Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2019 – Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea vs Pinxten
(Kawża C-130/19)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Lesauvage, E. von Bardeleben, J. Vermer, aġenti)
Konvenut: Karel Pinxten
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tikkonstata li K. Pinxten ma baqax jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu skont l-Artikoli 285 u 286 TFUE u mir-regoli adottati skont dawn;
konsegwentement, tapplika s-sanzjoni prevista fl-Artikolu 286(6) TFUE, bil-Qorti tal-Awdituri tistrieħ fuq l-għarfien tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tiddetermina l-portata tagħha;
tikkundanna lil K. Pinxten għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Qorti tal-Awdituri tikkontesta lil K. Pinxten li:
l-ewwel nett, abbuża mir-riżorsi tal-Qorti tal-Awdituri sabiex jiffinanzja attivitajiet mhux relatati jew inkompatibbli mad-dmirijiet tiegħu;
it-tieni nett, wettaq użu abbużiv u illegali mill-privileġġi fiskali;
it-tielet nett, wettaq dikjarazzjonijiet foloz ta’ assigurazzjoni b’konnessjoni ma’ allegati inċidenti li jinvolvu l-vettura tas-servizz imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu;
ir-raba’ nett, eżerċita attività ta’ amministrazzjoni ta’ kumpanija kummerċjali u attività politika intensa fi ħdan partit politiku waqt li kien fil-kariga fil-Qorti tal-Awdituri;
il-ħames nett, ħoloq sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess billi offra servizz lill-persuna responsabbli minn entità awditjata.
____________