Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Ġunju 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht - il-Ġermanja) – Unabhängiges Landeszentrum für Datenschutz Schleswig-Holstein vs Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein GmbH

(Kawża C-210/16) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Data personali – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data personali – Ordni intiża għal diżattivazzjoni ta’ paġna tal-fans ta’ Facebook (fan page) li tippermetti l-ġabra u l-ipproċessar tad-data ta’ min jaċċessa din il-paġna – Artikolu 2(d) – Kontrollur tal-ipproċessar ta’ data personali – Artikolu 4 – Dritt nazzjonali applikabbli – Artikolu 28 – Awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni – Setgħat ta’ intervent ta’ dawn l-awtoritajiet)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Unabhängiges Landeszentrum für Datenschutz Schleswig-Holstein

Konvenuta: Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein GmbH

fil-preżenza ta’: Facebook Ireland Ltd, Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht

Dispożittiv

L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi l-amministratur ta’ paġna tal-fans ospitata fuq netwerk soċjali.

L-Artikoli 4 u 28 tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta impriża stabbilita barra mill-Unjoni Ewropea jkollha diversi stabbilimenti fi Stati Membri differenti, l-awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru hija awtorizzata li teżerċita s-setgħat fdati lilha mill-Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva fir-rigward ta’ stabbiliment ta’ din l-impriża li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, minkejja li, skont it-tqassim tal-missjonijiet fi ħdan il-grupp, minn naħa, dak l-istabbiliment biss huwa responsabbli għall-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar u ta’ miżuri oħra ta’ marketing fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u, min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà esklużiva għall-ġabra u għall-ipproċessar tad-data personali, fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, hija ta’ stabbiliment li jinsab fi Stat Membru ieħor.

L-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 28(3) u (6) tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru jkollha l-ħsieb li teżerċita fir-rigward ta’ organu stabbilit fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru s-setgħat ta’ intervent imsemmija fl-Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva minħabba l-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, imwettqa minn terz li huwa l-kontrollur tal-ipproċessar ta’ din id-data u li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor, din l-awtorità ta’ superviżjoni hija kompetenti sabiex tevalwa, b’mod awtonomu fil-konfront tal-awtorità ta’ superviżjoni ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, il-legalità ta’ tali pproċessar u tista’ teżerċita s-setgħat tagħha ta’ intervent fir-rigward tal-organu stabbilit fit-territorju tagħha mingħajr ma titlob minn qabel lill-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat Membru l-ieħor sabiex tintervjeni.

____________

1     ĠU C 260, 18.7.2016.