Language of document : ECLI:EU:F:2011:155

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(Qorti Plenarja)

27 taʼ Settembru 2011

Kawża F-55/08 DEP

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz Pubbliku — Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli — Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha — Obbligu taʼ rikorrent li tilef li jbati dawn l-onorarji — Prinċipju taʼ ugwaljanza fit-trattament — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Kundizzjonijiet”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, imressqa mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) wara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-30 ta’ Novembru 2009, De Nicola vs BEI (F-55/08, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, tal-Unjoni Ewropea, Kawża T-37/10 P).

Deċiżjoni:      L-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mill-BEI fil-Kawża F-55/08, De Nicola vs BEI, huwa stabbilit għal EUR 6 000.

Sommarju

1.      Proċedura — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha — Kundizzjonijiet għar-rimbors

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19)

2.      Proċedura — Spejjeż — Taxxa — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

1.      Fil-każ li rikorrent huwa kkundannat iħallas l-ispejjeż, kollha jew parti minnhom, sostnuti minn istituzzjoni, hija għandha, fil-każ fejn hija għandha l-intenzjoni li tirkupra l-onorarji mħallsa lill-avukat tagħha, tipprova li dawn l-onorarji kienu kkostitwixxew “spejjeż indispensabbli” għall-finijiet tal-proċedura. Fʼdan ir-rigward, istituzzjoni tistaʼ tipproduċi l-prova tan-natura neċessarja tar-rikors għal avukat billi tistabbilixxi bʼmod partikolari li, għal raġunijiet ċikliċi u temporanji, marbutin bʼmod partikolari maʼ tagħbija żejda speċifika taʼ xogħol jew maʼ assenzi imprevisti tal-persunal fis-servizz legali tagħha, normalment kompetenti sabiex jirrappreżentaha quddiem qorti, hija kienet obbligata li tkun assistita minn avukat. Dan japplika wkoll għal istituzzjoni li, quddiem rikorrent li ppreżenta rikorsi sostanzjali fir-rigward tal-volum u/jew tan-numru, tistabbilixxi li jekk hija ma kinitx irrikorriet għal avukat hija kienet tkun obbligata tiddedika parti sproporzjonata tar-riżorsi tas-servizzi tagħha għat-trattament tal-imsemmija rikorsi.

Min-naħa l-oħra, istituzzjoni ma tistax titlob ir-rimbors tal-onorarji kollha jew ta’ parti minnhom imħallsa lill-avukat tagħha fil-każ fejn hija tillimita ruħha li tespjega li, għal raġunijiet baġitarji jew organizzattivi, hija għażlet li teżenta s-servizz legali tagħha mill-ġestjoni tat-tilwim tas-servizz pubbliku. Fil-fatt, għalkemm istituzzjoni hija libera li tagħmel tali għażla, il-konsegwenzi taʼ tali għażla ma jistgħux jiġu sostnuti mill-membri tal-persunal tagħha, billi jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, ħlief bir-riskju li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ aċċess ugwali għall-ġustizzja bejn il-persunal tal-istituzzjonijiet li s-servizz legali tagħhom jiżgura r-rappreżentazzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni u l-persunal tal-istituzzjonijiet li sistematikament jirrikorru għal avukat.

(ara l-punti 37 sa 39)

2.      Hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tiddetermina sa liema ammont l-onorarji ta’ avukat jistgħu jinġabru mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it‑talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, hija ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż bejn il-parti kkonċernata u l-membri tal-persunal jew il-konsulenti tagħha.

Fin-nuqqas taʼ dispożizzjonijiet taʼ natura tariffarja fid-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti li għandha tevalwa liberament id-data tal-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont taʼ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-membri tal-persunal jew tal-konsulenti li intervjenew u l-interessi ekonomiċi li t-tilwima rrappreżentat għall-partijiet. Il-qorti għandha wkoll tqis, meta tiffissa l-ammont tal-onorarji li jistgħu jinġabru, il-fakultà kontributtiva tal-parti kkundannata għall-ispejjeż sabiex ma jiġix ippreġudikat bʼmod sproporzjonat id-dritt taʼ din il-parti għal rikors effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fl-aħħar nett, l-ammont tal-onorarji li jistgħu jinġabru tal-avukat tal-istituzzjoni kkonċernata, ma jistax jiġi evalwat mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni x-xogħol imwettaq mis-servizzi tagħha, anki qabel it-tressiq tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Fil-fatt, peress li l-ammissibbiltà taʼ rikors hija suġġetta għat-tressiq taʼ ilment u għaċ-ċaħda tiegħu mill-Awtorità tal-Ħatra, is-servizzi tal-istituzzjoni huma, fil-prinċipju, involuti fit-trattament tat-tilwim, qabel ma dawn ma jitressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Minn dan jirriżulta li, fil-kawżi fejn, istituzzjoni rrikorriet għal avukat, in-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ dan l-avukat li jista’ jitqies bħala oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura għandu jiġi evalwat, fil-prinċipju, għal terz tas-sigħat li kieku kienu neċessarji għal dan l-avukat f’każ li huwa ma setax jibbaża ruħu fuq ix-xogħol preċedentement imwettaq mis-servizz legali tal-istituzzjoni.

Din il-proporzjoni tistaʼ madankollu tiġi ffissata għal livell ogħla, bʼmod partikolari fil-każ fejn istituzzjoni, meta kkonfrontata b’rikorrent li ppreżenta għadd kbir taʼ rikorsi li għandhom natura manifestament abbużiva, kienet tqiegħdet fis-sitwazzjoni li jkollha tafda lil avukat il-ġestjoni kollha ta’ dan it-tilwim jew parti minnha, inkluż matul il-fażi prekontenzjuża, sabiex tevita l-mobilizzazzjoni bʼmod sproporzjonat tar-riżorsi tas-servizz legali tagħha.

(ara l-punti 40 sa 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-PrimʼIstanza: 9 taʼ Settembru 2002, Pannella vs Il‑Parlament, T‑182/00 DEP, punti 28 u 29