Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2019 minn Achemos Grupė UAB, Achema AB mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-12 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-417/16, Achemos Grupė u Achema AB vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-847/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Achemos Grupė UAB, Achema AB (rappreżentanti: R. Martens, avukat, V. Ostrovskis, advokatas)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika tal-Litwanja, Klaipėdos Nafta AB

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punti 1 u 2 tal-parti operattiva tas-sentenza appellata;

tirreferi l-każ lura lill-Qorti Ġenerali,

jew, sussidjarament, tagħti deċiżjoni hija stess fuq l-azzjoni fl-ewwel istanza u tannulla, fl-intier tagħha, id-deċiżjoni kontestazzjoni 1

tikkundanna l-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel eċċezzjoni: ksur tal-Artikolu 263 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 256(1) TFUE u tad-dmir li jissemmew r-raġunijiet, għaliex il-Qorti Ġenerali wettqet żball tal-liġi billi naqset milli tevalwa l-informazzjoni li fuqha bbażat il-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni, mentri reviżjoni adegwata tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni mill-Qorti Ġenerali timplika reviżjoni jekk l-informazzjoni li fuqha bbażat il-Kummissjoni hija fattwalment preċiża, affidabbli u konsistenti.

It-tieni eċċezzjoni: ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt għal amministrazzjoni tajba u Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 2 moqri flimkien mal-Artikolu 5 ta’ dak ir-regolament, għaliex il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-liġi billi akkużat l-appellanti talli ma infurmawx lill-Kummissjoni matul l-eżaminazzjoni preliminarja tal-Kummissjoni, mentri bis-saħħa tad-dmir li twettaq eżaminazzjoni diliġenti u imparzjali u d-dritt ta’ amministrazzjoni tajba hija l-Kummissjoni li għandha d-dmir tiżgura li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-iktar informazzjoni kompleta u affidabbli possibbli.

It-tielet eċċezzjoni: ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE, tal-Artikolu 41(1) u (2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-dmir li tagħti r-raġunijiet, għaliex il-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx b’mod ċar u inekwivoku għaliex il-proġett LNG seta’ jkun eżentat mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18/KE 3 u jkun mogħti direttament lil Klaipėdos Nafta, mentri f’konformità mad-dmir tagħha li tagħti r-raġunijiet il-Qorti Ġenerali għandha tiżvela r-raġunament tagħha b’mod li l-appellanti jkunu jistgħu jaċċertaw ir-raġunijiet għad-deċiżjoni meħuda.

____________

1  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 7884 finali tal-20 ta’ Novembru 2013, li biha l-għajnuna mill-Istat SA. 36740  (2013/NN) mogħtija mil-Litwanja lil Klaipėdos Nafta ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern (ĠU 2016, C 161, p. 1).

2  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).

3  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).