Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ottubru 2007 - Balieu-Steinmetz u Noworyta vs Il-Parlament

(Kawża F-115/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Marie-Thérèse Balieu-Steinmetz (Sanem, il-Lussemburgu) u Lidia Noworyta (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u E. Marchal, avukati)

Konvenuta: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara illegali l-ewwel Artikolu tar-regoli interni adottati mill-Awtorità Investita bis-Setgħa tal-Ħatra (AIPN) relattiv għal allowance fissa għas-sahra msemmija fl-Artikolu 3 ta' l-Anness VI tar-Regolamenti tal-Persunal, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Mejju, inkwantu dan l-Artikolu jimponi kundizzjoni ta' regolarità tas-saħra.

tannulla d-deċiżjoni espliċita ta' l-AIPN tat-18 ta' Diċembru 2006 li tiċħad it-talba tas-Sinjura Norworyta tas-6 ta' Lulju 2006, kif ukoll id-deċiżjoni tat-13 ta' Novembru 2006 li impliċitament tiċħad it-talba tas-Sinjura Balieu-Steinmetz tat-13 ta' Lulju 2006;

tikkundanna l-konvenut ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn ta' l-azzjoni tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw, l-ewwel nett, il-ksur tad-drittijiet fondamentali, tal-prinċipji ġenerali u tal-Karta Soċjali Ewropea, li jipprovdu li kull ħaddiem għandu jkun suġġett għal kundizzjonijiet ta' xogħol ġusti, b'mod partikolari f'termini ta' sigħat ta' xogħol u ta' kumpens jew remunerazzjoni għas-sigħat ta' sahra maħduma jew minħabba l-karatteristiċi partikolari ta' l-organizzazzjoni tas-sigħat ta' xogħol tiegħu.

B'mod aktar partikolari, huma jsostnu li, kuntrarjament għall-Artikoli 56a u 56b tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 3 ta' l-Anness VI tar-Regolamenti tal-Persunal ma jissuġġettax il-possibbiltà li tingħata allowance fissa għas-sigħat ta' sahra maħduma taħt kundizzjonijiet speċjali ta' xogħol għall-kundizzjoni li dawn is-sigħat jinħadmu fuq bażi regolari. Skond ir-rikorrenti, l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball ta' dritt meta żiedet din il-kundizzjoni fir-regoli interni dwar il-kumpens tas-sigħat ta' sahra.

L-Awtorità tal-Ħatra wettqet ukoll żball ta' dritt manifest meta indikat li l-uffiċjali impjegati mill-1 ta' Mejju 2004 ma jistgħux jibbenefikaw minn din l-allowance filwaqt li din il-possibbiltà hija espressament stipulata fl-Artikolu 1 ta' dawn ir-regoli interni.

Barra minn dan, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni li ma jingħatalhom l-ebda kumpens jew remunerazzjoni għal dawn il-kundizzjonijiet speċjali tax-xogħol tikser l-Artikoli 56a u 56b tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-prinċipju ta' trattament ugwali.

Fl-aħħar nett, skond ir-rikorrenti, il-pożizzjoni tal-Parlament mhijiex koerenti peress li d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Presidenza kien iddikjara li l-ebda persuna li taħdem fiċ-ċentrali telefonika ma taħdem sigħat ta' sahra fuq bażi regolari filwaqt li l-AIPN kienet ikkonkludiet, min-naħa tagħha, li kien qed isir studju sabiex jiġu eżaminati l-possibiltajiet ta' armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-servizz ikkonċernat preċiżament minħabba l-ħinijiet atipiċi tax-xogħol, li ma kinux jaqgħu fil-ħinijiet ġenerali/normali tax-xogħol.

____________