Language of document : ECLI:EU:F:2009:117

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

20 ta’ Jannar 2011

Kawża F-121/07

Guido Strack

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Aċċess għal dokumenti –Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Ammissibbiltà – Att li jikkawża preġudizzju”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Strack jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Jannar, tas-26 ta’ Frar u tal-20 ta’ Lulju 2007, sa fejn dawn jirrifjutawlu l-aċċess għal ċerti dokumenti miżmuma minnha u l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni stmati għal mill-inqas EUR 10 000, bl-interessi, bħala kumpens għad-danni mġarrba minħabba d-deċiżjonijiet ta’ rifjut imsemmija iktar ’il fuq.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Proċedura – Preżentata tar-risposta – Terminu – Proroga

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 39(2))

2.      Proċedura – Proċedura orali – Rapport għas-seduta tal-Imħallef Relatur – Suġġett

3.      Unjoni Ewropea – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Regola ta’ natura ġenerali – Talba għal aċċess minn uffiċjal għall-fajlijiet personali u mediċi tiegħu – Issuġġettar għas-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 26(7)(8) u 26a; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

4.      Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tirrifjuta talba għal aċċess għal dokumenti mressqa minn uffiċjal skont ir-Regolament Nru 1049/2001 – Inklużjoni

(Artikoli 230 KE u 236 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 1; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8 (1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752, Artikolu 1)

5.      Unjoni Ewropea – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess pubbliku għal dokumenti – Kunċett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 6(2))

6.      Unjoni Ewropea – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Obbligu li ssir talba għal aċċess b’mod suffiċjentement preċiż

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 6(1) u (2)

1.      L-Artikolu 39(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jippermetti lill-President tiegħu jagħti proroga tat-terminu mogħti lill-konvenut għall-preżentata tar-risposta. F’dan ir-rigward, il-fatt li diversi prorogi ngħataw fl-assenza ta’ dibattitu kontradittorju ma jiksirx id-dritt tar-rikorrent għal smigħ xieraq, jekk is-sitwazzjoni tal-partijiet ma tkunx ġiet sostanzjalment mibdula. Issa, l-ekwità ta’ proċeduri għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ din kollha.

(ara l-punt 39)

2.      Kif jindika t-titolu tiegħu, ir-rapport preparatorju għas-seduta tal-Imħallef Relatur tal-Unjoni huwa intiż sabiex jipprepara s-seduta u sabiex jippermetti lill-partijiet iressqu l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom fuq l-informazzjoni tat-tilwima u fuq il-kwistjonijiet mqajma fl-imsemmi rapport bil-għan li tiġi abbozzata s-sentenza. Barra minn hekk, l-emenda bħala tali ta’ dan id-dokument ma għandha ebda effett fuq l-iżvolġiment tal-proċeduri ġudizzjarji u fuq il-kontenut tas-sentenza, peress li l-kritika mill-partijiet fir-rigward tiegħu tista’ biss tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tar-redazzjoni tas-sentenza jekk din tkun rilevanti.

(ara l-punt 42)

3.      L-aċċess tal-uffiċjali għall-fajl personali tagħhom u l-aċċess tal-uffiċjali għall-fajl mediku tagħhom huma rregolati, rispettivament, mill-Artikolu 26(7) u (8) tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Artikolu 26a tal-istess regolamenti, filwaqt li l-possibbiltà għall-uffiċjali li jsiru jafu dwar kwalunkwe informazzjoni oħra li tikkonċernahom hija rregolata mir-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Fil-fatt, għalkemm ir-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxi regola ta’ natura ġenerali li tiddetermina l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jaċċedi għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ikkonċernati fl-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni, inkluż dak tas-servizz pubbliku, id-dritt ta’ aċċess hekk previst jista’, bħal kull regola ta’ natura ġenerali, jiġi speċifikat, estiż jew, għall-kuntrarju, limitat jew eskluż – skont il-prinċipju li r-regola speċjali tidderoga mir-regola ġenerali (lex specialis derogat legi generali) – meta jkun hemm regoli speċjali li jirregolaw oqsma speċifiċi.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 26(7) u (8) u l-Artikolu 26a tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxu, preċiżament, dispożizzjonijiet speċjali li jidderogaw minn dawk tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li dawn jirregolaw l-aċċess għal tipi ta’ dokumenti speċifiċi, tal-ewwel relatati mal-pożizzjoni amministrattiva, mal-kompetenza, mal-effiċjenza u mal-aġir ta’ uffiċjali, l-oħra, ta’ natura medika.

(ara l-punti 65 sa 67)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ April 2005, Hendrickx vs Il‑Kunsill, T‑376/03, punt 55; 14 ta’ Lulju 2005, Le Voci vs Il‑Kunsill, T‑371/03, punt 122; 17 ta’ Mejju 2006, Kallianos vs Il‑Kummissjoni, T‑93/04, punt 87; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il‑Kummissjoni, F‑124/05 u F‑96/06, punt 294

4.      Mill-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa awtorizzat jieħu konjizzjoni ta’ kull kontestazzjoni bejn uffiċjal u l-istituzzjoni tiegħu li toriġina mir-relazzjoni ta’ impjieg li torbothom flimkien, irrispettivament mid-dispożizzjonijiet li l-uffiċjal jinvoka insostenn tal-azzjoni tiegħu. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/752, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea.

Konsegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 236 KE kontra rifjut tal-Kummissjoni li tilqa’ talba għal aċċess għal dokumenti mressqa minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u li toriġina mir-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lil dan l-uffiċjal jew membru tal-persunal mal-Kummissjoni. Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi biss ir-rikors għal annullament stabbilit bl-Artikolu 230 KE. Issa, il-fatt li l-leġiżlatur ried jagħti, b’dan ir-regolament, l-ikbar effett possibbli lid-dritt tal-pubbliku inġenerali li jaċċedi għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet jispjega li l-leġiżlatur ippreveda l-azzjoni legali l-iktar komuni, mingħajr ma r-riferiment għall-Artikolu 230 KE ma għandu l-effett li jillimita l-azzjonijiet legali disponibbli għall-parti kkonċernata biss għar-rikors għal annullament previst f’dan l-artikolu u b’hekk jirristrinġi l-ġurisdizzjoni mogħtija lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punti 71 sa 74)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 19 ta’ Jannar 2010, Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, punt 71

5.      L-istedina sabiex tiġi speċifikata talba għal aċċess għal dokumenti minħabba n-numru kbir ta’ dokumenti kkonċernati, ippreżentata mill-Awtorità tal-Ħatra abbażi tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tħalli espliċitament miftuħ l-eżami tat-talba għal aċċess, b’mod li rikors għal annullament kontra tali stedina huwa inammissibbli.

(ara l-punt 84)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Ottubru 2000, JT’s Corporation vs Il‑Kummissjoni, T‑123/99, punt 25

6.      Meta dispożizzjonijiet ċari, bħall-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, dwar it-talbiet għal aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet, jippreskrivu mingħajr ekwivoku l-obbligu li ssir talba b’mod suffiċjentement preċiż sabiex l-amministrazzjoni tkun tista’ tirrispondi għaliha, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu ma jistax jobbligaha tagħmel hija stess riċerki sabiex tindirizza din l-impreċiżjoni billi tuża, jekk ikun il-każ, riżorsi kunsiderevoli. Issa, abbażi tar-regola li l-persuni kkonċernati ma jistgħux jibbażaw rwieħhom indebitament fuq regoli Ewropej, huma l-amministrati li, meta jressqu talba lill-amministrazzjoni, għandhom l-obbligu ta’ informazzjoni u ta’ lealtà lejn l-istituzzjonijiet.

F’dan il-kuntest, għalkemm l-istituzzjoni adita għandha l-possibbiltà, f’każijiet speċifiċi fejn l-eżami konkret u individwali tad-dokumenti jinvolvilha kompitu amministrattiv mhux xieraq, li tibbilanċja, minn naħa, l-interess tal-aċċess pubbliku għal dokumenti u, min-naħa l-oħra, l-ammont ta’ xogħol li jirriżulta minn dan l-eżami konkret u individwali, sabiex jinżamm, f’dawn il-każijiet speċifiċi, l-interess ta’ amministrazzjoni tajba, l-istituzzjoni għandha, a fortiori, tibbenefika minn din il-possibbiltà meta t-talba għal aċċess tikkonċerna numru kunsiderevoli ta’ dokumenti li ma humiex identifikati b’mod ċar, b’mod li l-ipproċessar tat-talba jirrikjedi xogħol kbir ta’ riċerka preliminari.

(ara l-punti 86, 87 u 89)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Jannar 2002, Gonçalves vs Il‑Parlament, T‑386/00, punt 74; 17 ta’ Ottubru 2002, Astipesca vs Il‑Kummissjoni, T‑180/00, punt 93; 11 ta’ Marzu 2003, Conserve Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑186/00, punt 50; 13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, punt 102