Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta'April 2007 - Caleprico vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-38/07)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Francesco Caleprico (Brussell, Il-Belġju) (Rappreżentant: V. Guagliulmi, Avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara li, skond l-Artikolu 241 KE, l-Artikoli 12 u 13 ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal mhumiex applikabbli, minħabba li huma illegali;

tannulla d-deċiżjoni li biha l-awtorità tal-ħatra (AĦ) ċaħdet impliċitament l-ilment imressaq mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni tat-12 ta' Ġunju 2006;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2006, limitatament għall-parti li fiha l-AĦ ikklassifikat lir-rikorrent fil-grad AD6/2 minflok fil-grad AD8/3;

tordna lill-Kummissjoni tissostitwixxi l-parti kkontestata tad-deċiżjoni tat-12 ta' Ġunju 2006 b'parti li tistabbilixxi l-grad tar-rikorrent bħala AD8/3 b'effett retroattiv (mill-1 ta' Lulju 2006);

tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrent is-somom kollha li huwa ma tħallasx minħabba l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, flimkien ma' l-imgħaxijiet li mmaturaw u li sejrin jimmaturaw;

tordna lill-Kummissjoni tħallas kumpens għal kull eventwali dannu ieħor imġarrab mir-rikorrent li t-Tribunal sejjer jikkonstata f'dan il-każ;

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent, li tniżżel fil-lista ta' riżerva tal-kompetizzjoni EUR/A/155/20001 għall-kostituzzjoni ta' lista ta' riżerva ta' persuni xierqa sabiex jiġu rreklutati fil-gradi A7/A6, ġie rreklutat wara li daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej2, u ġie kklassifikat fil-grad AD6/2.

In sostenn tar-rikors tiegħu, huwa jinvoka żewġ motivi.

Fil-kuntest ta' l-ewwel motiv, huwa jsostni li d-deċiżjoni tat-12 ta' Ġunju 2006 hija vvizzjata b'kontradizzjoni bejn, minn naħa, ir-referenza, magħmula fil-preambolu, għall-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħid li l-kandidati għandhom jinħatru għall-grad tal-grupp tal-funzjoni indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, id-dispożittiv ta' l-imsemmija deċiżjoni, li jikklassifikah fil-grad AD6/2.

Fil-kuntest tat-tieni motiv, huwa jsostni li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni in kwistjoni hija illegali billi hija msejsa fuq bażi ġuridika impliċita (l-Artikoli 12 u 13 ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal) li hija illegali mill-aspetti li ġejjin:

tmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi;

tikser il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni u tat-trattament ugwali;

tikser il-prinċipju tar-raġonevolezza, billi l-applikazzjoni tar-regolamenti l-ġodda tiddependi minn ċirkustanza assolutament fortuwita, jiġifieri dik li wieħed jiġi rreklutat qabel jew wara data partikolari, mingħajr ebda raġuni oħra li tiġġustifika tali regola;

tikser il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba;

sussidjarjament, tmur kontra l-obbligu ta' motivazzjoni ta' l-atti Komunitarji stabbilit bl-Artikolu 251 KE.

____________

1 - ĠU C 147 A tal-25 ta' Mejju 2000, p. 10.

2 - ĠU L 124 tas-27 ta' April 2004, p. 1.