Language of document : ECLI:EU:T:2015:16

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

15 ta’ Jannar 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Komunità Ewropea — Trade mark verbali MONACO — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Karattru deskrittiv — Assenza ta’ karattru distintiv — Artikolu 151(1) u Artikolu 154(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 7(1)(b) u (c) u Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 — Rifjut parzjali ta’ protezzjoni”

Fil-Kawża T‑197/13,

Marques de l’État de Monaco (MEM), stabbilita f’Monako (Monako), irrappreżentata minn S. Arnaud, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn V. Melgar, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tad-29 ta’ Jannar 2013 (Każ R 113/2012‑4), dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Komunità Ewropea tat-trade mark verbali MONACO,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ April 2013,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Awwissu 2013,

wara li rat id-deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2013 li tawtorizza l-preżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali ta’ ittra tar-rikorrenti tat-22 ta’ Ottubru 2013,

wara li rat l-osservazzjonijiet tal-UASI dwar din l-ittra ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Novembru 2013,

wara li rat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

wara li rat li l-partijiet ma ressqu l-ebda talba għal seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċeduri,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta’ Diċembru 2010, il-Gvern tal-Prinċipat ta’ Monako kiseb mingħand il-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Komunità Ewropea għat-trade mark verbali MONACO (iktar ’il quddiem it-“trade mark inkwistjoni”). Din ir-reġistrazzjoni wasslet fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) fl-24 ta’ Marzu 2011.

2        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 12, 14, 16, 18, 25, 28, 35, 38, 39, 41 u 43, skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

3        Fl-1 ta’ April 2011, l-UASI nnotifika lill-Gvern ta’ Monako rifjut provviżorju ex officio tal-protezzjoni tat-trade mark inkwistjoni fl-Unjoni Ewropea, b’mod konformi mal-Artikolu 5 tal-Protokoll għall-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ marki, adottat f’Madrid fis-27 ta’ Ġunju 1989 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 317, iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Madrid”), u mar-Regola 113 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendata, għal ċertu prodotti u servizzi koperti mir-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem il-“prodotti u s-servizzi kkonċernati”). Il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16, 39, 41 u 43 u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 9: “Tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku”;

–        klassi 16: “[O]ġġetti magħmula minn dawn il-materjali [karti, kartunċin] mhux inklużi fi klassijiet oħra; Materjal stampat; Ritratti”;

–        klassi 39: “Trasport; Arranġamenti għall-ivvjaġġjar”;

–        klassi 41: “Divertiment; Attivitajiet kulturali u sportivi”;

–        klassi 43: “Akkomodazzjoni temporanja”.

4        Il-motivi invokati insostenn ta’ dan ir-rifjut kienu l-assenza ta’ karattru distintiv u l-karattru deskrittiv, għall-prodotti u għas-servizzi kkonċernati tat-trade mark inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

5        Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2011, wara li l-Gvern ta’ Monako kien irrisponda għall-oġġezzjonijiet imqajma fin-notifika ta’ rifjut provviżorju, l-eżaminatur ikkonferma għall-prodotti u għas-servizzi u għall-istess raġunijiet bħal dawk li tressqu preċedentement, ir-rifjut parzjali ta’ protezzjoni tat-trade marks inkwistjoni fl-Unjoni. Huwa, madankollu, qajjem oġġezzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ rifjut provviżorja dwar “[a]pparat biex tirrekordja, għat-trasmissjoni u riproduzzjoni ta’ ħsejjes u stampi”, li jaqgħu taħt il-klassi 9.

6        Fit-13 ta’ Jannar 2012, il-Gvern tal-Prinċipat ta’ Monako ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni mal-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009.

7        Fis-17 ta’ April 2012, ir-rikorrenti, Marques de l’État de Monaco (MEM), kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata taħt id-dritt ta’ Monako, issuċċediet lill-Gvern tal-Prinċipat ta’ Monako bħala l-proprjetarja tat-trade mark inkwistjoni.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. B’mod partikolari, huwa kkunsidra li ma kienx hemm leġittimità partikolari tar-rikorrenti sabiex jagħmel użu mit-trade mark inkwistjoni għall-prodotti u għas-servizzi kkonċernati, bl-unika kwistjoni ta’ importanza kienet jekk din tal-aħħar setgħetx tiġi rreġistrata fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009. Huwa bbaża r-rifjut tiegħu, l-ewwel nett, fuq l-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament, li jwassal sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tat-trade marks deskrittivi, bħal dawk li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew f’indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika. F’dan ir-rigward, huwa fakkar il-ġurisprudenza li tgħid li r-rapport bejn tali sinjali u l-prodotti jew is-servizzi koperti minn dawn it-trade marks kellu jkun suffiċjentement dirett u konkret, ġurisprudenza li kkunsidra applikabbli f’din il-kawża, peress li t-terminu “monaco” jindika t-territorju bl-istess isem u li għalhekk jista’ jinftiehem fi kwalunkwe lingwa tat-territorju tal-Unjoni bħala li jindika l-oriġini jew id-destinazzjoni ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati. Barra minn hekk, huwa jikkunsidra li t-trade mark inkwistjoni kienet b’mod ċar nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Huwa fl-aħħar nett jippreċiża li dawn ir-raġunijiet japplikaw ukoll fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) ta’ dan l-istess regolament.

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        b’mod inċidentali, “jekk ikun hemm bżonn”, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 7(1)(c) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għal Stat terz;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

10      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

11      Insostenn tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, minn perspettiva formali, ħames motivi, li essenzjalment ikopru tlieta, jiġifieri, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ motivazzjoni u l-motivazzjoni insuffiċjenti, it-tieni nett, il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tielet nett, il-ksur tal-Artikolu 7(1)(c) u tal-Artikolu 7(2) ta’ dan l-istess regolament.

12      L-UASI jikkontesta l-motivi kollha mressqa mir-rikorrenti.

13      Skont l-Artikolu 151(1) tar-Regolament Nru 207/2009, kull reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Komunità Ewropea jkollha, mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha skont l-Artikolu 3(4) tal-Protokoll ta’ Madrid, l-istess effetti bħal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. L-Artikolu 154(1) ta’ dan ir-regolament jiddisponi, li kull reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Komunità Ewropea hija suġġetta għal eżami dwar ir-raġunijiet assoluti ta’ rifjut, skont l-istess proċeduri bħall-applikazzjonijiet għal trade mark Komunitarja [sentenza tat-13 ta’ April 2011, Deichmann vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ forma ta’ V b’bordura bit-tikek), T‑202/09, EU:T:2011:168, punt 24].

14      Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati. Skont l-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament, huma rrifjutati r-reġistrazzjoni “trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”. L-Artikolu 7(2) ta’ dan l-istess regolament jiddisponi wkoll li l-paragrafu 1 għandu japplika anki jekk il-motivi ta’ rifjut japplikaw biss f’parti mill-Unjoni.

15      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat l-ewwel nett, jekk il-Bord tal-Appell osservax, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-obbligu ta’ motivazzjoni li kien impost fuqu.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u l-motivazzjoni insuffiċjenti

16      L-UASI huwa meħtieġ, bis-saħħa tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu l-istess portata bħal dak stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, li jipprovdi li r-raġunament tal-awtur tal-att għandu jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku. Dan l-obbligu għandu l-għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet għall-miżura li ttieħdet sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni [sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2010, Zeta Europe vs UASI (Superleggera), T‑464/08, EU:T:2010:212, punt 47, u tal-21 ta’ Mejju 2014, Eni vs UASI – Emi (IP) (ENI), T‑599/11, EU:T:2014:269, punt 29].

17      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser, billi ma mmotivax biżżejjed skont id-dritt id-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

18      Hija fl-ewwel lok tikkunsidra li l-Bord tal-Appell sempliċement iċċita d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament, kif ukoll il-ġurisprudenza relatata magħha, mingħajr ma spjega ċ-ċirkustanzi fattwali li kien stabbilixxa, li għaldaqstant ċaħħadha minn kull spjegazzjoni dwar ir-rifjut parzjali tal-applikazzjoni tagħha. Fit-tieni lok, hija tikkunsidra li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa, jew għall-inqas insuffiċjenti jew kontradittorja, f’dak li jirrigwarda r-rifjut ta’ protezzjoni għall-prodotti kkonċernati li jaqgħu taħt il-klassi 9.

19      Fir-rigward tal-ewwel ilment, li l-Bord tal-Appell ma inkludiex fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet li fuqhom ibbaża din tal-aħħar, għandu l-ewwel nett jiġi ppreċiżat li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeħtieġx li l-Bord tal-Appell jagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha mfissra mill-partijiet quddiemu [ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Gucci vs UASI – Chang Qing Qing (GUDDY), T‑389/11, EU:T:2012:378, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għalhekk l-istituzzjoni kkonċernata għandha biss tispjega l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi ta’ importanza fundamentali fil-kuntest tad-deċiżjoni (sentenza ENI, punt 16 iktar ’il fuq, EU:T:2014:269, punt 30; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il‑Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra, EU:C:1990:71, punt 16).

20      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell, wara li elenka l-prodotti u s-servizzi kkonċernati fil-punt 2 tad-deċiżjoni kkontestata u r-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-eżaminatur (punti 8 sa 13 tad-deċiżjoni kkontestata), huwa indika li t-terminu “monaco” huwa “immedjatament ipperċepit bħala espressjoni purament informattiva li tindika l-oriġini ġeografika jew id-destinazzjoni ġeografika” tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, jiġifieri Monako (punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa spjega fid-dettall, fil-punti 26 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rabta bejn kull prodott jew servizz ikkonċernat u t-territorju ta’ Monako, u indika wkoll, għat-“Tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku”, li jaqgħu taħt il-klassi 9, u l-“[O]ġġetti magħmula minn dawn il-materjali [karti, kartunċin] mhux inklużi fi klassijiet oħra; Materjal stampat; Ritratti”, li jaqgħu taħt il-klassi 16, li t-trade mark inkwistjoni setgħet “tikkorrispondi għall-indikazzjoni tal-għan ta’ dawn il-prodotti bħall-kotba, gwidi turistiċi, ritratti, etc, kollha fir-rigward tal-Prinċipat ta’ Monako” (punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, huwa wkoll ħass li t-trade mark inkwistjoni, sa fejn tikkonċerna s-servizzi ta’ “Trasport; Arranġamenti għall-ivvjaġġjar”, li jaqgħu taħt il-klassi 39, setat “b’mod ċar tikkorrispondi għall-indikazzjoni tad-destinazzjoni jew tal-oriġini ta’ dawn is-servizzi” (punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata), li s-servizzi ta’ “Divertiment; Attivitajiet kulturali u sportivi”, li jaqgħu taħt il-klassi 41, iseħħu ovvjament f’Monako (punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata) u li s-servizzi ta’ “Akkomodazzjoni temporanja”, li jaqgħu taħt il-klassi 43, jiġu offruti fit-territorju tal-Prinċipat ta’ Monako (punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li t-trade mark inkwistjoni tiġi pperċepita, fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, fit-tifsira intrinsika tagħha u mhux bħala trade mark, u konsegwentement għandha karattru deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (punti 30 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-assenza ta’ indikazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali tad-deċiżjoni kkontestata, huwa fil-fatt nieqes mill-fatti u għalhekk iwassal għaċ-ċaħda ta’ dan il-kap.

22      Fir-rigward tat-tieni lment, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell sempliċement ikkonferma d-deċiżjoni tal-eżaminatur, li, minħabba l-motivazzjoni insuffiċjenti ta’ din l-ewwel deċiżjoni, anki tan-natura kontradittorja tagħha, dan konsegwentement huwa ta’ ostakolu għall-fehim tal-kamp eżatt tar-rifjut li ġiet ippreżentata bih fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 9.

23      Huwa minnu li hemm diffikultà ta’ fehim tad-deċiżjoni tal-eżaminatur, li għandu jiġi enfasizzat ma hijiex suġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, peress li din hija biss adita bid-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-UASI, u dan peress li fil-parti ta’ fuq tal-paġna 6 ta’ din id-deċiżjoni, din tindika li “l-oġġezzjoni tqajmet f’dak li jirrigwarda [l-]‘Apparat biex tirrekordja, għat-trasmissjoni u riproduzzjoni ta’ ħsejjes u stampi; Tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku’” u li “nżammet f’dak li jirrigwarda [t-]‘Tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku’”. Madankollu, l-ambigwità li tirriżulta minn dan tisparixxi fl-aħħar tal-paġna 10 u fil-parti ta’ fuq tal-paġna 11 tad-deċiżjoni tal-eżaminatur, peress li hemm inklużi, man-numru ta’ prodotti li fir-rigward tagħhom il-protezzjoni tat-trade mark inkwistjoni hija rrifjutata, it-“Tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku”, li jaqgħu taħt il-klassi 9, u fost dawn il-prodotti aċċettati, l-“Apparat u strumenti xjentifiċi, nawtiċi, għal skopijiet ta’ sondaġġi, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi, li jiżnu, li jkejlu, li jissenjalaw, li jivverifikaw (superviżjoni), tas-salvataġġ u tat-tagħlim; Apparat u strumenti li jittrażmettu, jikkonnettjaw, ibiddlu, jakkumulaw, jirregolaw u jikkontrollaw l-elettriku; diski li tirrekordja fuqhom; Magni tal-bejgħ awtomatiċi u mekkaniżmi għal apparat imħaddem bil-muniti; Cash registers, kalkulaturi, tagħmir għall-ipproċessar tad-data u kompjuters; Tagħmir għat-tifi tan-nar”, li jaqgħu wkoll taħt il-klassi 9.

24      Huwa għalhekk żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni insuffiċjenti li tivvizzja d-deċiżjoni tal-eżaminatur, b’xi mod, infirxet fid-deċiżjoni kkontestata, peress li, wara l-qari ta’ din l-ewwel deċiżjoni, me hemm l-ebda dubju dwar il-prodotti tal-klassi 9 aċċettati jew irrifjutati. Hija biss id-deċiżjoni kkontestata li hija s-suġġett tal-istħarriġ tal-legalità mill-Qorti Ġenerali.

25      Kif indikat fil-punt 20 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ippreċiża, fil-punt 2 tad-deċiżjoni kkontestata, liema kienu l-prodotti u s-servizzi kkonċernati. Din tindika bħala l-uniċi prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 9, it-“[t]agħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku”. Hekk kif ġie wkoll enfasizzat fl-istess punt ta’ din is-sentenza, hija rriproduċiet verbatim din id-denominazzjoni sabiex teżamina r-rabta diretta u speċifika tal-prodotti inkwistjoni mal-Prinċipat ta’ Monako (punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan jirriżulta li kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell debitament immotiva d-deċiżjoni kkontestata dwar il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 9 u ppermetta wkoll lir-rikorrenti li tikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali l-analiżi mwettqa minnu.

26      Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni motiv u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu jiġu miċħuda.

 Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 7(1)(c) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009

27      Dan il-motiv tar-rikorrenti jikkonsisti fir-realtà minn erba’ partijiet: l-ewwel waħda hija bbażata fuq l-affermazzjoni li l-Bord tal-Appell kiser il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament u, konsegwentement, tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament billi ma ħax inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-proprjetarju inizjali tat-trade mark inkwistjoni kien Stat terz għall-Unjoni; it-tieni tirrigwarda l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell fid-determinazzjoni tal-interess ġenerali li għandu jiġi protett fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009; it-tielet tirrigwarda l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li allegatament wettaq il-Bord tal-Appell fid-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti u r-raba’ tirrigwarda, minn naħa, l-assenza ta’ rabta bejn il-post ġeografiku inkwistjoni u l-prodotti u s-servizzi kkonċernati, u min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-kriterju ġeografiku mill-Bord tal-Appell. Fil-fatt, għalkemm l-argumenti dwar l-aħħar żewġ partijiet huma mqiegħda taħt it-taqsima dwar il-karattru distintiv tat-trade mark inkwistjoni, jiġifieri, fuq l-applikazzjoni żbaljata, skont ir-rikorrenti, tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-kontenut tagħhom essenzjalment jirrelata, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 70 tar-rikors, mal-kontestazzjoni tar-rifjut li ġiet ikkontestata lir-rikorrenti fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament.

 F’dak li jirrigwarda l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament

28      Għandu jerġa’ jiġi enfasizzat, hekk kif ġie indikat fil-punt 13 iktar ’il fuq, li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(4) tal-Protokoll ta’ Madrid u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 151(1) u tal-Artikolu 154(1) tar-Regolament Nru 207/2009, kull reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Komunità Ewropea għandha titqies li, mid-data tar-reġistrazzjoni, hija suġġetta għall-istess dispożizzjonijiet kif applikabbli għal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

29      Madankollu, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 207/2009, “[k]walunkwe persuna naturali jew legali, inklużi l-awtoritajiet stabbiliti permezz tal-liġi pubblika, jistgħu jkunu proprjetarji ta’ trade mark tal-Komunità”.

30      Jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li tirregola l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 207/2009, li kull persuna ġuridika, inkluża entità taħt id-dritt pubbliku, tista’ tapplika għall-protezzjoni tat-trade mark Komunitarja. Għalhekk, naturalment jirriżulta li kumpannija bbażata fit-territorju ta’ Stat terz fl-Unjoni, iżda wkoll ta’ dan l-Istat innifsu, li, jekk hija suġġett tad-dritt internazzjonali, hija xorta tikkostitwixxi fis-sens tad-dritt tal-Unjoni persuna ġuridika rregolata taħt id-dritt pubbliku.

31      Minn dan isegwi li meta l-Istat ta’ Monako għamel, permezz tal-gvern tiegħu, talba sabiex l-Unjoni tkun indikata għar-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade mark inkwistjoni, huwa qiegħed lilu nnifsu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 u, konsegwentement, seta’ jiġi oppost bi kwalunkwe raġuni assoluta għal rifjut skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

32      Fi kliem ieħor, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti meta ssemmi ftehim internazzjonali milħuqa f’materji oħra differenti għat-trade marks Komunitarji, ma huwiex il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huwa estiż għat-territorju tal-Prinċipat ta’ Monako, iżda dan tal-aħħar li volontarjament ried jibbenefika mill-applikazzjoni ta’ dan id-dritt (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, Ġabra, EU:C:1992:453, punti 21 sa 28, u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, Rec, EU:C:2011:864, punti 121 sa 127), l-ewwel nett bħala persuna ġuridika rregolata taħt id-dritt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 207/2009, u wara indirettament billi ttrasferixxa d-drittijiet taħt din it-trade mark inkwistjoni lir-rikorrent.

33      Għalhekk, ġustament il-Bord tal-Appell indika li “[ma kien hemm] ebda leġittimità għal istituzzjoni jew għal organu pubbliku jew għal korp governattiv li jkun il-proprjetarju ta’ trade mark” (punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata), li huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li kuntrarjament għal dak li l-UASI jsostni fil-punti 12 sa 15 tar-risposta, din il-kwistjoni kienet ġustament tqajmet quddiem il-Bord tal-Appell.

34      B’mod inċidentali, fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ppreżentat, “jekk ikun hemm bżonn”, talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tadixxi iktar ’il quddiem lill-Qorti tal-Ġustizzja b’żewġ domandi preliminari:

–        L-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 japplika għal kull operatur ekonomiku mingħajr kunsiderazzjoni tal-kwalità tiegħu ta’ Stat terz?

–        Il-qari flimkien tal-Artikolu 7(1)(c) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat bħala li jippermetti li l-interess ġenerali tat-territorju tal-Unjoni jiġi estiż għal dak ta’ Stat terz b’tali mod li jaffettwa, direttament jew indirettament, l-interess ġenerali ta’ dan, fid-dawl tal-fatt li r-rifjut parzjali ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jillimita l-protezzjoni tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat terz, f’dan il-każ fil-Prinċipat ta’ Monako?

35      L-UASI qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra din it-talba.

36      Fid-dawl, minn naħa, tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 28 sa 33 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra tal-fatt li r-rikorrenti ppreżentat it-talba tagħha biss “jekk ikun hemm bżonn”, l-eżami ta’ din l-aħħar talba mill-Qorti Ġenerali ma hijiex indispensabbli.

37      F’kull każ, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-proċeduri previsti fl-Artikolu 267 TFUE huma strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali. Għalhekk, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tinsab quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C‑310/10, Ġabra, EU:C:2011:467, punt 25).

38      It-tieni nett, il-kompetenzi tal-Qorti Ġenerali huma dawk elenkati fl-Artikolu 256 TFUE, hekk kif ippreċiżat mill-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 1 tal-Anness għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE. Għalhekk ma hemmx lok li din il-kawża tiġi rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 112 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li din taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar.

39      It-tielet nett, jekk l-Artikolu 256(3) TFUE jippreċiża li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-kwistjonijiet imressqa għal deċiżjoni preliminari bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE, f’oqsma speċifiċi stabbiliti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar ma jipprovdix il-materji li fihom il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari. Għalhekk, fl-istat attwali tad-dritt, hija ma għandhiex kompetenza f’dan ir-rigward.

40      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ġiet adita fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-UASI, fl-assenza ta’ kwalunkwe tilwima pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru tal-Unjoni u fuq l-inizjattiva tar-rikorrenti waħedha, b’talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, hemm lok li f’kull każ tali talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

41      Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 28 sa 40 iktar ’il fuq, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 F’dak li jirrigwarda t-tieni parti, dwar l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-interess ġenerali li għandu jiġi protett

42      Skont it-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-interess ġenerali msejjes fuq l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri dak li jirrikjedi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li, fil-kummerċ, jistgħu jservu sabiex jindikaw karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal trade mark, jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi‑Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra, EU:C:2006:20, punt 62), huwa differenti minn dak li Stat terz, bħall-Prinċipat ta’ Monako għandu dritt li jinvoka.

43      Din it-tieni parti hija bbażata fuq l-istess premessa żbaljata bħall-ewwel parti ta’ dan il-motiv: fil-fatt, ma huwiex id-dritt tal-Unjoni li japplika fit-territorju ta’ Monako, iżda l-Prinċipat ta’ Monako, permezz tal-effett ta’ ftehim internazzjonali, ried jibbenefika minn dan id-dritt sabiex jieħu vantaġġ mit-trade mark inkwistjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni. Il-Prinċipat ta’ Monako, u wara r-rikorrenti, kienu għalhekk suġġetti, peress li dawn kien biħsiebhom jaġixxu fis-suq intern u barra minn dan protetti minn trade mark rikonoxxut bħala identiku, mill-perspettiva tal-effetti tagħha, ma’ trade mark Komunitarja, għall-istess rekwiżiti ta’ interess ġenerali li kull operatur ekonomiku li japplika għal reġistrazzjoni, jew li jopponi r-reġistrazzjoni, ta’ tali trade mark.

44      Dawn il-kunsiderazzjonijiet, applikabbli għat-territorju kollu tal-Unjoni, japplikaw a fortiori għal parti minnu, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

45      Għalhekk, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda wkoll.

 F’dak li jirrigwarda t-tielet parti, dwar l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti

46      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell qies il-“pubbliku tal-Komunità” (punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata) bħala pubbliku rilevanti u li kkunsidra li dan tal-aħħar kien kompost, skont jekk dan jikkonċernax tali jew tali prodott jew tali jew tali servizz fost il-prodotti u s-servizzi kkonċernati, parzjalment, minn konsumaturi medji u, parzjalment, minn pubbliku speċjalizzat. Hija temmen li “l-profil tal-konsumatur rilevanti” (punt 73 tar-rikors) ma ġiex definit, b’mod partikolari fir-rigward tal-affermazzjoni li t-terminu “monaco” “jirreferi iktar għall-kunċetti ta’ reputazzjoni u ta’ lussu” (l-istess punt tar-rikors).

47      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tas-sinjali jew tal-indikazzjonijiet li jistgħu jindikaw l-oriġini jew id-destinazzjoni ġeografika ta’ kategoriji ta’ prodotti jew tal-post tal-provvista ta’ kategoriji ta’ servizzi, li għalihom tkun intalbet il-protezzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-ismijiet ġeografiċi, hemm interess ġenerali li jinżammu disponibbli speċjalment minħabba l-kapaċità tagħhom li mhux biss jirrivelaw il-kwalità u l-karatteristiċi oħra tal-kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi kkonċernati, iżda wkoll li jinfluwenzaw b’diversi modi l-għażliet tal-konsumaturi, pereżempju, permezz tal-assoċjazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi mal-post li jista’ jnissel sentimenti pożittivi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Peek & Cloppenburg vs UASI (Cloppenburg), T‑379/03, Ġabra, EU:T:2005:373, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].

48      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li huma esklużi, minn naħa, ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi bħala trade marks jekk dawn jirreferu għal postijiet ġeografiċi speċifiċi li diġà għandhom reputazzjoni jew diġà huma magħrufa għall-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati u li, għalhekk, fl-għajnejn tal-persuni kkonċernati joħolqu konnessjoni ma’ dak il-post u, min-naħa l-oħra, ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi li x’aktarx jintużaw mill-impriżi li għandhom ukoll jinżammu disponibbli għal dawn l-impriżi bħala indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati (ara, s-sentenza Cloppenburg, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:2005:373, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, bħala prinċipju, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jipprekludix ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi li ma humiex magħrufa fost il-persuni kkonċernati jew, tal-inqas, mhux magħrufa bħala isem ta’ post ġeografiku, jew inkella ta’ ismijiet ġeografiċi li fir-rigward tagħhom mhux probabbli, minħabba l-karatteristiċi tal-post imsemmi, li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jimmaġinaw li l-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati għandha l-oriġini tagħha f’dan il-post li kienet iddisinjata fih (ara s-sentenza Cloppenburg, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:2005:373, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal jista’ biss isir, minn naħa, abbażi tar-relazzjoni mal-prodotti jew mas-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ kif jifhimha l-pubbliku rilevanti (ara s-sentenza Cloppenburg, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:2005:373, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’din l-evalwazzjoni, l-UASI huwa marbut li jistabbilixxi li l-isem ġeografiku huwa magħruf mill-persuni kkonċernati bħala isem ta’ post. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li l-isem inkwistjoni attwalment jirrappreżenta, fl-għajnejn tal-persuni kkonċernati, rabta mal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati jew li huwa raġonevoli li wieħed jimmaġina li isem bħal dan jista’, f’għajnejn il-pubbliku, jirreferi għall-oriġini ġeografika tal-imsemmija kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, jaqbel li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konoxxenza, ftit jew wisq wiesgħa li l-persuni kkonċernati għandhom tal-isem ġeografiku inkwistjoni, kif ukoll il-karatteristiċi tal-post imsemmi u tal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati (ara s-sentenza Cloppenburg, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:2005:373, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’din il-kawża, l-eżami tal-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-kwistjoni jekk, għall-pubbliku rilevanti, it-trade mark inkwistjoni hijiex magħmula biss minn indikazzjoni li fil-kummerċ tista’ sservi bħala indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati. F’dan ir-rigward, huwa ċar li t-terminu “monaco” jikkorrispondi għall-isem ta’ prinċipat magħruf madwar id-dinja, minkejja s-superfiċji tiegħu ta’ madwar 2 km2 u popolazzjoni li ma taqbiżx 40 000 abitant, minħabba biss tar-reputazzjoni tal-familja tal-prinċep tiegħu, tal-organizzazzjoni ta’ grand prix tal-karozzi tal-Formula 1 u ta’ festival taċ-ċirku. Il-konoxxenza tal-Prinċipat ta’ Monako hija iktar magħrufa fost iċ-ċittadini tal-Unjoni, partikolarment minħabba l-fatt tal-fruntieri tiegħu ma’ Stat Membru, Franza, tal-qrubija tiegħu ma’ Stat Membru ieħor, l-Italja, u tal-użu minn dan l-Istat terz tal-istess munita bħal dik użata minn 19 fost it-28 Stat Membru, il-euro.

53      Konsegwentement, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għas-sentenza Cloppenburg, punt 47 iktar ’il fuq (EU:T:2005:373), li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx ġie stabbilit li, għall-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-konsumatur medju fil-Ġermanja, il-kelma “cloppenburg” żgur tirreferi għal belt żgħira ta’ dan il-pajjiż, ma hemm l-ebda dubju li f’dan il-każ, it-terminu “monaco” jevoka, irrispettivament mill-affiljazzjoni lingwistika tal-pubbliku rilevanti, it-territorju ġeografiku tal-istess isem.

54      Ir-rikorrenti tikkontesta, madankollu, li l-pubbliku rilevanti huwa l-pubbliku tal-Unjoni u li barra minn hekk, trid issir distinzjoni bejn il-konsumatur medju u l-pubbliku speċjalizzat skont il-prodotti u s-servizzi kkonċernati.

55      Madankollu, ġustament il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-każ ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Komunità Ewropea kollha kemm hi, li l-pubbliku rilevanti kien jikkonsisti fil-pubbliku ta’ din u ġustament huwa ddistingwa, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, bejn il-prodotti ta’ konsum tal-massa u s-servizzi għall-pubbliku ġenerali, li għalihom il-pubbliku rilevanti kien il-konsumatur medju, u l-prodotti speċjalizzati u s-servizzi mogħtija lil pubbliku speċifiku, li għalihom il-pubbliku rilevanti kien pubbliku speċjalizzat. Għalhekk, mingħajr ma wettaq żball huwa ddefinixxa l-pubbliku rilevanti u assenjalu, skont il-prodotti u s-servizzi kkonċernati, livell ta’ attenzjoni kemm medju u kemm għoli.

56      Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet parti ta’ dan il-motiv tiġi miċħuda.

 F’dak li jirrigwarda r-raba’ parti, dwar, minn naħa, l-assenza ta’ rabta bejn il-post ġeografiku inkwistjoni u l-prodotti u s-servizzi kkonċernati, u min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-kriterju ġeografiku mill-Bord tal-Appell

57      Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma stabbilixxiex li kien hemm, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, rabta bejn il-Prinċipat ta’ Monako u l-produzzjoni ta’ tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, it-trasport jew l-akkomodazzjoni temporanja. Fir-rigward tal-qasam sportiv u tad-divertiment, hija targumenta li huma biss it-tlielaq tal-Formula 1 u l-prestazzjonijiet taċ-ċirku li huma magħrufa, bl-organizzaturi tagħhom huma proprjetarji tat-trade marks li huma indipendenti mit-trade mark inkwistjoni.

58      Għalhekk huwa xieraq, għall-motivi ġustament imressqa mill-Bord tal-Appell u mfakkra fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, li jiġi deċiż li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell stabbilixxa biżżejjed fid-dritt, għal kull wieħed mill-prodotti u mis-servizzi kkonċernati, rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejniethom u t-trade inkwistjoni sabiex jiġi kkunsidrat li t-terminu “monaco” jista’ jservi, fil-kummerċ, bħala indikazzjoni ta’ oriġini jew destinazzjoni ġeografika tal-prodotti, jew tal-post tal-provvista ta’ servizzi, u, għalhekk, konsegwentement, din it-trade mark kellha, għall-prodotti u għas-servizzi kkonċernati, karattru deskrittiv.

59      Fir-rigward tal-allegata eżistenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-kriterju ġeografiku, l-argument tar-rikorrenti li għandha ssir distinzjoni bejn l-isem sħiħ tal-Istat (“Prinċipat ta’ Monako”) u l-isem imqassar (“Monako”) ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, din id-distinzjoni ma tipprekludix l-identifikazzjoni tar-rabta bejn il-prodotti u s-servizzi kkonċernati u t-territorju inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li trade marks verbali identiċi għat-trade mark inkwistjoni ġew aċċettati mill-UASI jiffaċċja żewġ ostakoli. L-ewwel nett, jekk, fir-rigward tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-UASI għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà adottati u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari fuq il-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha, madankollu, tiġi kkonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Reber Holding vs UASI, C‑141/13 P, EU:C:2014:2089, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’din il-kawża, hekk kif jirriżulta mill-punti 47 sa 58 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet milquta mir-rifjut ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, b’tali mod li r-rikorrenti ma tistax, sabiex tipprekludi din il-konklużjoni, tinvoka deċiżjonijiet preċedenti tal-UASI. Barra minn hekk, l-UASI kellu raġunament favorevoli għall-istess rikorrenti għal numru ta’ prodotti u ta’ servizzi oħra elenkati fil-punt 23 ta’ din is-sentenza u li issa huma protetti mit-trade mark inkwistjoni.

60      Konsegwentement, din ir-raba’ parti ta’ dan il-motiv għandha titwarrab u għalhekk dan għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009

61      Ir-rikorrenti ssostni, fir-rigward tal-kunċett ta’ karattru distintiv ta’ trade mark, li l-Bord tal-Appell għamel, minn naħa, żball ta’ liġi u, min-naħa l-oħra, żball manifest ta’ evalwazzjoni. Kull wieħed minn dawn il-punti għandu jiġi eżaminat, imqiegħed taħt żewġ motivi distinti, iżda li l-Qorti Ġenerali qieset rilevanti peress li jirriżultaw mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 F’dak li jirrigwarda l-allegat żball ta’ liġi

62      Ir-rikorrenti tqis li meta l-Bord tal-Appell indika li kien hemm sovrappożizzjoni bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-raġunijiet assoluti għal rifjut stabbiliti, minn naħa, fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament, kiser kemm il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-UASI kif ukoll il-ġurisprudenza.

63      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar, li bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 iktar ’il fuq, il-prassi deċiżjonali tal-UASI tibqa’ mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

64      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, f’din tal-aħħar, il-Bord tal-Appell, minflok ma jgħaddi, kuntrarjament għal dak li tagħmel ir-rikorrenti stess fl-applikazzjoni, għal analiżi konġunta taż-żewġ raġunijiet assoluti għal rifjut fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, fl-ewwel lok, ġustament ipprivileġġa, l-analiżi bbażata fuq l-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament, preċiżament minħabba li t-terminu “monaco” jevoka t-territorju tal-istess isem u li għalhekk iwassal mill-ewwel għal eżami dwar jekk il-prodotti u s-servizzi kkonċernati għandhomx relazzjoni diretta u konkreta biżżejjed mal-indikazzjoni territorjali tal-Prinċipat ta’ Monako (punti 21 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata). Kien biss iktar tard (fid-deċiżjoni kkontestata, din is-silta hija introdotta b’“barra minn hekk”) li l-Bord tal-Appell indika li t-tieni raġuni assoluta għal rifjut, ibbażata fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, kien applikabbli wkoll (punti 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata), qabel ma kkonkluda li kien hemm sovrappożizzjoni bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn ir-raġunijiet assoluti għal rifjut (punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata), li, fil-fatt, huwa rikonoxxut mill-ġurisprudenza stabbilita [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 2008, Novartis vs UASI (BLUE SOFT), T‑330/06, EU:T:2008:185, punt 30, u tas-7 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Behindertenhilfe – Aktion Mensch vs UASI (diegesellschafter.de), T‑47/09, EU:T:2010:428, punt 24].

65      Huwa għalhekk żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta applika d-dispożizzjonijiet fuq imsemmija.

 F’dak li jirrigwarda l-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni

66      Kif espost fil-punt 27 iktar ’il fuq, dan l-ilment jirrigwarda prinċipalment motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li l-Bord tal-Appell wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li t-trade mark inkwistjoni ma kinitx ta’ karattru distintiv, b’mod partikolari fejn din kienet tagħmel riferiment għall-kunċetti ta’ reputazzjoni u ta’ lussu u, preċiżament, ta’ “ċertu idea ta’ lussu” (punt 77 tar-rikors).

67      Għandu jiġi enfasizzat li trade mark verbali, li hija deskrittiva tal-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, hija, minħabba dan il-fatt, neċessarjament nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti jew servizzi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament [ara s-sentenzi tal-11 ta’ Frar 2010, Deutsche BKK vs UASI (Deutsche BKK), T‑289/08, EU:T:2010:36, punt 53, u tad-29 ta’ Marzu 2012, Kaltenbach & Voigt vs UASI (3D eXam), T‑242/11, EU:T:2012:179, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata].

68      Madankollu, hekk kif ġie deċiż fil-punti 47 sa 60 iktar ’il fuq, mingħajr ma sar żball ta’ liġi l-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark inkwistjoni kienet deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati. Għalhekk, ma għandhiex karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u lanqas, konsegwentement, fid-dawl ta’ dak li kien ġie deċiż fil-punt 44 iktar ’il fuq, tal-Artikolu 7(2) ta’ dan tal-aħħar.

69      Barra minn hekk, hekk kif ġie kkonstatat, essenzjalment, fil-punt 64 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell indika wkoll li t-trade mark inkwistjoni hija essenzjalment ipperċepita mill-konsumatur rilevanti bħala vettura ta’ informazzjoni iktar milli bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati (punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa xieraq li din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali tagħmilha tagħha, u li konsegwentement tiddeċiedi li t-trade mark inkwistjoni, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, lanqas ma għandha karattru distintiv.

70      Fir-rigward tal-allegat ksur mill-Bord tal-Appell tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat, peress li l-ebda element tal-proċess, ma jissostanzja tali affermazzjoni. B’mod partikolari, it-tqassim prodott bi prodott u servizz b’servizz imwettaq mill-UASI sabiex tiġi eżaminata r-rabta bejniethom u t-trade mark inkwistjoni turi li kien hemm eżami b’reqqa u b’attenzjoni, li josserva l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, huwa ma jenfasizzax li dan ma setax jitwarrab minħabba fil-fatt biss li ċerti prodotti u servizzi koperti mit-trade mark inkwistjoni huma protetti u li oħrajn ma humiex, b’din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi biss illustrazzjoni ta’ dak li l-ksur ta’ dan l-imsemmi prinċipju minħabba fi trattament differenzjat jippresupponi li s-sitwazzjonijiet ikkunsidrati huma komparabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

71      Għaldaqstant, hemm lok li dan il-motiv u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

73      Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Marques de l’État de Monaco (MEM) hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Jannar 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.