Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta’ Novembru 2018 minn PAO Rosneft Oil Company, li kienet NK Rosneft OAO, RN-Shelf-Arctic OOO, AO RN-Shelf-Far East, li kienet RN-Shelf-Dalniy Vostok ZAO, RN-Exploration OOO, Tagulskoe OOO mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-13 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-715/14, PAO Rosneft Oil Company vs Il-Kunsill

(Kawża C-732/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: PAO Rosneft Oil Company, li kienet NK Rosneft OAO, RN-Shelf-Arctic OOO, AO RN-Shelf-Far East, li kienet RN-Shelf-Dalniy Vostok ZAO, RN-Exploration OOO, Tagulskoe OOO (rappreżentant: L. Van den Hende, advocaat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza sa fejn imsemmi mill-aggravji ta’ dan l-appell

tagħti sentenza definittiva f’din il-kawża jew tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż li jirriżultaw mill-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell jirrigwarda restrizzjonijiet fuq iż-żejt mhux konvenzjonali kkontestati, restrizzjonijiet fuq is-swieq tal-kapital ikkontestati u restrizzjonijiet legali fil-qasam ta’ kawżi kif previst fir-Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014 1 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK 2 .

L-appellanti jibbażaw ruħhom fuq seba’ aggravji:

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill kien osserva l-Artikolu 296 TFUE meta huwa adotta r-restrizzjonijiet fuq iż-żejt mhux konvenzjonali kkontestati.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill kien osserva l-Artikolu 296 TFUE meta huwa adotta r-restrizzjonijiet fuq is-swieq tal-kapital ikkontestati.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li teżisti rabta razzjonali bejn ir-restrizzjonijiet fuq iż-żejt mhux konvenzjonali kkontestati u l-għan imfittex minnhom.

Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-restrizzjonijiet fuq iż-żejt mhux konvenzjonali kkontestati ma jiksrux id-dritt fundamentali tal-appellanti għall-proprjetà u għal-libertà ta’ intrapriża.

Il-ħames aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-restrizzjonijiet legali fil-qasam tal-kawżi kkontestati ma humiex sproporzjonati u ma jiksrux barra minn hekk id-dritt fundamentali tal-appellanti għall-proprjetà.

Is-sitt aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-restrizzjonijiet inkwistjoni fuq is-swieq tal-kapital josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma jiksrux id-dritt fundamentali tal-appellanti għal-libertà ta’ intrapriża.

Is-seba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-restrizzjonijiet fuq iż-żejt mhux konvenzjonali kkontestati kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq is-swieq tal-kapital ikkontestati huma ġġustifikati bl-eċċezzjonijiet fil-qasam ta’ sigurtà previsti mill-Ftehim ta’ sħubija u kooperazzjoni UE-Russja u l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-OMC.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1).

2     Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13).