Language of document : ECLI:EU:F:2013:16

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

21 ta’ Frar 2013

Kawża F-58/08

Chiara Avogadri

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Persunal mhux permanenti — Artikoli 2, 3a u 3b tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg — Membri tal-persunal temporanju — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Membri tal-persunal bil-kuntratt awżiljarji — Tul tal-kuntratt — Artikoli 8 u 88 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg — Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2004 dwar it-tul massimu tal-persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tal-Kummissjoni — Direttiva 1999/70/KE— Applikabbiltà għall-istituzzjonijiet”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat bis-saħħa tal-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih C. Avogadri u tnax-il rikorrent ieħor qed jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ tagħhom, li bih il-kuntratt tagħhom jew it-tiġdid tagħhom huwa llimitat għal tul determinat.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u huma kkundannati jbatu dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjez tiegħu.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat — Kundizzjonijiet — Rikors manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt — Portata

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Direttivi — Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP — Impożizzjoni diretta ta’ obbligi fuq l-istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom — Esklużjoni — Invokabbiltà — Portata

(Artikolu 288 TUE; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 8 u 88; Direttiva tal-Kunsill 1999/70/UE)

3.      Uffiċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70 — Miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Portata

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 5(1))

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70 — Stabbiltà tal-impjieg — Għan li ma għandux natura obbligatorja — Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat — Ammissibbiltà

(Artikolu 151 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 30 u31; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 8 u 88; Direttiva tal-Kunsill Nru 1999/70, is-sitt u s-seba’ premessi, u l-Anness, il-ħames premessa u klawżola 1(b))

5.      Uffiċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70 — Miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti — Raġunijiet oġġettivi — Kunċett — Applikazzjoni għall-membri tal-persunal bil-kuntratt awżiljarji

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikoli 3a, 3b, 8 u 88; Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżola 5(1)(a))

6.      Uffiċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70 — Miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Obbligu li kuntratti għal żmien determinat jiġu rriklassifikati kuntratti għal żmien indeterminat — Assenza

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikoli 3a, u 85(1) u (2); Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 5(2))

7.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Deċiżjoni li kuntratt ta’ reklutaġġ jiġi mġedded jew le — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

Artikolu 296 TFUE; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej)

1.      Skont l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta rikors ikun parzjalment jew totalment manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma jkompli l-proċedura.

It-tieni ipoteżi prevista minn din id-dispożizzjoni tinkludi kull rikors iddestinat li jiġi miċħud minħabba raġunijiet li jirrigwardaw il-mertu tal-kawża. Iċ-ċaħda ta’ tali rikors permezz ta’ digriet motivat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 76 tar-regoli tal-proċedura, mhux biss jgħin sabiex inaqqas it-tul tal-proċedura, b’mod partikolari meta tkun ħadet iktar min-normal, imma jiffranka għall-partijiet l-ispejjeż neċessarji għaż-żamma tas-seduta. Soluzzjoni bħal din tkun a fortiori ġġustifikata fil-każ fejn is-sitwazzjoni fattwali tar-rikorrenti, kif ukoll il-motivi u l-argumenti fid-dritt imqajma, ma jkunux distnti minn dawk ta’ kawża oħra, li fiha r-rikors ikun diġà ġie miċħud mill-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punti 30 u 31)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Settembru 2011, Lübking et vs Il‑Kummissjoni, F 105/06, punt 41

2.      Peress li d-direttivi huma indirizzati lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, u l-ftehim qafas anness magħha, ma jistgħux konsegwentement jitqiesu li jimponu bħala tali obbligi fuq l-istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet li għandhom mal-persunal tagħhom. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, li jimplementaw il-ftehim qafas, ma għandhomx, bħala tali, jagħtu lok għal eċċezzjoni ta’ illegalità fil-konfront tal-Artikoli 8 u 88 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

Madankollu, ma għandux jiġi eskluż li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas jistgħu jiġu esklużi fil-konfront ta’ istituzzjoni fir-relazzjonijiet mal-uffiċjali u membri tal-persunal meta huma jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt.

(ara l-punti 44 u 46)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T-325/09 P (iktar ’il quddiem is-“sentenza Adjemian I”), punti 51, 52 u 56

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, F-134/07 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Adjemian I”), punt 87; l-11 ta’ Lulju 2012, AI vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F-85/10, punt 133

3.      Il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, li jidher fl-anness tad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, jiggarantixxi l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ liġi, fil-klawżola 5(1) tiegħu, tad-dispożittivi minimi intiżi li jevitaw l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu, ċertament, regoli tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari, imma madankollu ma jesprimux prinċipji ġenerali tad-dritt.

(ara l-punt 49)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Adjemian et vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza Adjemian I”), iċċitata iktar ’il quddiem, punti 96 u 97

4.      Għalkemm l-istabbiltà tal-impjieg hija meqjusa li hija element importanti tal-protezzjoni tal-ħaddiema, hija ma tikkostitwixxix prinċipju ġenerali tad-dritt li fuqha tkun tista’ tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni. B’mod partikolari, xejn ma jirriżulta mid-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, u mill-ftehim qafas anness magħha, li l-istabbiltà tal-impjieg sar prinċipju ġenerali tad-dritt. Barra minn hekk, il-premessi 6 u 7 tad-Direttiva, kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-preambolu u l-ħames premessa tal-ftehim qafas innifsu, jenfasizzaw il-bżonn li jintlaħaq bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà. Għandu jintqal ukoll li l-ftehim qafas ma jistabbilixxix obbligu ġenerali, fuq il-persuna li timpjega, li bih għandha tipprevedi, wara ċertu numru ta’ tiġdid tal-kuntratti għal żmien determinat jew it-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ xogħol, il-konverżjoni tal-imsemmija kuntratti ta’ xogħol f’kuntratti għal żmien indeterminat.

Għalkemm l-istabbiltà tal-impjieg ma tistax titqies li hija prinċipju ġenerali tad-dritt, din tikkostitwixxi, min-naħa l-oħra, għan imfittex mill-partijiet kontraenti tal-ftehim qafas, li l-klawżola 1(b) tiegħu tipprevedi li dan għandu bħala għan li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi tal-impjieg għal żmien indeterminat.

Din il-konklużjoni ma hija kkontestata la mill-Artikoli 30 u 31 tal-karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u lanqas mid-dispożizzjonijiet tal-Karta Soċjali Ewropea, dwar it-twettiq u ż-żamma tal-iktar livell stabbli possibbli tal-impjieg.

Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-Karta Soċjali Ewropea, anki jekk mill-Artikolu 151 TFUE jirriżulta li din hija sors ta’ ispirazzjoni li l-Unjoni għandha teħodha inkunsiderazzjoni fit-twettiq tal-għanijiet li dan l-artikolu jistabbilixxi, huwa ma jelevax il-Karta Soċjali Ewropea għal livell ta’ regola li fid-dawl tagħha l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tiġi mistħarrġa.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 30 tagħha ma jikkundannax l-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat. Barra minn hekk, it-tmiem ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, bis-sempliċi fatt tat-tmiem tiegħu, ma jikkostitwixxix tkeċċija li għandha tiġi mmotivata partikolarment fir-rigward tal-abbiltà, tal-kondotta, jew tal-eżiġenzi ta’ funzjonament tal-istituzzjoni. Konsegwentement, ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 30 tal-imsemmija karta li dan iwassal li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2004, dwar it-tul massimu tal-persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tal-Kummissjoni, jew li jiġi applikat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt, jew li jittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-kontenut tad-Direttiva 1999/70.

(ara l-punti 51 sa 55)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Adjemian et vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza Adjemian I”), iċċitata iktar ’il quddiem, punti 98 u 99, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Il-kunċett ta’ raġunijiet oġġettivi, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, li jidher fl-anness tad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandu jinftiehem li jipprevedi ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attivita determinata u, għaldaqstant, ta’ natura li tiġġustifika f’dan il-kuntest użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari min-natura partikolari tax-xogħlijiet li għat-twettiq tagħhom xi kuntratti kienu ġew konklużi u karatteristiċi inerenti tagħhom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru.

Fir-rigward tal-kategorija ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt awżiljarji fis-sens tal-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra, li l-ħolqien tagħha tikkorrispondi għal bżonnijiet partikolari, distinti minn dawk koperti mill-kategorija tal-membri tal-persunal bil-kuntratt imsemmija fl-Artikolu 3b tal-imsemmija kategorija, kull impjieg ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt awżiljarju għandu jissodisfa bżonnijiet temporanja jew mhux frekwenti. Issa, il-karatteristika prinċipali tal-kuntratt ta’ reklutaġġ bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt hija l-prekarjetà tagħhom fiż-żmien, li jikkorrispondu għall-għan proprju ta’ dawn il-kuntratti li huwa li jwettqu kompiti prekarji, min-natura tagħhom jew fin-nuqqas ta’ persunal tal-post, minn membri tal-persunal każwali. Fil-kuntest ta’ amministrazzjoni b’ħafna effettivi, huwa inevitabbli li tali bżonnijiet jirrepetu ruħhom minħabba, b’mod partikolari, l-indisponibbiltà tal-uffiċjali, żieda fix-xogħol minħabba ċirkustanzi jew in-neċessità, għal kull direzzjoni ġenerali, li timpjega persunal li jkollu kwalifiki jew konoxxenzi speċifiċi. Dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi li jippustifikaw kemm it-tul determinat tal-kuntratti tal-membri tal-persunal awżiljarji kif ukoll it-tiġdid tagħhom minħabba li dawn il-bżonnijiet jerġgħu jseħħu.

Bl-istess mod, fid-dawl tal-karatteristiċi intrinsiċi tal-attivitajiet tal-membri tal-persunal bil-kuntratt awżiljarji, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra ma jippreġudikawx il-finalitajiet tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat u d-dispożizzjonijiet minimi tal-klawżola 5(1)(a) tagħha, peress li huma għandhom jiġu interpretati flimkien mal-Artikolu 3 tal-imsemmija dispożizzjoni, moqrija hija stess fid-dawl tal-imsemmi ftehim qafas.

(ara l-punti 64, 65, 69 u 70)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 taʼ Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04, punti 69 u 70

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Adjemian et vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza Adjemian I”), iċċitata iktar ’il quddiem, punt 86

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Adjemian et vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza Adjemian I”), iċċitata iktar ’il quddiem, punti 128, 132 u 133

6.      Il-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, li jidher fl-anness tad- Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, ma jistabbilixxi l-ebda obbligu ġenerali li bih wieħed għandu jipprevedi, wara ċertu numru ta’ tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat jew it-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ xogħol, il-konverżjoni tal-imsemmija kuntratti f’kuntratti għal żmien indeterminat.

Ċertament, l-Artikolu 85(1) u (2) tal-kondizzjonijiet applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra jistabbilixxi, f’dak li jirrigwarda l-membri tal-persunal bil-kuntratt taħt l-Artikolu 3a, il-kundizzjonijiet li bihom suċċessjoni ta’ kuntratti jistgħu jwasslu għal kuntrtatt għal żmien indeterminat. Dan jimxi mal-għan imfittex mill-klawżola 5(2) tal-ftehim qafas. Madankollu, il-fatt li d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt awżiljarji ma jipprevedux il-konverżjoni tal-kuntratti għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat huwa kompatibbli mal-klawżola msemmija hawn fuq, fl-assenza ta’ obbligu ġenerali f’dan is-sens.

(ara l-punti 71 u 72)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Adjemian et vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza Adjemian I”), iċċitata iktar ’il quddiem, punt 134

7.      Fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ kuntratti ta’ reklutaġġ għal żmien determinat, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ ma hijiex marbuta li timmotiva kull deċiżjoni li biha tikkonkludi kuntratt ġdid ta’ reklutaġġ jew li ġġedded il-kuntratt ta’ reklutaġġ preċedenti għal żmien indeterminat, ħlief b’riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kondizzjonijiet applikabbli għall-impjegati l-oħra u, jekk ikun il-każ, għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2004, dwar it-tul massimu tal-persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tal-Kummissjoni.

(ara l-punt 84)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Adjemian: et vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza Adjemian I”), iċċitata iktar ’il quddiem, punt 95