Language of document : ECLI:EU:T:2018:898

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

11 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti marbuta ma’ proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità – Obbligu li jsir eżami konkret u individwali – Interess pubbliku superjuri”

Fil-Kawża T‑440/17,

Arca Capital Bohemia a.s., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn M. Nedelka, avukat,

ir-rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar u A. Buchet, bħala aġenti,

il-konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni inkluża fir-risposta tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Marzu 2017 għat-talba inizjali ta’ aċċess għal dokumenti marbuta ma’ proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 3130 finali, tal-4 ta’ Mejju 2017, li tirrifjuta tali aċċess,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek, President, E. Buttigieg (Relatur) B. Berke, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-18 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni 2008/214/KE dwar l-għajnuna mill-Istat C 27/2004 implimentata mir-Repubblika Ċeka favur il-kumpanniji GE Capital Bank u GE Capital International Holdings Corporation, USA (notifikata bid-dokument C(2007) 1965) (ĠU 2008, L 67, p. 3).

2        Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li, fil-kuntest tal-privatizzazzjoni u r-ristrutturazzjoni tal-bank Agrobanka Praha a.s., GE Capital Bank a.s. u GE Capital International Holdings Corporation, USA kienu bbenefikaw, mill-1 ta’ Mejju 2004, minn għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern fil-forma ta’ allowances li jikkorrispondu għal ċerti lmenti, ibbażati fuq il-Ftehim ta’ Kumpens konkluż bejn Česká Národní Banka (il-Bank Nazzjonali Ċek, ir-Repubblika Ċeka) u GE Capital International Holdings Corporation, USA, fit-22 ta’ Ġunju 1998, kif emendat permezz tal-Ftehim Supplimentari Nru 1 għall-Ftehim ta’ Kumpens tal-25 ta’ April 2004, u fil-forma ta’ għażla ta’ bejgħ ibbażata fuq il-kuntratt ta’ għażla ta’ bejgħ konkluż bejn l-istess partijiet, fit-22 ta’ Ġunju 1998.

3        Permezz tal-ittra tat-23 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti, Arca Capital Bohemia, a.s., talbet, fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), l-aċċess għal ċerti dokumenti relatati mal-proċedura amministrattiva ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2008/214.

4        B’mod iktar speċifiku, it-talba għal aċċess kienet tirrigwarda d-dokumenti li ġejjin (iktar ’il quddiem id-“dokumenti inkwistjoni”):

–        il-Ftehim Qafas tat-22 ta’ Ġunju 1998 konkluż bejn il-Bank Nazzjonali Ċek, GE Capital Bank a.s. u GE Capital International Holdings Corporation, USA (inklużi l-annessi) (iktar ’il quddiem il- “Ftehim Qafas”);

–        il-Ftehim Supplimentari Nru 1 għall-Ftehim Qafas, tat-30 ta’ Novembru 2000;

–        il-Ftehim Supplimentari Nru 2 għall-Ftehim Qafas, tal-21 ta’ Novembru 2001;

5        Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti biċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni billi bbażat ruħha fuq l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem it-“tweġiba għall-applikazzjoni inizjali”). Filwaqt li fakkret l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 339 TFUE fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali u billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding (C-477/10 P, EU:C:2012:394), il-Kummissjoni qieset li dawn id-dokumenti kienu koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li l-iżvelar tagħhom jippreġudika, fil-prinċipju, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati. Hija rrilevat ukoll li ebda argument sabiex juri li d-dokumenti inkwistjoni ma kinux koperti mill-preżunzjoni ġenerali jew sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri ma tressaq mir-rikorrenti. Finalment, il-Kummissjoni indikat li l-preżunzjoni ġenerali kienet tapplika wkoll f’dak li jirrigwarda aċċess parzjali, li, għaldaqstant, ma setax jingħata.

6        Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni konfermatorja, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi sostniet li kien jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni li jikkonsisti, essenzjalment, fil-kontroll miċ-ċittadini tal-ġestjoni tal-fondi pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi Ċeki waqt il-privatizzazzjoni tal-bank Agrobanka Praha permezz tal-akkwist tiegħu minn GE Capital Bank u GE Capital International Holdings Corporation, USA.

7        Bid-Deċiżjoni C(2017) 3130 finali tal-4 ta’ Mejju 2017 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni tar-rikorrenti. Qabelxejn, hija fakkret li d-dokumenti inkwistjoni kienu jifformaw parti mill-fajl amministrattiv marbut mal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat u, billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza, hija qieset li, bħala tali, dawn kienu koperti mill-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità bbażata fuq l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u dan anki wara l-għeluq definittiv tal-investigazzjoni. Hija fakkret b’mod partikolari li, fir-rigward tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9) kien jinkludi r-regoli speċifiċi dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat u li, konsegwentement, l-għoti ta’ aċċess għall-fajl ta’ din il-proċedura lil terzi minbarra l-Istat Membru kkonċernat fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001 ikollu l-effett li jippreġudika l-bilanċ li l-leġiżlatur ried jistabbilixxi bejn l-obbligu tal-Istati Membri li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni sensittiva, inkluża dik dwar l-impriżi kkonċernati, u l-garanzija ta’ protezzjoni msaħħa, skont ir-Regolament 2015/1589, tal-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, filwaqt li fakkret li r-Regolament 2015/1589 kien jeżiġi l-protezzjoni tas-sigriet professjonali u filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni qieset li, sa fejn dawn fihom informazzjoni sensittiva li tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriżi kkonċernati, id-dokumenti inkwistjoni kienu koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li l-iżvelar tagħhom jippreġudika, bħala prinċipju, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ dawk l-impriżi, u dan anki wara l-għeluq tal-investigazzjoni.

8        Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat il-possibbiltà li tagħti lir-rikorrenti aċċess parzjali għad-dokumenti kkonċernati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx possibbli li jingħata tali aċċess parzjali bi preġudizzju għall-finalità tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tagħha u għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, id-dokumenti kkonċernati kienu manifestament u kompletament koperti mill-eċċezzjonijiet invokati u, għalhekk, ma kinux suġġetti la kompletament u lanqas parzjalment għall-obbligu ta’ żvelar.

9        Finalment, il-Kummissjoni qieset li, f’dan il-każ, ma kien jeżisti ebda interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jista’ jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati. F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti u li jirrigwardaw allegata illegalità tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ aċċess għal dokumenti. Barra minn hekk, hija rrilevat li l-interess privat li r-rikorrenti jista’ jkollha sabiex tikseb l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni ma jistax jikkostitwixxi interess pubbliku superjuri.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni.

11      Skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fl-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet prinċipali fi żmien tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ u tiddeċiedi l-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, li qieset li kellha informazzjoni biżżejjed mid-dokumenti tal-proċess, iddeċidiet, fl-assenza ta’ tali talba, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla t-tweġiba għall-applikazzjoni inizjali u t-tieni deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

13      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli għal dak li jirrigwarda t-tweġiba għall-applikazzjoni inizjali;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat f’dak li jirrigwarda t-tieni deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tat-tweġiba għall-applikazzjoni inizjali

14      Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà parzjali tar-rikors sa fejn dan huwa intiż kontra t-tweġiba għall-applikazzjoni inizjali, minħabba li din hija att preparatorju li ma jistax jaffettwa s-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti.

15      Għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li joħolqu effetti ġuridiċi vinkolanti b’mod li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C-362/08 P, EU:C:2010:40, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      Minn ġurisprudenza stabbilita sewwa dwar l-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal annullament jirriżulta wkoll li għall-klassifikazzjoni ta’ dawn l-atti għandha tingħata importanza kemm lis-sustanza stess tal-atti kkontestati kif ukoll lill-intenzjoni tal-awturi tagħhom. F’dan ir-rigward, bħala regola, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi sabiex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, bl-esklużjoni, b’mod partikolari, ta’ miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li ma għandhomx tali effetti, kif ukoll atti purament konfermatorji ta’ att preċedenti li ma jkunx ġie kkontestat fit-termini previsti (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C-362/08 P, EU:C:2010:40, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 7 u 8 tiegħu, sa fejn dawn jipprevedu proċedura ta’ żewġ stadji, għandhom bħala għan li jippermettu, minn naħa, ipproċessar immedjat u faċli tal-applikazzjonijiet għal aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, bħala prijorità, soluzzjoni bonarja għad-diverġenzi li jista’ jkun hemm. Fil-każijiet meta l-partijiet ma jkunux jistgħu jsolvu tali diverġenza, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 8 jipprevedi żewġ rimedji, jiġifieri r-rimedju ta’ azzjoni ġudizzjarja u dak tat-tressiq ta’ lment quddiem l-Ombudsman Ewropew (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C-362/08 P, EU:C:2010:40, punt 53).

18      Il-proċedura ddefinita fl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn din tipprevedi l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni konfermatorja, tippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata b’mod partikolari li tagħmel eżami mill-ġdid tal-pożizzjoni tagħha qabel ma tieħu deċiżjoni definittiva ta’ rifjut li tista’ tkun suġġetta għal azzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea. Tali proċedura tippermetti li l-applikazzjonijiet inizjali jiġu pproċessati iktar malajr u, konsegwentement, l-istennija tal-applikant tiġi iktar milħuqa, filwaqt li din l-istituzzjoni tkun tista’ tadotta pożizzjoni dettaljata qabel ma tirrifjuta b’mod definittiv l-aċċess għad-dokumenti previsti mill-applikant, b’mod partikolari jekk dan tal-aħħar jinsisti bit-talba tiegħu għall-iżvelar tagħhom minkejja rifjut motivat ta’ din l-istituzzjoni (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C-362/08 P, EU:C:2010:40, punt 54).

19      Minn dan jirriżulta li t-tweġiba għal applikazzjoni inizjali fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 tikkostitwixxi biss pożizzjoni inizjali, li fil-prinċipju ma hijiex azzjonabbli, peress li din ma tipproduċix effetti legali, fl-assenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il-Kummissjoni, C-127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 36, u tad-19 ta’ Jannar 2010, Co-Frutta vs Il-Kummissjoni, T-355/04 u T-446/04, EU:T:2010:15, punt 36).

20      Ikun differenti, b’mod partikolari, meta t-tweġiba għall-applikazzjoni inizjali tkun ivvizzjata b’vizzju formali sa fejn din tkun naqset li tinforma lill-applikant bid-dritt tiegħu li jippreżenta applikazzjoni konfermatorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Brink’s Security Luxembourg vs Il-Kummissjoni, T-437/05, EU:T:2009:318, punti 74 u 75) jew meta istituzzjoni tadotta l-pożizzjoni tagħha b’mod definittiv bi tweġiba għal applikazzjoni inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C-362/08 P, EU:C:2010:40, punti 58 sa 62, u tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il-Kummissjoni, C-127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 36).

21      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma identifikat ebda ċirkustanza eċċezzjonali li tiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa dirett kontra t-tweġiba għall-applikazzjoni inizjali. Barra minn hekk, jirriżulta mill-eżami ta’ din it-tweġiba li din ma kinitx tinkludi l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, peress li r-rikorrenti ġiet informata bid-dritt tagħha li tippreżenta applikazzjoni konfermatorja intiża għar-reviżjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li barra minn hekk hija għamlet.

22      Fid-dawl tal-premess, hemm lok li jiġi miċħud bħala inammissibbli r-rikors sa fejn dan huwa dirett kontra t-tweġiba għall-applikazzjoni inizjali.

 Fuq it-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata

23      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, invokat b’mod prinċipali, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u, it-tieni wieħed, invokat sussidjarjament, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, sa fejn l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni huwa ġġustifikat b’interess pubbliku superjuri.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

24      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball fl-applikazzjoni tal-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi interpretat l-eċċezzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet b’mod estensiv u żbaljat.

25      Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-legalità tat-tieni deċiżjoni kkontestata sa fejn din tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni ġenerali bbażata fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

–       Fuq l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali bbażata fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

26      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni fit-tieni deċiżjoni kkontestata insostenn tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma tistax tiġi applikata għall-każ ineżami. Hija tikkontesta r-rilevanza ta’ dawn il-preċedenti ġurisprudenzjali invokati mill-Kummissjoni dwar kawżi fil-qasam tad-dritt tal-konċentrazzjonijiet u tal-akkordji billi sostniet li dawn ma jistgħux jiġu applikati għall-applikazzjoni tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Hemm differenzi fl-għanijiet u fin-natura ta’ dawn il-proċeduri. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, b’differenza mill-proċeduri fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li jikkonċernaw il-ġestjoni tal-fondi pubbliċi u r-relazzjonijiet tal-Istati Membri ma’ entitajiet oħrajn, il-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet u dawk fil-qasam tal-akkordji jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn żewġ entitajiet privati jew iktar u d-dokumenti kkomunikati lill-Kummissjoni jinkludu ġeneralment sigrieti tan-negozju li għandhom ikunu mħarsa. Min-naħa l-oħra, il-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija intrinsikament marbuta mal-interess prinċipali tal-pubbliku li tinkiseb kemm jista’ jkun informazzjoni għall-finijiet tal-kontroll tal-funzjonament leġittimu tal-organi tal-Istat u tal-ġestjoni xierqa tal-fondi pubbliċi. Skont ir-rikorrenti, l-effett tal-iżvelar fuq ir-rieda tal-impriżi li jikkooperaw huwa rilevanti biss fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam tal-akkordji jew fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, fejn il-persuni suġġetti għall-proċeduri jkunu entitajiet privati u l-fondi pubbliċi ma jkunux involuti.

27      Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li n-natura kunfidenzjali tad-data tista’ raġonevolment tiġi injorata minħabba li l-informazzjoni inkwistjoni hija antika. Barra minn hekk, hija ssostni li r-rifjut ta’ aċċess ma jistax jiġi ġġustifikat, fis-sens tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, fid-dawl tal-kontenut tad-dokumenti mitluba, li huwa ġenerali u speċifikat permezz ta’ ftehim ta’ xiri kompletament aċċessibbli għall-pubbliku. Konsegwentement, l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni ma jikkompromettix l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

28      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet obbligata twettaq eżami individwali tad-dokumenti sabiex turi li, minkejja ż-żmien li għadda, l-informazzjoni fid-dokumenti inkwistjoni kien dejjem jistħoqqilha li tiġi protetta fuq il-bażi tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

29      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

30      Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-rikorrenti ma tikkontestax b’mod espliċitu l-prinċipju ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti marbuta mal-proċeduri ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat, hija ssostni, essenzjalment, li tali preżunzjoni ma hijiex applikabbli f’dan il-każ minħabba li l-proċedura ta’ investigazzjoni kienet definittivament magħluqa. Għalhekk, hija tqis li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq eżami individwali tad-dokumenti sabiex turi li, minkejja ż-żmien li għadda, l-informazzjoni fid-dokumenti inkwistjoni kien dejjem jistħoqqilha li tiġi protetta fuq il-bażi tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

31      Issa, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali skont liema l-iżvelar ta’ dokumenti ta’ ċerta natura jippreġudika, fil-prinċipju, il-protezzjoni ta’ wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata li tipproċessa applikazzjoni globali u li twieġeb għaliha bil-mod korrispondenti (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C-514/11 P u C-605/11 P, EU:C:2013:738, punt 48, u tat-28 ta’ Marzu 2017, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T-210/15, EU:T:2017:224, punt 54).

32      Minn dan isegwi li preżunzjoni ġenerali tfisser li d-dokumenti koperti minnha jevitaw l-obbligu ta’ żvelar, sħiħ jew parzjali, tal-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C-404/10 P, EU:C:2012:393, punt 133).

33      Konsegwentement, jekk jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni kienet korretta meta rrifjutat, f’dan il-każ, li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni billi bbażat ruħha fuq preżunzjoni ġenerali, u dan minkejja l-fatt li l-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni kienet diġà ġiet magħluqa, isegwi li l-Kummissjoni ma kellhiex obbligu li twettaq eżami individwali ta’ kull dokument li għalih intalab l-aċċess, u lanqas li teżamina jekk, minn tal-inqas, setax jingħata aċċess parzjali għall-imsemmija dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 68).

34      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk kienx hemm żball ta’ liġi min-naħa tal-Kummissjoni meta applikat, f’dan il-każ, preżunzjoni ġenerali bbażata fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli. Minn dan ir-regolament jirriżulta wkoll, b’mod partikolari mill-Artikolu 4 tiegħu, li jistabbilixxi sistema ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, li dan id-dritt ta’ aċċess huwa madankollu suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010 Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 51, u tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 61).

36      Huwa veru li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun iġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument li jkun intalab l-iżvelar tiegħu, ma huwiex biżżejjed, bħala prinċipju, li dan id-dokument ikun jikkonċerna attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni kkonċernata għandha tipprovdi wkoll spjegazzjonijiet dwar il-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C-39/05 P u C-52/05 P, EU:C:2008:374, punt 49; ara, ukoll, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C-365/12 P, EU:C:2014:112, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata setgħet tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, billi kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal applikazzjonijiet għal żvelar li jikkonċernaw dokumenti tal-istess natura (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 54; ara, ukoll, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjonijiet ġenerali, b’mod partikolari, fir-rigward tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv marbut ma’ proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C-139/07 P, EU:C:2010:376, punt 61, u tal-14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il-Kummissjoni, C-271/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:557, punt 36), id-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti jew terzi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C-404/10 P, EU:C:2012:393, punt 123, u tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, C-477/10 P, EU:C:2012:394, punt 64), jew id-dokumenti tal-fajl amministrattiv marbut ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 93). Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet ukoll l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv relatat ma’ proċedura dwar abbuż ta’ pożizzjoni dominanti (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T-210/15, EU:T:2017:224, punt 45).

39      Fir-rigward tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv marbut ma’ proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, ġie deċiż li l-iżvelar tad-dokumenti ta’ tali fajl, fil-prinċipju, jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C-139/07 P, EU:C:2010:376, punt 61, u tal-14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il-Kummissjoni, C-271/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:557, punt 37).

40      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-qrati tal-Unjoni ħadu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuni interessati minbarra l-Istat Membru kkonċernat fil-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat ma kellhomx id-dritt li jikkonsultaw id-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni. Kieku dawn il-persuni interessati kienu fil-pożizzjoni li jiksbu l-aċċess, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, is-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat kienet tkun ippreġudikata (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C-139/07 P, EU:C:2010:376, punt 58, u tal-25 ta’ Marzu 2015, Sea Handling vs Il-Kummissjoni, T-456/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:185, punt 61).

41      Id-dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl amministrattiv fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll mibdija skont l-Artikolu 108(2) TFUE u d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, huma ġuridikament distinti, iżda xorta jibqa’ l-fatt li jwasslu għal sitwazzjoni komparabbli minn perspettiva funzjonali. Fil-fatt, indipendentement mill-bażi legali li fuqha jingħata, l-aċċess għall-fajl jippermetti lill-persuni kkonċernati li jiksbu l-osservazzjonijiet u d-dokumenti kollha ppreżentati lill-Kummissjoni (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C-139/07 P, EU:C:2010:376, punt 59, u tal-25 ta’ Marzu 2015, Sea Handling vs Il-Kummissjoni, T-456/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:185, punt 62; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, C-477/10 P, EU:C:2012:394, punt 61).

42      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma wkoll validi għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2011, minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat tipprevedi regoli stretti dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva miksuba jew stabbilita fil-kuntest ta’ tali proċedura. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni ġustament tirrileva, l-Artikolu 30 tar-Regolament 2015/1589 jeżiġi li l-informazzjoni miġbura skont dan ir-regolament u koperta mis-sigriet professjonali ma tiġix żvelata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, C-477/10 P, EU:C:2012:394, punt 60).

43      Din id-dispożizzjoni tikkompleta, fil-qasam tal-applikazzjoni tar-Regolament 2015/1589, ir-regola ta’ mġiba stipulata fl-Artikolu 339 TFUE, li tipprevedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta li ma jiżvelawx l-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta mis-sigriet professjonali u, b’mod partikolari, it-tagħrif dwar l-impriżi u fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-prezz tal-ispiża tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il-Kummissjoni, T-88/09, EU:T:2011:641, punt 43, u tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T-511/09, EU:T:2015:284, punt 70).

44      Taħt dawn il-kundizzjonijiet, aċċess ġeneralizzat, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti marbuta mal-fajl amministrattiv relatat mal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat huwa ta’ natura li jipperikola l-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura, fir-Regolament 2015/1589, bejn l-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat u, jekk ikun il-każ, ir-rieda ta’ terzi li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni kummerċjali eventwalment sensittiva sabiex din tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, minn naħa, u l-garanzija ta’ protezzjoni msaħħa marbuta, fuq il-bażi tas-sigriet professjonali u tas-sigriet tan-negozju, mal-informazzjoni hekk trażmessa lill-Kummissjoni, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, C-477/10 P, EU:C:2012:394, punt 62).

45      Kieku persuni oħra għajr l-Istat Membru involut fil-proċedura ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat, li huwa unikament awtorizzat mil-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat li jaċċedi għall-fajl ta’ din il-proċedura, kellhom ikunu f’pożizzjoni li jiksbu l-aċċess għad-dokumenti fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sistema stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni tiġi ppreġudikata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, C-477/10 P, EU:C:2012:394, punt 63).

46      Konsegwentement, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza tal-preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jippreġudika, fil-prinċipju, l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati minn din il-proċedura.

47      F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-dokumenti inkwistjoni, imsemmija fil-punt 1 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, kienu ġew prodotti fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat C 27/2004 li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2008/214 u għalhekk jifformaw parti mill-fajl amministrattiv dwar din il-proċedura. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Ftehim Qafas u tal-Ftehimiet Supplimentari għalih, dawn għandhom jitqiesu li huma inklużi fl-istess kategorija ta’ dokumenti. Dawn id-dokumenti huma koperti mill-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità.

48      Kif il-Kummissjoni ġustament irrilevat fit-tieni deċiżjoni kkontestata u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-konklużjoni tapplika irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni għal aċċess tikkonċernax proċedura diġà magħluqa jew proċedura pendenti. Fil-fatt, fid-dawl tal-interessi protetti fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni sensittiva li tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriżi involuti f’din il-proċedura, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, tista’ tippreġudika l-interessi kummerċjali tagħhom irrispettivament minn jekk il-proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE hijiex diġà magħluqa (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C-404/10 P, EU:C:2012:393, punt 124; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, C-477/10 P, EU:C:2012:394, punt 66, u tat-13 ta’ Settembru 2013, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T-380/08, EU:T:2013:480, punt 43).

49      Barra minn hekk għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjonijiet li jikkonċernaw l-interessi kummerċjali jew id-dokumenti sensittivi jistgħu japplikaw għal perijodu ta’ 30 sena, jew lil hinn minn dan il-perijodu jekk dan ikun neċessarju (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C-404/10 P, EU:C:2012:393, punt 125; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, C-477/10 P, EU:C:2012:394, punt 67, u tat-13 ta’ Settembru 2013, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T-380/08, EU:T:2013:480, punt 44).

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li l-ġurisprudenza dwar l-aċċess għad-dokumenti ta’ fajl dwar il-proċedura ta’ kontroll tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE ma hijiex rilevanti f’dan il-każ f’dak li jirrigwarda l-aċċess għad-dokumenti tal-fajl tal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, diġà ġie deċiż li, mill-perspettiva tal-aċċess għall-fajl amministrattiv, il-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat u dawk ta’ kontroll tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni huma komparabbli u li għandha tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għal dokumenti marbuta ma’ dawn il-proċeduri f’kull waħda minnhom (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C-404/10 P, EU:C:2012:393, punti 117 sa 123, u tal-14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il-Kummissjoni, C-271/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:557, punti 45 u 62). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll, f’dan ir-rigward, analoġija bejn il-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat u dawk ġestiti fuq il-bażi tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il-Kummissjoni, C‑271/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:557, punt 46).

51      Għalkemm huwa veru li hemm differenzi fin-natura u fit-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni jew ta’ akkordju u f’dawk tal-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, xorta waħda jibqa’ l-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li l-interessi kummerċjali tal-impriżi, protetti fl-ambitu ta’ dawn il-proċeduri, huma ta’ natura simili.

52      Fil-fatt, fid-dawl tal-għan ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE, jiġifieri li jiġi vverifikat jekk għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni, kif hija ġustament tenfasizza, tista’ tiġbor mill-Istat Membru jew minn partijiet privati bħal lanjanti jew terzi oħra bħall-kompetituri jew il-klijenti tal-benefiċjarju informazzjoni li tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriżi kkonċernati li tkun kummerċjalment sensittiva u li l-iżvelar tagħha jippreġudika l-interessi kummerċjali tagħhom.

53      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali tista’ tkun kemm informazzjoni kunfidenzjali kif ukoll sigrieti tan-negozju (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il-Kummissjoni, T-88/09, EU:T:2011:641, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif jirriżulta mill-premessi 10 u 11 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2003) 4582 tal-1 ta’ Diċembru 2003 dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat (ĠU 2003, C 297, p. 6), is-sigrieti tan-negozju fil-fajls marbuta ma’ proċedura ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat, li jirrigwardaw, fl-ewwel lok, lill-benefiċjarju tal-għajnuna, iżda wkoll lil terz, jistgħu jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-metodi ta’ evalwazzjoni ta’ spejjeż ta’ manifattura u ta’ distribuzzjoni, is-sigrieti tal-produzzjoni u l-proċessi ta’ manifattura, is-sorsi tal-provvista, il-kwantitajiet prodotti u mibjugħa, l-ishma mis-suq, il-fajls tal-klijenti u tad-distributuri, l-istrateġiji kummerċjali, l-istruttura tal-prezz tal-ispiża, il-politika tal-bejgħ u l-informazzjoni relatata mal-organizzazzjoni interna tal-impriża.

54      Minn din l-informazzjoni, li ma hijiex fid-dominju pubbliku, jista’ jittieħed vantaġġ bl-użu tagħha minn impriżi oħra jekk din tiġi żvelata peress li din tagħti lill-impriża li tiksibha vantaġġ ekonomiku, strateġiku jew organizzazzjonali u strutturali. Għalhekk, tali żvelar jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-benefiċjarju tal-għajnuna jew ta’ terz involut fil-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Sa fejn din l-informazzjoni hija miġbura skont ir-Regolament 2015/1589, din hija koperta mis-sigriet professjonali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, T-198/03, EU:T:2006:136, punt 71, u tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni, T-474/04, EU:T:2007:306, punt 65).

55      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament irrifjutat, f’dan il-każ, l-aċċess għad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti billi applikat preżunzjoni ġenerali bbażata fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u dan irrispettivament mill-fatt li l-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni kienet diġà ġiet magħluqa.

56      Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 31 sa 33 iktar ’il fuq, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta twettaq eżami individwali ta’ kull dokument li l-aċċess tiegħu ġie mitlub, sabiex tivverifika li, minkejja li għadda ż-żmien, l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni baqgħet timmerita l-protezzjoni skont l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali. Fil-fatt, tali rekwiżit iċaħħad lil din il-preżunzjoni ġenerali mill-effett utli tagħha, jiġifieri li tippermetti lill-Kummissjoni twieġeb għal applikazzjoni ta’ aċċess globali b’mod globali wkoll (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C-514/11 P u C-605/11 P, EU:C:2013:738, punt 68).

57      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata bl-argumenti li r-rikorrenti tintendi tiddeduċi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li jidher li r-rikorrenti qiegħda tinvoka dan biss sabiex tikkontesta l-applikazzjoni, lil hinn mit-tul tal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, tal-preżunzjoni ġenerali bbażata fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, iżda mhux dik relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi.

58      Sussegwentement, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni (C‑506/08 P, EU:C:2011:496), u tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541), li fuqhom tibbaża ruħha r-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-effett tal-għeluq tal-proċedura inkwistjoni fuq l-applikazzjoni, rispettivament, tal-eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali pprovduta fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, iżda mhux l-eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. Ir-rikorrenti ma ressqet ebda argument sabiex turi b’liema mod din il-ġurisprudenza tapplika f’dak li jirrigwarda din l-aħħar eċċezzjoni.

59      Għaldaqstant l-argument magħmul mir-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

60      Madankollu, il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità ma teskludix id-dritt, għall-partijiet kkonċernati, li juru li dokument partikolari, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni, speċifikament minħabba t-trapass taż-żmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T-380/08, EU:T:2013:480, punt 27), jew li hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument previst skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 62, u tal-14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il-Kummissjoni, C-271/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:557, punt 39).

61      Huwa dak li jitlob l-iżvelar ta’ dokument li għandu jġib il-provi li jistgħu jistabbilixxu li l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti marbuta mal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat ma tkoprix l-imsemmi dokument jew li hemm tali interess superjuri li jiġġustifika tali żvelar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il-Kummissjoni, C-271/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:557, punt 40).

62      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fl-applikazzjoni konfermatorja tagħha, ir-rikorrenti llimitat ruħha li ssostni l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika, f’dan il-każ, l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, hija ma ressqet ebda prova sabiex turi li d-dokumenti inkwistjoni ma kinux koperti mill-preżunzjoni ġenerali bbażata fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, invokata mill-Kummissjoni diġà fit-tweġiba għall-applikazzjoni inizjali. Hija ma sostnietx, b’mod partikolari, kif għamlet fir-replika ppreżentata fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li l-informazzjoni li tinsab fihom ma baqgħetx kunfidenzjali minħabba ż-żmien li għadda jew minħabba li din kienet saret pubblika. Fl-assenza fl-applikazzjoni konfermatorja ta’ lmenti speċifikament dwar il-fatt li d-dokumenti inkwistjoni ma humiex koperti mill-preżunzjoni ġenerali, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tipproċedi għal eżami individwali u konkret tagħhom fit-tieni deċiżjoni kkontestata u setgħet tapplika fil-konfront tagħhom il-preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tagħhom jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T-494/08 sa T-500/08 u T-509/08, EU:T:2010:511, punt 80).

63      Bl-istess mod, fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, ir-rikorrenti ma qajmet, fl-istadju tar-rikors, l-ebda argument intiż sabiex juri li tali preżunzjoni ġenerali ma tkoprix b’mod partikolari d-dokumenti inkwistjoni. Huwa biss fl-istadju tar-replika li r-rikorrenti sostniet li d-dokumenti inkwistjoni ma kinux jinkludu informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali minħabba li din kienet antika u minħabba l-fatt li l-ftehim ta’ xiri li jispeċifika t-termini tal-Ftehim Qafas kien ġie ppubblikat. Dawn l-ilmenti, imressqa għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, ma jistgħux għalhekk jitqiesu li jitkostitwixxu l-estensjoni ta’ motiv imressaq fir-rikors u għandhom, f’kull każ, jiġu miċħuda bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, Germanwings vs Il-Kummissjoni, T-375/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:289, punt 128).

64      L-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika, fil-każ ineżami, l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 60 u 61, ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv.

–       Fuq l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali bbażata fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

65      Mill-punt 55 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni deċiżjoni kkontestata hija fondata permezz tar-raġunijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Minn dan isegwi li possibbiltà ta’ illegalità li tivvizzjaha fir-rigward tar-raġunijiet marbuta mal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija f’kull każ mingħajr effett fuq il-legalità tagħha. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħetx utilment tibbaża r-rifjut ta’ aċċess fuq il-preżunzjoni ġenerali bbażata fuq din l-eċċezzjoni tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2013, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T-380/08, EU:T:2013:480, punt 88, u tal-25 ta’ Marzu 2015, Sea Handling vs Il-Kummissjoni, T-456/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:185, punt 86).

66      Għalhekk, l-ewwel motiv ma jistax jirnexxi u għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

67      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni, sussidjarjament, li kien hemm, f’dan il-każ, interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni. Dan l-interess huwa marbut mat-trasparenza, mal-kontroll tal-fondi pubbliċi u mal-kontroll tal-proċessi ta’ privatizzazzjoni, u jirriżulta minn theddida potenzjali għall-istabbiltà tas-settur bankarju fir-Repubblika Ċeka.

68      Minn naħa, il-privatizzazzjoni tal-bank Agrobanka Praha ġiet implimentata b’mod mhux trasparenti u hemm raġunijiet raġonevoli għal suspett ta’ mġiba illegali mwettqa minn organi tal-Istat Ċek fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni u tat-trasformazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, hemm fil-preżent proċedimenti kriminali pendenti dwar l-iżbalji mwettqa minn ċerti individwi fl-ambitu ta’ din ir-ristrutturizzazzjoni. Skont ir-rikorrenti, peress li l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Ċeka toriġina mill-baġit tal-Istat, u għalhekk miċ-ċittadini Ċeki, hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

69      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li billi l-legalità tal-bejgħ ta’ parti minn Agrobanka Praha lil GE Capital Bank hija dubjuża, dan għandu l-konsegwenza li jipperikola l-istabbiltà tas-settur bankarju Ċeka, b’mod li jista’ jirriżulta meħtieġ il-ħlas ta’ sussidji pubbliċi sostanzjali ffinanzjati mill-kontribwenti Ċeki.

70      Finalment, ir-rikorrenti tqis li s-sempliċi fatt li proċedura ċivili li tinvolviha hija pendenti ma huwiex ekwivalenti għall-eżistenza ta’ sempliċi interess privat sabiex tikseb l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni ta’ natura li teskludi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri.

71      Il-Kummissjoni titlob li t-tieni motiv għandu jiġi miċħuda bħala infondat.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif ġie mfakkar fil-punt 60 iktar ’il fuq, li l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument partikolari li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 62, u tal-14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il-Kummissjoni, C-271/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:557, punt 39).

73      Issa, skont il-ġurisprudenza, hija l-parti li ssostni li hemm interess pubbliku superjuri li għandha tinvoka b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C-514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il-Kummissjoni, C-271/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:557, punt 40).

74      F’dan il-każ, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li ebda interess pubbliku superjuri ma kien jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti fuq il-bażi tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont il-Kummissjoni, il-legalità tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni ma setgħetx tiġi evalwata fil-kuntest tal-proċedura ta’ aċċess għal dokumenti u l-interess privat li r-rikorrenti jista’ jkollha sabiex tikseb aċċess għad-dokumenti dwar l-injezzjoni ta’ kapital fil-GE Group ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-interess pubbliku superjuri.

75      Din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ evalwazzjoni.

76      Fil-fatt, l-ewwel nett, dwar, l-interess marbut mat-trasparenza, għandu jiġi rrilevat li dan ċertament jikkostitwixxi interess pubbliku, sa fejn dan huwa ta’ natura oġġettiva u ġenerali (ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni, T-480/11, EU:T:2015:272, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, kunsiderazzjonijiet daqstant ġenerali bħal dawk invokati mir-rikorrenti, jiġifieri interess li wieħed jifhem kif saret il-privatizzazzjoni ta’ Agrobanka Praha sabiex allegati irregolaritajiet tal-istess tip ma jerġgħux iseħħu fil-futur, kif ukoll l-interess li tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini Ċeki lejn l-istituzzjonijiet governattivi tagħhom, sa fejn dawn jistgħu jiżguraw li l-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet governattivi involuti kienu legali, adegwati u xierqa, ma jistgħux ikunu ta’ natura li jistabbilixxu li l-interess marbut mat-trasparenza kellu, f’dan il-każ, sensittività partikolari li setgħet tipprevali fuq ir-raġunjiet li jiġġustifikaw ir-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C-514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punti 92 u 93).

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata li l-interess tal-pubbliku li tinkiseb il-komunikazzjoni ta’ dokument fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ trasparenza, intiż sabiex jiżgura parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali u sabiex tiġi żgurata leġittimità ikbar, effettività ikbar u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika, ma għandux l-istess piż f’dak li jirrigwarda dokument li jaqa’ taħt proċedura amministrattiva meta mqabbel ma’ dokument relatat ma’ proċedura li fil-kuntest tagħha l-istituzzjoni tal-Unjoni tintervjeni bħala leġiżlatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, Ġabra, EU:C:2010:376, punt 60, u tal-20 ta’ Marzu 2014, Reagens vs Il-Kummissjoni, T-181/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:139, punt 140).

78      Issa, f’dan il-każ, id-dokumenti inkwistjoni jaqgħu manifestament fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, jiġifieri proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

79      Fir-rigward, barra minn hekk, tal-interess marbut mal-kontroll tal-ġestjoni tal-fondi pubbliċi u mal-kontroll tal-proċeduri ta’ privatizzazzjoni u ta’ dak li jkun ir-riżultat ta’ theddida potenzjali għall-istabbiltà tas-settur bankarju fir-Repubblika Ċeka minħabba allegata illegalità tal-operazzjonijiet ta’ privatizzazzjoni tal-bank Agrobanka Praha, għandu jiġi rrilevat, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, li, fid-Deċiżjoni 2008/214 tagħha, hija kkunsidrat li l-għajnuna mill-Istat mogħtija, fil-kuntest tal-privatizzazzjoni u tar-ristrutturazzjoni tal-bank Agrobanka Praha, lil GE Capital Bank u lil GE Capital International Holdings Corporation, USA kienet kompatibbli mas-suq intern. Ir-rikorrenti ma tistax, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet b’allegazzjonijiet relatati ma’ illegalitajiet possibbli ta’ miżuri adottati mill-Istat Ċek. Ma hijiex ir-rikorrenti li għandha tistabbilixxi l-illegalità tal-operazzjonijiet ta’ privatizzazzjoni tal-bank Agrobanka Praha, u lanqas ma hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina, fil-kuntest ta’ din il-kawża dwar l-aċċess għal dokumenti, din il-kwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, AlzChem vs Il-Kummissjoni, T‑451/15, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2017:588, punt 46).

80      Għall-kuntrarju, jekk il-proċeduri nazzjonali, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw in-nuqqasijiet ta’ ċerti persuni involuti fl-operazzjonijiet ta’ privatizzazzjoni tal-bank Praha Agrobanka, huma pendenti, kif ir-rikorrenti tammetti, huwa fl-ambitu ta’ dawn il-proċeduri li l-protezzjoni tal-interess pubbliku relatat mal-kontroll tal-ġestjoni tal-fondi pubbliċi mill-organi tal-Istat tista’ tiġi żgurata. B’hekk, l-interess ġenerali jista’ jkun moqdi, fil-każ ineżami, permezz ta’ dawn il-proċeduri nazzjonali intiżi sabiex jistħarrġu l-legalità tal-aġir ta’ dawn il-persuni fl-ambitu tal-privatizzazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni, T‑306/12, EU:T:2014:816, punt 98).

81      Għalhekk, l-aċċess għad-dokumenti mitlub mir-rikorrenti jista’ jaqa’ biss taħt l-interess privat eventwali tagħha li ssostni l-konvinzjonijiet tagħha stess, kif espressi fit-talba konfermatorja u fir-rikors, marbuta mal-illegalità tal-aġir tal-organi tal-Istat Ċek u, jekk ikun il-każ, li turihom fl-ambitu tal-proċeduri ġudizzjarji li hija bdiet jew li tirraporta pubblikament l-iżbalji li setgħu twettqu fl-ambitu ta’ dawn il-proċeduri.

82      Issa, ir-Regolament Nru 1049/2001 għandu l-għan li jagħti dritt ta’ aċċess lill-pubbliku inġenerali għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet u mhux li joħloq regoli intiżi sabiex jipproteġu l-interess speċifiku li persuna partikolari jista’ jkollha sabiex taċċedi għal xi wieħed minnhom (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C-266/05 P, Ġabra, EU:C:2007:75, punt 43).

83      Barra minn hekk, għalkemm is-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi kunfliġġenti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi mhedda mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk iffavoriti permezz ta’ dan l-iżvelar, għal dak li jirrigwarda dawn tal-aħħar, huwa biss interess pubbliku superjuri li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni. Dan l-interess għandu jkun ta’ natura oġġettiva u ġenerali u ma jistax jiġi konfuż ma’ interessi partikolari jew privati, billi tali interessi ma jikkostitwixxux element rilevanti fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi previst mill-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2014, Reagens vs Il-Kummissjoni, T-181/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:139, punt 142).

84      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-interess partikolari ta’ applikant li jitlob il-komunikazzjoni ta’ dokumenti kif ukoll is-sitwazzjoni individwali tiegħu ma jistgħux, ħlief meta dawn ikunu marbuta ma’ interess pubbliku superjuri, jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-istituzzjoni mitluba sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dawn id-dokumenti jippreġudikax l-interessi protetti mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2015, Unión de Almacenistas de Hierros de España vs Il-Kummissjoni, T-623/13, EU:T:2015:268, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

86      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Arca Capital Bohemia a.s. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Prek

Buttigieg

Berke

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.