomm l-effetti tal-att li bih il-President tal-Parlament Ewropew ikkonstata li l-baġit ġenerali kien ġie adottat b’mod definittiv sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli, ta’ att ġdid maħsub biex jissostitwixxih.

13.      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Franċiża permezz tad-Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Ġunju 2017.

V.      Analiżi

A.      Fuq l-ammissibbiltà

14.      Il-Parlament iqis li r-rikors huwa inammissibbli inkwantu dan jirrigwarda ż-żewġ aġendi tas-seduti tal-Parlament tat‑30 ta’ Novembru 2016 u tal‑1 ta’ Diċembru 2016 kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal‑1 ta’ Diċembru 2016 dwar l-abbozz konġunt tal-baġit ġenerali. L-aġendi huma biss miżuri ta’ organizzazzjoni purament interna tal-Parlament mingħajr effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi; ir-riżoluzzjoni hija biss att preparatorju għall-adozzjoni tal-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv.

15.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ċaħdet dawn l-argumenti minħabba l-fatt li l-evalwazzjoni tal-effetti legali tal-atti inkwistjoni kienet intrinsikament marbuta mal-eżami tal-kontenut tagħhom u, għaldaqstant, mal-eżami tar-rikors rigward il-mertu (5).

16.      Madankollu, nikkonstata li l-atti inkwistjoni fis-sentenzi kkonċernati ma kinux aġendi jew riżoluzzjonijiet adottati fil-kuntest tal-proċedura baġitarja. Il-problema jidhirli li tinqala’ minn angolu differenti f’din l-aħħar ipoteżi. Fil-fatt, iż-żewġ aġendi kkontestati huma formalitajiet meħtieġa sabiex il-Parlament ikun jista’ jiddibatti u jivvota dwar l-abbozz konġunt tal-baġit ġenerali stabbilit fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni skont il-modalitajiet u fit-termini previsti fl-Artikolu 314(6) u (7) TFUE. Ir-riżoluzzjoni tal‑1 ta’ Diċembru 2016 dwar l-abbozz konġunt tal-baġit ġenerali, tifformalizza l-approvazzjoni tal-Parlament li seħħet fi tmiem dawn id-dibattiti. Huwa fuq din il-bażi, b’mod partikolari, li l-President tal-Parlament jista’ jikkonstata, skont l-Artikolu 314(9) TFUE, li l-baġit ikun ġie adottat b’mod definittiv. Kull wieħed mill-atti kkontestati għalhekk jidhirli li huwa ta’ natura baġitarja.

17.      Issa, abbażi tal-Artikolu 314(10) TFUE – li jistabbilixxi li kull istituzzjoni involuta fl-adozzjoni tal-baġit annwali tal-Unjoni “għandha teżerċita s-setgħa mogħtija lilha [fl-Artikolu 314 TFUE] skond it-Trattati u l-atti adottati taħthom” –, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura baġitarja ta’ att ma jipprekludix li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra tiegħu (6). Fil-fatt, “[f]in-nuqqas ta’ possibbiltà li l-atti tal-awtorità baġitarja jintbagħtu għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istituzzjonijiet li jifformaw dik l-awtorità jistgħu jużurpaw is-setgħat tal-Istati Membri jew tal-istituzzjonijiet l-oħra jew imorru lil hinn mil-limiti li huma stabbiliti mis-setgħat tagħhom stess” (7).

18.      Għalhekk jiena tal-fehma li r-rikors ippreżentat mir-Repubblika Franċiża mhux biss huwa ammissibbli inkwantu jirrigwarda l-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv(8), iżda wkoll l-aġendi tas-seduti tal-Parlament tat‑30 ta’ Novembru 2016 u tal‑1 ta’ Diċembru 2016, kif ukoll ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tal‑1 ta’ Diċembru 2016 dwar l-abbozz konġunt tal-baġit ġenerali.

B.      Fuq il-mertu

1.      Fuq il-prinċipju tal-organizzazzjoni tas-sessjonijiet baġitarji fi Strasbourg

19.      Skont il-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet, “[i]l-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasburgu fejn it-12-il perijodu tas-sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, inkluża s-sessjoni tal-baġit, għandhom jinżammu”.

20.      Il-Gvern Franċiż jikkunsidra li din ir-referenza għas-“sessjoni tal-baġit” ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tindika speċifikament is-sessjoni parzjali li fiha l-abbozz ta’ baġit inizjali, kif emendat mill-Kunsill, jiġi eżaminat u ġeneralment emendat mill-Parlament skont l-Artikolu 314(4) TFUE. Jekk wieħed jassumi li dan il-kunċett jirreferi għal sessjoni parzjali unika u speċifika, xejn ma jippermetti li jitqies li hija tirrigwarda preċiżament din is-sessjoni parzjali pjuttost milli dik li fiha l-abbozz konġunt adottat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jiġi diskuss u vvotat.

21.      Wara interpretazzjoni testwali u storika tal-Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet, mifhuma fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tagħhom u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament isostni, għall-kuntrarju, li l-kliem “sessjoni tal-baġit” għandu jinqara bħala li jirreferi għas-sessjoni parzjali li fiha l-Parlament jeżerċita s-setgħat li ngħatawlu inizjalment mill-Artikolu 203 tat-Trattat KEE li jipproponi emendi għall-abbozz oriġinali tal-baġit, kif emendat mill-Kunsill.

22.      Fil-fatt, mill-użu tal-kliem “sessjoni tal-baġit” fis-singular jirriżulta li din l-espressjoni tirreferi għal sessjoni parzjali speċifika. Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh, l-Istati Membri riedu biss iżommu l-prattika preċedenti tal-Parlament li, lejn tmiem ix-xahar ta’ Ottubru, jew fil-bidu tax-xahar ta’ Novembru, jorganizza sessjoni parzjali plenarja fi Strasbourg, imsejħa “sessjoni parzjali ta’ Ottubru II”, li kienet tkun miżjuda mas-sessjonijiet parzjali plenarji ordinarji ta’ kull xahar u kienet użata, essenzjalment, għall-ewwel qari tal-baġit annwali. Min-naħa l-oħra, xejn fil-Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet ma jobbliga lill-Parlament jagħmel ukoll id-dibattiti u l-votazzjoni sussegwenti dwar l-abbozz konġunt adottat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni f’sessjoni parzjali plenarja ordinarja fi Strasbourg.

23.      Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi segwita.

24.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (9).

25.      Fil-fatt, għalkemm “it-test ta’ dispożizzjoni […] huwa dejjem il-punt ta’ tluq u, fl-istess ħin, il-limitu ta’ kull interpretazzjoni” (10), l-interpretazzjoni teleoloġika ssir fakultattiva biss fil-każ fejn it-test inkwistjoni huwa assolutament ċar u inekwivokabbli (11). Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet ma jippermettix, waħdu, li jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kliem “sessjoni tal-baġit”.

26.      L-użu tan-nom fis-singular “sessjoni” minflok il-verżjoni fil-plural tiegħu “sessjonijiet” pjuttost jindika sessjoni plenarja waħda. Madankollu, din l-interpretazzjoni restrittiva ma hijiex kompatibbli mal-proċedura għall-adozzjoni tal-baġit kif hija organizzata fl-Artikolu 314 TFUE. Fil-fatt, jekk il-Kunsill ma japprovax l-emendi adottati mill-Parlament fi tmiem l-analiżi tiegħu tal-abbozz tal-baġit, l-Artikolu 314(6) TFUE jipprevedi dibattitu parlamentari ġdid dwar il-ftehim konġunt tal-abbozz milħuq fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

27.      Ċertament, huwa t-Trattat ta’ Lisbona li introduċa fil-proċedura ta’ adozzjoni tal-baġit annwali tal-Unjoni l-involviment ta’ kumitat ta’ konċiljazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-eventwalità tat-tieni sessjoni parlamentari ddedikata għall-adozzjoni tal-baġit ma hijiex xi ħaġa ġdida. Il-possibbiltà ta’ tieni qari tal-baġit annwali kienet teżisti diġà taħt l-Artikolu 203 tat-Trattat KEE (12), jiġifieri ħafna qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh u r-rikonoxximent tagħha fil-Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet.

28.      Għalhekk, fin-nuqqas ta’ preċiżjoni, huwa impossibbli, li sessjoni tipprevali fuq oħra. Jekk l-Istati Membri riedu jillimitaw l-obbligu li d-dibattiti dwar l-abbozz tal-baġit tal-Unjoni fi Strasbourg jiġu organizzati f’waħda miż-żewġ fażijiet parlamentari, kien messhom jispeċifikaw dan.

29.      Għall-kuntrarju, billi ġie sempliċiment indikat li “is-sessjoni tal-baġit” kellha ssir fi Strasbourg, jista’ jkun leġittimament preżunt li l-gvernijiet tal-Istati Membri “riedu jindikaw li l-eżerċizzju mill-Parlament tas-setgħa baġitarja tiegħu f’sessjoni plenarja, skont l-Artikolu 203 tat-Trattat KE, [kellu] jsir waqt waħda mis-sessjonijiet parzjali plenarji ordinarji li jsiru fis-sede tal-istituzzjoni” (13). Għaldaqstant ma hijiex waħda mill-fażijiet speċifiċi għall-adozzjoni tal-baġit li hija msemmija iżda l-eżerċizzju tas-setgħat fl-intier tagħhom.

30.      Fis-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament (C‑345/95, EU:C:1997:450), il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk interpretat id-Deċiżjoni ta’ Edinburgh “fis-sens li hija tiddefinixxi s-sede tal-Parlament bħala l-post fejn għandhom jinżammu, b’ritmu regolari, tnax-il sessjoni parzjali plenarja ordinarja ta’ din l-istituzzjoni, inklużi dawk li fihom il-Parlament għandu jeżerċita l-poteri tiegħu ta’ baġit mogħtija lilu mit-Trattat” (14).

31.      Din l-interpretazzjoni hija dovuta għall-importanza tal-adozzjoni tal-baġit annwali tal-Unjoni minn perspettiva demokratika. Fil-fatt, kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, “[l]-eżerċizzju mill-Parlament tal-awtorità tiegħu ta’ baġit f’sessjoni plenarja jikkostitwixxi […] mument fundamentali fil-ħajja demokratika tal-Unjoni Ewropea u għalhekk dan għandu jsir b’attenzjoni, b’rigorożità u b’kull impenn meħtieġ minn tali responsabbiltà. L-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza teħtieġ dibattitu pubbliku, f’seduta plenarja, li tippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni jsiru jafu dwar il-politika differenti espressa u, b’hekk, jifformaw opinjoni politika dwar l-azzjoni tal-Unjoni” (15).

32.      Peress li l-Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet irriproduċew id-Deċiżjoni ta’ Edinburgh, ma hemmx raġuni li wieħed jitbiegħed minn din l-interpretazzjoni. Dan huwa iktar u iktar iġġustifikat minħabba li l-proċedura l-ġdida ta’ konċiljazzjoni introdotta fl-Artikolu 314(5) TFUE ma hijiex pubblika u tinvolvi biss il-parteċipazzjoni ta’ 28 membru tal-Parlament. Dibattitu, f’seduta plenarja u pubblika, mill-Parlament dwar l-abbozz konġunt adottat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jsaħħaħ ir-rwol tal-Parlament u huwa, għalhekk, ta’ importanza ikbar għal-leġittimità demokratika tal-Unjoni.

2.      Fuq l-eċċezzjoni relatata mal-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni

33.      Madankollu, il-Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet huma rregolati mir-rispett reċiproku tas-setgħat rispettivi tal-Istati Membri u tal-Parlament (16). Dan ifisser li l-punt (a) tad-dispożizzjoni unika ta’ dawn il-protokolli ma tistax tiġi applikata mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dmirijiet ta’ kooperazzjoni leali li jorbtu lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. B’mod konkret, għalkemm il-Parlament għandu l-obbligu li josserva l-Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet meta huwa jirregola l-organizzazzjoni interna tiegħu, dan ma jistax ifixkel il-funzjonament tajjeb ta’ din l-istituzzjoni (17), u lanqas, a fortiori, dak tal-Unjoni.

34.      Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjonijiet provviżorji tal-gvernijiet tal-Istati Membri fir-rigward tas-sedi tal-istituzzjonijiet ma jeskludux li l-Parlament jista’, fl-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu li jirregola l-organizzazzjoni interna tiegħu, jiddeċiedi li ssir sessjoni plenarja barra minn Strasbourg sakemm din id-deċiżjoni, minn naħa waħda, tkun eċċezzjoni u, min-naħa l-oħra, tkun iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi għall-funzjonament tajjeb tal-Parlament (18). Issa, fil-kawża li dak iż-żmien kienet ġiet adita biha, ir-raġunijiet invokati mill-Parlament kienu jirrigwardaw in-neċessità li jkun jista’ jorganizza, fi żmien qasir, sessjonijiet qosra, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura baġitarja, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat (19).

35.      Għalkemm is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il‑Parlament (358/85 u 51/86, EU:C:1988:431), kienet ingħatat qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh, il-prinċipju u l-metodoloġija segwita ma jidhirlix li tilfu r-rilevanza tagħhom. Minn naħa, id-Deċiżjoni ta’ Edinburgh hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tat‑8 ta’ April 1965 iffirmata waqt l-iffirmar tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej, li ġiet espressament imfakkra u kkonfermata mill-premessa tal-Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jsiru sessjonijiet plenarji addizzjonali fi Brussell hija espliċitament stabbilita fil-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet.

36.      F’dan il-kuntest, il-possibbiltà li t-tieni sessjoni Parlamentari dwar il-baġit issir waqt sessjoni plenarja addizzjonali fi Brussell ma jidhirlix li tikser il-Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet sakemm dan il-mod ta’ kif wieħed jipproċedi jkun eċċezzjonali u ġġustifikat mir-rieda li tiġi żgurata l-adozzjoni tal-baġit fl-osservanza tal-proċedura u tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 314 TFUE.

37.      F’Unjoni demokratika, l-interess għall-funzjonament tal-Unjoni – u għalhekk għaċ-ċittadini! – li jkun hemm tassew baġit annwali minflok li tintuża s-sistema ta’ “wieħed minn tnax ta’ l-approprazjonijiet” prevista fl-Artikolu 315 TFUE għandu neċessarjament jieħu preċedenza fuq l-osservanza stretta tas-sede tal-Parlament ladarba sessjoni plenarja addizzjonali tal-Parlament fi Brussell toffri l-istess garanziji demokratiċi f’termini ta’ serjetà u pubbliċità tad-dibattiti bħal sessjoni plenarja ordinarja fi Strasbourg.

38.      Kif jenfasizza l-Artikolu 13 TUE, l-Unjoni għandha qafas istituzzjonali maħsub sabiex “jippromwovi l-valuri tagħha, isegwi l-objettivi tagħha, iservi l-interessi tagħha, dawk taċ-ċittadini tagħha u dawk ta’ l-Istati Membri, kif ukoll sabiex jassigura l-koerenza, l-effiċjenza u l-kontinwità tal-politika u ta’ l-azzjonijiet tagħha”. Għal dan il-għan, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom “jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’periklu l-kisba ta’ l-objettivi ta’ l-Unjoni”. L-istituzzjonijiet huma għalhekk strumenti għas-servizz tal-Unjoni, taċ-ċittadini tagħha u tal-Istati Membri, mhux ostakolu għall-funzjonament tagħha.

3.      Fuq l-applikazzjoni f’din il-kawża

39.      Sabiex tosserva l-Protokolli dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet, l-organizzazzjoni tad-dibattitu u tal-votazzjoni dwar l-abbozz konġunt waqt sessjoni plenarja addizzjonali tal-Parlament fi Brussell għandha għalhekk tkun eċċezzjonali u ġġustifikata mir-rieda li tiġi żgurata l-adozzjoni tal-baġit fl-osservanza tal-proċedura u tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 314 TFUE.

40.      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, in-natura eċċezzjonali ta’ dan il-metodu ma jidhirlix li tista’ tiġi kkontestata. Fil-fatt, mid-Deċiżjoni ta’ Edinburgh ’l hawn, il-Parlament ivvota dwar il-baġit annwali tal-Unjoni (jew il-President tal-Parlament kkonstata l-adozzjoni tiegħu) waqt sessjoni parzjali plenarja addizzjonali fi Brussell f’sitt okkażjonijiet biss (20).

41.      It-tieni kundizzjoni għandha, min-naħa l-oħra, tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 314(6) TFUE, li jirrikjedi li l-Parlament u l-Kunsill jadottaw l-abbozz konġunt tal-baġit fi żmien erbatax-il jum mid-data tal-ftehim miksub fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

42.      F’dan il-każ, billi l-abbozz konġunt tal-baġit ġie adottat fis‑17 ta’ Novembru 2016, ma setax jiġi eżaminat matul is-sessjoni plenarja ordinarja tal-Parlament prevista fi Strasbourg mit‑12 sal‑15 ta’ Diċembru 2016. Is-sessjoni plenarja ordinarja li saret fi Strasbourg mill‑21 sal‑24 ta’ Novembru 2016 kienet għaldaqstant l-unika sessjoni parzjali li matulha l-Parlament seta’, teoretikament, jiddibatti u jivvota dwar l-abbozz konġunt tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017.

43.      Madankollu, il-Parlament isostni li qabel ma l-abbozz konġunt jiġi sottomess għall-approvazzjoni tal-Kunsill u tal-Parlament, jeħtieġ li dak li jkun għadu biss ftehim politiku jiġi “traspost” f’testi baġitarji u legali. Huwa wkoll essenzjali li dawn jiġu tradotti fl-erbgħa u għoxrin lingwa uffiċjali tal-Unjoni. Issa, is-servizzi tal-Kunsill u tal-Parlament ma ġewx informati mill-Kummissjoni dwar id-disponibbiltà tad-dokumenti rilevanti għajr b’posta elettronika datata 24 ta’ Novembru 2016 fil-16.42, jiġifieri inqas minn siegħa qabel it-tmiem tas-sessjoni parzjali ordinarja tal-Parlament (21).

44.      Din iċ-ċirkustanza jidhirli li hija raġuni oġġettiva li tiġġustifika deroga mill-prinċipju li l-baġit annwali tal-Unjoni għandu jiġi diskuss u vvotat mill-Parlament f’sessjoni plenarja ordinarja fi Strasbourg.

45.      Fil-fatt, sabiex nuża l-kliem li uża l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-dibattiti u l-votazzjoni dwar l-abbozz konġunt li rriżultaw mill-konċiljazzjoni jikkostitwixxu, bl-istess mod bħall-eżami tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit, mument fundamentali fil-ħajja demokratika tal-Unjoni (22). Filwaqt li jirreferi għas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Franza vs Il‑Parlament (C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:7), il-Gvern Franċiż iqis, ġustament, li kemm wieħed kif ukoll l-ieħor għandhom isiru b’attenzjoni, b’rigorożità u bl-impenn meħtieġ minn tali responsabbiltà.

46.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li “d-dibattiti u l-votazzjoni dwar l-abbozz konġunt illum jikkostitwixxu fażi ġdida fundamentali tal-proċedura baġitarja, u [li] għalhekk ma jistax jitqies li din il-fażi hija inqas importanti minn dik li matulha l-istituzzjonijiet jivvutaw għall-ewwel darba dwar l-abbozz tal-baġit [tal-Unjoni]” (23), u fl-istess ħin jingħad li d-disponibbiltà bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni tal-abbozz konġunt f’testi baġitarji u ġuridiċi korretti ma tikkostitwixxix il-prerekwiżit sabiex il-Parlament ikun jista’ jeżerċita s-setgħa baġitarja tiegħu bl-attenzjoni, bir-rigorożità u b’kull impenn meħtieġ minn tali responsabbiltà.

47.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher effettivament li l-uniku mod kif seta’ jiġi adottat il-baġit ġenerali għas-sena finanzjarja 2017 fit-termini previsti fl-Artikolu 314(6) TFUE, mingħajr ma jiġi ostakolat il-funzjonament tajjeb tal-Parlament, kien li s-suġġett jiġi inkluż fl-aġenda tas-sessjoni plenarja addizzjonali li kienet ġiet ippjanata fi Brussell fit‑30 ta’ Novembru u fl‑1 ta’ Diċembru 2016 waqt l-adozzjoni, fl‑20 ta’ Mejju 2015, tal-kalendarju tas-sessjonijiet plenarji tal‑2016.

48.      Fir-rigward tal-att li bih il-President tal-Parlament, bħala organu ta’ din l-istituzzjoni, jagħti saħħa vinkolanti lill-baġit tal-Unjoni, ma jistax jiġi kkontestat li dan l-att huwa parti integrali mill-proċedura baġitarja (24) anki jekk huwa biss l-Artikolu 91 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, u mhux it-Trattat, li jipprevedi li, fejn il-President iqis li l-baġit ikun ġie adottat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 314 TFUE, “huwa għandu jiddikjara f’sessjoni plenarja li l-baġit ġie adottat b’mod definittiv”.

49.      Madankollu, għalkemm l-Artikolu 314(9) TFUE ma jimponi ebda formalità għal din il-konstatazzjoni, lanqas ma jimponi terminu fuq il-President tal-Parlament sabiex jagħmel din il-konstatazzjoni. Konsegwentement, ma jistax jiġi validament sostnut li dan l-“att” ma setax iseħħ matul l-aħħar sessjoni plenarja ordinarja tal-Parlament li saret fi Strasbourg mit‑12 sal‑15 ta’ Diċembru 2016.

50.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv għandu jiġi annullat.

VI.    Fuq iż-żamma tal-effetti ratione temporis tal-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv

51.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tannulla l-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv, il-Gvern Franċiż jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tal-imsemmi att sakemm il-baġit jiġi adottat b’mod definittiv b’att konformi mat-Trattati.

52.      L-annullament tal-att tal-President tal-Parlament għandu bħala effett li jċaħħad il-baġit 2017 mill-validità tiegħu (25). Issa, meta l-konstatazzjoni tal-invalidità tal-baġit tal-Unjoni sseħħ f’mument fejn parti sostanzjali tas-sena inkwistjoni tkun diġà għaddiet, in-neċessità li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz pubbliku Ewropew kif ukoll raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-effetti tal-baġit li għandhom jitqiesu li huma definittivi (26). L-applikazzjoni tal-Artikolu 264(2) TFUE tapplika iktar u iktar f’din il-kawża minħabba li s-sena finanzjarja 2017 għaddiet kollha kemm hi.

53.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ġġustifikat li jinżammu l-effetti tal-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit ġenerali kien ġie adottat b’mod definittiv sad-dħul fis-seħħ, fi żmien raġonevoli, ta’ att ġdid, adottat b’mod validu u maħsub sabiex jissostitwixxih.

VII. Fuq l-ispejjeż

54.      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Peress li r-rikors tar-Repubblika Franċiża huwa infondat għal tlieta mill-erba’ atti kkontestati, hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

55.      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jbati l-ispejjeż tiegħu skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

VIII. Konklużjoni

56.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv huwa annullat.

2)      L-effetti tal-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit ġenerali kien ġie adottat b’mod definittiv għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ, fi żmien raġonevoli, ta’ att ġdid, adottat b’mod validu u maħsub sabiex jissostitwixxih.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 1983, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament (230/81, EU:C:1983:32); tat‑28 ta’ Novembru 1991, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament (C‑213/88 u C‑39/89, EU:C:1991:449); tal‑1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament (C‑345/95, EU:C:1997:450), u tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Franza vs Il‑Parlament (C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796).


3      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Franza vs Il‑Parlament (C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:545, punt 44).


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 223.


5      Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 1983, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament (230/81, EU:C:1983:32, punt 30); tat‑22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il‑Parlament (358/85 u 51/86, EU:C:1988:431, punt 15); tat‑28 ta’ Novembru 1991, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament (C‑213/88 u C‑39/89, EU:C:1991:449, punt 16), kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Franza vs Il‑Parlament (C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796, punt 20).


6      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1986, Il‑Kunsill vs Il‑Parlament (34/86, EU:C:1986:291, punt 13).


7      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1986, Il‑Kunsill vs Il‑Parlament (34/86, EU:C:1986:291, punt 12).


8      Ħadd ma jikkontesta li l-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv huwa att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2013, Il‑Kunsill vs Il‑Parlament (C‑77/11, EU:C:2013:559, punt 60).


9      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 35); tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 30), kif ukoll tal‑15 ta’ Marzu 2017, Flibtravel International u Leonard Travel International (C‑253/16, EU:C:2017:211, punt 18).


10      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Agrana Zucker (C‑33/08, EU:C:2009:99, punt 37).


11      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Schulte (C‑350/03, EU:C:2004:568, punt 88).


12      Ara l-Artikolu 4 tat-Trattat li jemenda ċerti dispożizzjonijiet tal-baġit tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat fil-Lussemburgu fit‑22 ta’ April 1970 (ĠU 1971, L 2, p. 1), kif ukoll l-Artikolu 12 tat-Trattat li jemenda ċerti dispożizzjonijiet finanzjarji tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat fi Brussell fit‑22 ta’ Lulju 1975 (ĠU 1977, L 359, p. 1).


13      Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament (C‑345/95, EU:C:1997:450, punt 28); enfasi miżjuda minni.


14      Punt 29 tal-imsemmija sentenza. Ara, wkoll, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Franza vs Il‑Parlament (C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796, punt 40).


15      Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Franza vs Il‑Parlament (C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796, punt 68).


16      Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Franza vs Il‑Parlament (C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796, punt 60).


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 1983, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament (230/81, EU:C:1983:32, punti 37 u 38); tat‑22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il‑Parlament (358/85 u 51/86, EU:C:1988:431, punti 34 u 35); tal‑1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament (C‑345/95, EU:C:1997:450, punti 31 u 32), kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Franza vs Il‑Parlament (C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796, punti 41 u 42).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il‑Parlament (358/85 u 51/86, EU:C:1988:431, punt 36).


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il‑Parlament (358/85 u 51/86, EU:C:1988:431, punt 39).


20      Skont ir-risposta tal-Parlament, dawn kienu l-adozzjoni tal-baġits għas-snin finanzjarji 1996, 1997, 2007, 2012, 2017 u 2018. Barra minn hekk, nikkonstata li r-Repubblika Franċiża ppreżentat rikors għal annullament biss kontra l-atti adottati mill-Parlament fi Brussell matul is-sessjonijiet baġitarji 2016 u 2017 (jiġifieri din il-proċedura u dik pendenti taħt in-numru C‑92/18).


21      Il-posta elettronika, li tirrigwarda l-verżjoni bl-Ingliż tad-dokumenti rilevanti, tispeċifika li verżjonijiet ta’ dawn id-dokumenti, tradotti fil-lingwi uffiċjali l-oħra kollha, għandhom jintbagħtu direttament mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea lis-segretarjati tal-Kumitat tal-Baġit tal-Kunsill u tal-Kumitat “BUDG” tal-Parlament.


22      Ara l-punt 53 tar-replika tar-Repubblika Franċiża.


23      Ara l-punt 52 tar-replika tar-Repubblika Franċiża.


24      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1986, Il‑Kunsill vs Il‑Parlament (34/86, EU:C:1986:291, punti 7 u 8), il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ċaħdet l-argument invokat mill-Parlament li l-President tal-Parlament jintervjeni biss wara li tintemm il-proċedura baġitarja.


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1986, Il‑Kunsill vs Il‑Parlament (34/86, EU:C:1986:291, punt 46).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1986, Il‑Kunsill vs Il‑Parlament (34/86, EU:C:1986:291, punt 48).