Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Svea Hovrätt — Patent- och marknadsöverdomstolen (l-Isvezja) fis-27 ta’ Awwissu 2019 – BY vs CX

(Kawża C-637/19)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Svea Hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BY

Konvenut: CX

Domandi preliminari

Il-kelma “pubbliku” li tinsab fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni 1 , għandha tifsira uniformi?

F’każ li l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, qorti tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pubbliku” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?

F’każ li l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva:

f’każ ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol protett lil qorti, din tal-aħħar tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pubbliku”?

f’każ ta’ distribuzzjoni ta’ xogħol protett lil qorti, din tal-aħħar tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pubbliku”?

Il-fatt li d-dritt nazzjonali jipprevedi prinċipju ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti pubbliċi li skontu kull min iressaq talba jista’ jingħata aċċess għall-atti tal-proċedura trażmessi lil qorti, dment li dawn ma jkunux suġġetti għas-sigriet tal-kunfidenzjalità, jinċidi fuq l-evalwazzjoni dwar jekk it-trażmissjoni lil qorti ta’ xogħol protett tikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku” jew “distribuzzjoni lill-pubbliku”?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.