Language of document : ECLI:EU:F:2013:49

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

24 ta’ April 2013

Kawża F‑56/11

Giorgio Lebedef

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Proċedura dixxiplinari – Sanzjoni dixxiplinari – Tniżżil fil-grad”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 10a, li permezz tiegħu G. Lebedef jitlob l-annullament tad-deċiżjoni dixxiplinari tas-6 ta’ Lulju 2010, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea imponietlu s-sanzjoni ta’ tniżżil b’żewġ gradi fl-istess grupp ta’ funzjonijiet.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. G. Lebedef għandu jbati, barra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Termini – Dekadenza – Inammissibbiltà ta’ motiv kontra deċiżjoni dixxiplinari li saret definittiva fil-kuntest ta’ rikors kontra t-tieni deċiżjoni dixxiplinari – Ċaħda – Effett tax-xebh tal-motivi taż-żewġ deċiżjonijiet – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 86(1), 90 u 91; Anness IX, Artikoli 9(3) u 22))

2.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Sanzjoni – Kunċett – Rapport ta’ evalwazzjoni tal-karriera – Esklużjoni – Telf ta’ punti ta’ promozzjoni u bblukkar tal-karriera fi grad – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43; Anness IX, Artikolu 9)

3.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Sanzjoni – Ċirkustanzi aggravanti – Grad ta’ intenzjonalità fin-nuqqas imwettaq – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 10(ċ))

1.      Uffiċjal ma għandux ikun intitolat jikkontesta, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra sanzjoni dixxiplinari, il-legalità ta’ deċiżjoni dixxiplinari oħra meħuda preċedentement u li għaliha jkun għadda t-terminu għall-preżentata tar-rikors. Fil-fatt, jekk att li jikkawża preġudizzju ma ġiex ikkontestat fit-terminu previst għal dan il-għan, ma huwiex ammissibbli li l-persuna kkonċernata tista’ tevita dan it-terminu billi tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra att li jikkawża preġudizzju ulterjuri, motiv ibbażat fuq l-att li jikkawża preġudizzju preċedenti u bbażat fuq sempliċi riferiment fl-att li jikkawża preġudizzju ulterjuri għall-att li jikkawża preġudizzju preċedenti.

F’dan ir-rigward, minn qari flimkien tal-Artikolu 86(1) u tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-Artikolu 9(3), u tal-Artikolu 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li kull proċedura dixxiplinari tirriżulta f’att awtonomu li jipproduċi effetti legali ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-uffiċjal billi jbidlulu kunsiderevolment is-sitwazzjoni legali tiegħu u li kontra tagħhom jistgħu jiġu eżerċitati r-rikorsi previsti fir-Regolamenti tal-Persunal. Il-fatt li sanzjoni ġiet imposta għall-istess raġuni bħal sanzjoni preċedenti ma jbiddilx in-natura awtonoma tal-atti inkwistjoni.

Barra minn hekk, il-fatt li uffiċjal, li jkun ħalla jgħaddi t-termini perentorji previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma jikkontesta, permezz tar-rimedju previst f’dawn l-artikoli, miżura dixxiplinari meħuda fil-konfront tiegħu, jitħalla jikkontestaha b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra sanzjoni dixxiplinari ulterjuri, ikun inkonċiljabbli mal-prinċipji li jirregolaw ir-rimedji stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal u jippreġudika l-istabbiltà ta’ din is-sistema u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li fuqu hija bbażata.

(ara l-punti 34 sa 36)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Novembru 2001, Van Huffel vs Il‑Kummissjoni, T‑142/00, punt 35

2.      Rapport tal-iżvilupp tal-karriera ma jikkostitwixxix sanzjoni skont l-Artikolu 9 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda evalwazzjoni tal-kompetenza, tal-effiċjenza u tal-kondotta fis-servizz tal-uffiċjali taħt l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ uffiċjal li fuqu tkun ġiet imposta sanzjoni ta’ tniżżil fil-grad fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinari, it-telf ta’ promozzjoni għal grad ogħla u ta’ punti ta’ promozzjoni, kif ukoll l-ibblukkar fi grad jikkostitwixxu effetti inerenti għal din is-sanzjoni.

(ara l-punti 77 u 78)

3.      In-nuqqas li jikkonsisti fil-fatt li l-imġieba ma nbidlitx wara deċiżjoni dixxiplinari li imponiet sanzjoni fuq l-uffiċjal, tikkostitwixxi tabilħaqq nuqqas imwettaq bi grad ta’ intenzjonalità u insubordinazzjoni serja min-naħa tal-uffiċjali ikkonċernat.

(ara l-punti 86 u 118)