Language of document : ECLI:EU:C:2018:8

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Jannar 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru – Theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà nazzjonali – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 6(2) – Deċiżjoni ta’ ritorn – Projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri – Twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul fiż-żona Schengen –– Ċittadin detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor – Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 25(2) – Proċedura ta’ konsultazzjoni bejn l-Istat Membru li twettaq twissija u l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza – Terminu – Assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni tal-Istat kontraenti kkonsultat – Konsegwenzi fuq l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn u ta’ projbizzjoni ta’ dħul”

Fil-Kawża C‑240/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

E

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits (Relatur), A. Borg Barthet, M. Berger, u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Novembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal E, minn J. Dunder, asianajaja,

–        għall-Maahanmuuttovirasto, minn P. Lindroos, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u C. Van Lul, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u D. Klebs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga kif ukoll minn G. Wils u I. Koskinen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn E. Bichet, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Id-domanda għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom iffirmat fid-19 ta’ Ġunju 1990 f’Schengen u li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995 (ĠU 2000, L 239, p. 19, iktar ’il quddiem iċ-“CISA”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn E, ċittadin Niġerjan, u l- Maahanmuuttovirasto (l-Uffiċċju Nazzjonali Finlandiż tal-Immigrazzjoni, iktar ’il quddiem, l-“Uffiċċju”), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar, tal-21 ta’ Jannar 2015 li jibgħat lil E fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li jipprojbixxi d-dħul tiegħu fiż-żona Schengen.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Iċ-ĊISA

3        L-Artikolu 21 taċ-ĊISA, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2010 li jemenda l-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-moviment tal-persuni li jkollhom viża għal soġġorn fit-tul (ĠU 2010, L 85, p. 1), kif ukoll bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri Schengen), il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 u Nru 539/2001, u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 182, p. 1) jipprovdi:

“1.      Persuni aljeni [Persuni barranin] detenturi ta’ permessi ta’ residenza maħruġa minn wieħed mill-Istati Mrmbri jistgħu, abbażi ta’ dak il-permess u ta’ dokument validu ta’ l-ivvjaġġar, jiċċaqalqu liberament sa perijodu massimu ta’ tlett xhur fi ħdan it-territorji tal-Istati Membri l-oħra dment li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (c) u (e) tar-Regolament 562/2006 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) u li m’humiex fuq il-lista nazzjonali ta’ twissijiet tal-Istat Membru kkonċernat.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal aljeni li għandhom permessi ta’ residenza proviżorji maħruġa minn waħda mill-Partijiet Kontraenti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn dik il-Parti Kontraenti.

[…]”

4        Skont l-Artikolu 23 taċ-ĊISA:

“1.      [Barranin] Aljeni li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet għal żjara qasira applikabbli fit-territorju ta’ Parti Kontraenti huma normalment meħtieġa li jitilqu mit-territorji tal-Partijiet Kontraenti immedjatament.

2.      Aljeni li għandhom permessi ta’ residenza validi jew permessi ta’ residenza temporanja maħruġa minn Parti Kontraenti oħra huma meħtieġa li jmorru fit-territorju ta’ dik il-Parti Kontraenti immedjatament.

3.      Meta dawn l-aljeni ma jkunux telqu volontarjament, jew fejn wieħed jista’ jassumi li dawn m’humiex sejrin jagħmlu hekk, jew fejn it-tluq immedjat tagħhom jinħtieġ għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew politika pubblika, huma jridu jitkeċċew mit-territorju tal-Parti Kontraenti fejn jinqabdu, skond il-liġi nazzjonali ta’ dik il-Parti Kontraenti. […]

4.      Dawn l-aljeni jistgħu jitkeċċew mit-territorju ta’ dik il-Parti lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom jew lejn xi Stat ieħor fejn jistgħu jitħallew jidħlu, b’mod partikolari taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-diversi ftehim ta’ dħul mill-ġdid konklużi mill-Partijiet Kontraenti.

[…]”

5        L-Artikolu 25 taċ-ĊISA kif emendat bir-Regolament Nru 265/2010, jipprovdi:

“1.      Meta Stat Membru jikkunsidra joħroġ permess ta’ residenza, huwa għandu jwettaq tiftixa sistematika fis-Sistema tal-Informazzjoni ta’ Schengen. Meta Stat Membru jikkunsidra joħroġ peremess ta’ residenza għal persun aljena [persuna barranija] li fil- konfront tagħha inħarġet twissija bil-għan li jiġi rifjutat id-dħul, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta lill-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija u għandu jieħu kont tal-interessi tiegħu; il-permess ta’ residenza għandu jinħareġ għal raġunijet sostantivi biss, notevolment fuq raġunijet umanitarji jew minħabba impenji internazzjonali.

Meta jinħareġ permess ta’ residenza, l-Istat Membru li joħroġ it-twissija għandu jirtira t-twissija iżda jista’ jpoġġi lill-persuna aljena kkonċernata fuq il-lista nazzjonali ta’ twissijiet.

1a.      Qabel ma joħorġu twissija bil-ħsieb li jiġi rifjutat id-dħul fis-sens tal-Artikolu 96, l-Istati Membri għandhom jiċċekkjaw ir-records nazzjonali tagħhom ta’ viżi għal soġġorn fit-tul jew permessi ta’ residenza maħruġa.

2.      Meta jirriżulta li nħarġet twissija bil-għan li aljen li għandu permess ta’ residenza valida ma jitħalliex jidħol minn waħda mill-Partijiet Kontraenti, il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tikkonsulta lill-Parti li tkun ħarġet il-permess ta’ residenza sabiex tistabbilixxi jekk hemmx biżżejjed raġunijiet għall-irtirar tal-permess ta’ residenza.

Jekk il-permess ta’ residenza ma jkunx irtirat, il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tirtira t-twissija imma tista’ madankollu tpoġġi lill-aljen in kwestjoni fuq il-lista nazzjonali tagħha ta’ twissijiet.

3.       Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll għal viżi għal soġġorn fit-tul.”.

6        L-Artikolu 96 taċ-ĊISA jipprevedi:

“1.      Informazzjoni dwar barranin li fir-rigward tagħhom tkun inħarġet twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul għandha tiddaħħal fuq il-bażi ta’ twissija nazzjonali li tirriżulta minn deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti jew mill-qrati, skond ir-regoli proċedurali stipulati mill-liġi nazzjonali.

2.      Id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali li l-preżenza ta’ barrani f’territorju nazzjonali tista’ tippreżenta.

Din is-sitwazzjoni tista’ tinqala’ b’mod partikolari fil-każ ta’:

a) barrani misjub ħati ta’ reat li jġorr miegħu penali [piena] li tinvolvi teħid tal-libertà għal mill-inqas sena;

[…]”

 Id-Direttiva 2008/115/KE

7        Il-premessa 14 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), tipprevedi:

“L-effetti ta’ miżuri nazzjonali dwar ir-ritorn għandhom jingħataw dimensjoni Ewropea billi tiġi stabbilita projbizzjoni fuq id-dħul li jimpedixxi d-dħul u s-soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri […]”

8        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 huwa redatt kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)      ‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ‑ kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat ‑ għal:

–        il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

–        pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riammissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

–        pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

4)      ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

5) ‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

6) ‘projbizzjoni fuq id-dħul’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]

8)      ‘tluq volontarju’ tfisser konformità ma’ l-obbligu ta’ ritorn fi żmien l-iskadenza ffissata għal dak l-iskop fid-deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]”

9        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, dwar deċiżjonijiet ta’ terminazzjoni ta’ soġġorn illegali, jiddikjara:

“1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.

[…]”

10      L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4.”

11      Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perjodu għal tluq volontarju skont l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perjodu għat-tluq volontarju mogħti skont l-Artikolu 7.

2. Jekk l-Istat Membru jkun ta perjodu għal tluq volontarju skont l-Artikolu 7, id-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tiġi nfurzata biss wara li l-perjodu jkun intemm, sakemm ma jirriżultax riskju matul dan il-perjodu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(4).

3. L-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju separat li jordna t-tneħħija.

[…]”

12      L-Artikolu 11(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

(a) jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarjujew,

(b) jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.(a) jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.”

13      L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/115 jirregola r-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u dawk taċ-CISA. F’dan ir-rigward, huwa ppreċiżat li tal-ewwel jissostitwixxu b’mod partikolari d-dispożizzjoniet tal-Artikolu 23 tat-tieni.

 Regolament (KE) Nru 1987/2006

14      Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU 2006 L 381, p. 4):

“1.      Id-data dwar ċittadini ta’ pajjiż terz li għalihom inħareġ allert [twissija] għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul jew soġġorn għandha tiddaħħal abbażi ta’ allert [twissija] nazzjonali li jirriżulta minn deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi jew mill-qrati skont ir-regoli ta’ proċedura stabbiliti mil-liġi nazzjonali. Din id-deċiżjoni tista’ tittieħed biss abbażi ta’ valutazzjoni individwali. Appelli kontra dawn id-deċiżjonijiet għandhom isiru skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

2.      Allert [twissija] għandu jiddaħal meta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun ibbażata fuq theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali li tista’ tiġi mill-preżenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz in kwistjoni fit-territorju ta’ Stat Membru. Din is-sitwazzjoni tista’ tinqala’ b’mod partikolari fil-każ ta’:

a) ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie kkundannat fi Stat Membru għal reat b’piena li tinvolvi t-tneħħija tal-libertà għal perijodu ta’ mill-inqas sena;

[…]

3.      Allert [twissija] jista’ jiddaħħal ukoll meta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 kienet ibbażata fuq il-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kien soġġett għal miżura li tinvolvi tkeċċija, rifjut għal dħul jew tneħħija li ma ġietx revokata jew sospiża, li tinkludi jew hija akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul jew, fejn applikabbli, projbizzjoni ta’ residenza, abbażi ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti nazzjonali dwar id-dħul jew ir-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz.

[…]”

 Id-dritt tal-Finlandja

15      L-ulkomaalaislaki (il-Liġi dwar il-Barranin, il-Finlandja) tispeċifika fil-punt 5 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tagħha li sabiex jiġi ammess fit-territorju Finlandiż, barrani ma għandux ikun ikkunsidrat bħala perikolu għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà u għas-saħħa pubblika jew għar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Finlandja.

16      Skont l-Artikolu 149b ta’ din il-liġi, ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza illegali fit-territorju jew fejn it-talba għal permess ta’ residenza tkun ġiet miċħuda u li jkun id-detentur ta’ permess ta’ residenza validu jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li tagħti d-dritt ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea huwa obbligat li jmur immedjatament fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. Fil-każ ta’ non-konformità ma’ dan l-obbligu miċ-ċittadin ikkonċernat jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, għandha tingħata deċiżjoni dwar it-tkeċċija tiegħu.

17      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 150 tal-Liġi dwar il-Barranin iżid li d-deċiżjoni dwar it-tkeċċija ta’ barrani tista’ tinvolvi wkoll projbizzjoni ta’ dħul. Tali projbizzjoni tittieħed jekk ma jingħata ebda terminu għat-tluq volontarju, li jkun il-każ meta l-persuna kkonċernata titqies li hija perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

18      Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 150 ta’ din il-liġi jippreċiża li barrani li jiġi kkundannat għal piena talli jkun wettaq ksur ta’ natura serja jista’ jkun suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul sa meta tingħata ordni ġdida meta huwa jirrappreżenta theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

19      Mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 150 tal-Liġi dwar il-Barranin jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ dħul tittieħed għat-territorju nazzjonali meta l-barrani jkun detentur, fi Stat ieħor Schengen, ta’ permess ta’ residenza li ma jkunx ġie rtirat.

20      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni tat-tkeċċija tal-barrani, kif ukoll dik tal-adozzjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u tat-terminu tiegħu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 146 tal-liġi dwar il-barranin jimponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni fl-intier tagħhom, għall-inqas, it-terminu u l-għan tar-residenza tal-barrani fil-pajjiż, kif ukoll in-natura tal-permess ta’ residenza mogħti lill-barrani, ir-rabtiet tiegħu mal-Finlandja kif ukoll l-eżistenza ta’ relazzjonijiet familjari, kulturali jew soċjali mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Jekk it-tkeċċija, jew il-projbizzjoni fuq id-dħul li tiġi inkluża, tkun motivata minn attività kriminali tal-barrani, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur kif ukoll id-diżordni, il-ħsara jew il-perikolu li jkun irriżulta għas-sigurtà pubblika jew għall-individwi.

21      Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u tat-terminu tagħha, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 146 tal-Liġi dwar il-Barranin jeżiġi li tittieħed inkunsiderazzjoni l-preżervazzjoni tar-rabtiet familjari jew professjonali tal-barrani mal-Finlandja jew ma’ Stat ieħor taż-żona Schengen, rabtiet li l-preżervazzjoni tagħhom issir eċċessivament diffiċili minħabba l-projbizzjoni ta’ dħul.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      E huwa d-detentur ta’ permess ta’ residenza maħruġ mill-Istat Spanjol u validu sal-11 ta’ Frar 2018. Huwa għex erbatax-il sena fi Spanja, fejn għandu rabtiet familjari.

23      E ġie kkundannat fil-Finlandja, permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Jannar 2014, li saret res judicata, għal piena ta’ ħames snin priġunerija għal diversi reati kontra l-leġiżlazzjoni fuq id-drogi.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2015, l-Uffiċċju ordna r-ritorn tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, mingħajr dewmien, lejn in-Niġerja u żied ma’ din id-deċiżjoni projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen sa ma jiġi deċiż mod ieħor.

25      L-Uffiċċju mmotiva d-deċiżjoni tiegħu billi bbażaha fuq il-perikolu għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà nazzjonali li jirrappreżenta E fir-rigward tal-ksur li huwa kien wettaq.

26      Konformement mal-Artikolu 25(2) taċ-CISA, l-Uffiċċju, fis-26 ta’ Jannar 2015, ikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti Spanjoli sabiex jiddetermina jekk tali raġunijiet kinux suffiċjenti sabiex jiġi rtirat il-permess ta’ residenza li l-Istat Spanjol kien ta lir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

27      Fl-assenza ta’ tweġiba min-naħa tal-imsemmija awtoritajiet, l-Uffiċċju, fl-20 ta’ Ġunju 2016, ġedded it-talba tiegħu. Fuq talba tal-istess awtoritajiet, l-Uffiċċju ttrażmettilhom is-sentenza kriminali li kkundannat lil E. Sussegwentement, żewġ talbiet oħra tal-Uffiċċju baqgħu bla risposta.

28      Ikkonfrontata bil-kwistjoni tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ ritorn tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u l-projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq l-effetti tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 25(2) taċ-CISA.

29      Minn naħa, ma jirriżultax bi preċiżjoni minn din id-dispożizzjoni sa fejn din il-proċedura hija vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet tal-Istat Membru li jadotta d-deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul. Min-naħa l-oħra, l-aġir li għandhom jadottaw dawn l-awtoritajiet, fil-każ ta’ inerzja tal-awtoritajiet destinatarji tat-talba għal konsultazzjoni, ma hijiex speċifikata.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-obbligu ta’ konsultazzjoni bejn l-Istati kontraenti previst fl-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen għandu effett ġuridiku li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jinvoka fil-każ fejn Stat kontraenti jimponi kontrih projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju kollu taż-żona Schengen u deċiżjoni ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu minħabba li huwa jirrappreżenta perikolu għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika?

2)      Jekk l-Artikolu 25(2) tal-konvenzjoni diġà ċċitata huwa applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, għandhom jinbdew il-konsultazzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, jew dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jitwettqu biss wara t-teħid tad-deċiżjoni ta’ ritorn u dik tal-projbizzjoni ta’ dħul?

3)      Jekk dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jitwettqu biss wara t-teħid tad-deċiżjoni ta’ ritorn u dik tal-projbizzjoni ta’ dħul, il-fatt li l-konsultazzjonijiet huma għaddejjin bejn l-Istati kontraenti u li l-Istat kontraenti l-ieħor ma ddikjarax jekk kellux l-intenzjoni jirtira l-permess ta’ residenza tal-ċittadin tal-pajjiż terz jostakola r-ritorn taċ-ċittadin tal-pajjiż terz fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju kollu taż-żona Schengen?

4)      Kif għandu jipproċedi Stat kontraenti fil-każ li l-Istat kontraenti li jkun ħareġ permess ta’ residenza, minkejja talbiet repetuti, ma ħax pożizzjoni dwar l-irtirar ta’ permess ta’ residenza li huwa ħareġ liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’risposta għal talba għal kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ċċarat, fit-2 ta’ Ġunju 2017, li s-sentenza ta’ priġunerija imposta fuq E kienet ġiet mibdula għal sentenza sospiża mill-24 ta’ Jannar 2016 u li din tal-aħħar ma kinitx ġiet suġġetta għal kwalunkwe ċaħda tal-libertà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ħames Awla ddeċidiet, fit-8 ta’ Ġunju 2017, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li ma tilqax it-talba ta’ din il-qorti.

32      Madankollu, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2017, ta trattament prijoritarju lil din il-kawża skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

33      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(2) taċ-CISA għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat kontraenti jkollu l-ħsieb li jipproċedi bit-tkeċċija kif ukoll bil-projbizzjoni ta’ dħul u r-residenza fiż-żona Schengen ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat kontraenti ieħor, il-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għandha tinbeda mill-ewwel Stat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul kontra dan iċ-ċittadin, jew tista’ tinbeda wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

34      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25(2) taċ-CISA, huwa biss meta ssir twissija fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu permess ta’ residenza bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen li l-Istat kontraenti li qed iwissi għandu jikkonsulta lill-Istat kontraenti li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza.

35      Bl-istess mod, l-Artikolu 25(2) taċ-CISA, jispeċifika, fit-tieni paragrafu tiegħu, li l-ewwel Stat għandu jipproċedi bl-irtirar tat-twissiija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul meta l-permess ta’ residenza ma jkunx ġie rtirat.

36      Minn dan isegwi li l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 25(2) għandha, bħala prinċipju, tinbeda biss wara li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun is-suġġett ta’ twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u, għaldaqstant, ġaladarba li d-deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul tkun ġiet adottata fil-konfront tiegħu.

37      Madankollu, u sabiex tingħata risposta sħiħa lill-qorti tar-rinviju, għandu jintqal ukoll li l-Artikolu 25(2) taċ-CISA ma jipprojbixxix l-Istat kontraenti li jixtieq ikeċċi kif ukoll jipprojbixxi d-dħul fiż-żona Schengen ta’ tali ċittadin ta’ pajjiż terz milli jibda l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni qabel l-istess adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul li tikkonċernah.

38      Fil-fatt, fid-dawl, minn naħa, tal-għan imfittex mill-Artikolu 25(2) taċ-CISA, li huwa li jevita sitwazzjoni kontradittorja li fiha ċittadin ta’ pajjiż terz ikun fl-istess ħin detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru kontraenti filwaqt li ssir twissija fuqu bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif iddikjarat fl-Artikolu 4(3) TUE, huwa mixtieq li din il-proċedura ta’ konsultazzjoni tinbeda kemm jista’ jkun malajr.

39      Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula li l-Artikolu 25(2) taċ-CISA għandu jiġi interpretat fis-sens li, għalkemm huwa possibbli, għal Stat kontraenti li beħsiebu jadotta deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fiż-żona Schengen kontra ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat kontraenti ieħor, li jibda l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni qabel l-istess adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, din il-proċedura għandha, fi kwalunkwe każ, tinbeda meta tali deċiżjoni tkun ġiet adottata.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

40      Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, x’inhuma l-konklużjonijiet li l-Istat kontraenti li jkun beda l-proċedura ta’ konsultazzjoni skont l-Artikolu 25(2) taċ-CISA għandu jasal għalihom min-nuqqas ta’ tweġiba tal-Istat kontraenti kkonsultat, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u l-projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen adottata kontra ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn dan l-Istat.

41      Preliminarjament, għandu jitfakkar li ċ-CISA kienet tistabbilixxi, qabel ma ġiet emendata bir-Regolament Nru 562/2006, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom jissodisfaw għad-dħul u għar-residenza ta’ inqas minn tliet xhur fi ħdan iż-żona Schengen. Min-naħa l-oħra, il-permessi ta’ residenza ta’ perijodu iktar minn 90 jum jaqgħu, fil-parti l-kbira tagħhom, taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, bla ħsara għall-kundizzjonijiet ta’ dħul previsti miċ-CISA. Barra minn hekk, il-ħruġ minn Stat kontraenti ta’ tali permess ta’ residenza jagħti, konformement mal-Artikolu 21 taċ-CISA, id-dritt lid-detentur tiegħu li jiċċaqlaq liberament sa perijodu massimu ta’ tliet xhur fit-territorju tal-Istati kontraenti l-oħra, sakemm dan jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu.

42      Id-Direttiva 2008/115/KE tistabbilixxi, minn naħa tagħha, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, l-istandards u l-proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri fir-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz minn residenza irregolari. Kif tindika l-premessa 14 ta’ din id-direttiva, din tagħti dimensjoni Ewropea lill-effetti ta’ miżuri nazzjonali dwar ir-ritorn bl-istabbiliment ta’ projbizzjoni fuq id-dħul li jeskludi kull dħul u residenza fit-territorju tal-Istati Membri kollha.

43      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-deċiżjonijiet kollha adottati minn Stat Membru fil-qasam tad-dħul u residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, konformement maċ-CISA, kif ukoll kull deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ projbizzjoni ta’ dħul ta’ tali ċittadin adottati minn tali Stat Membru skont id-Direttiva 2008/115, jipproduċu effetti għall-Istati Membri l-oħra u l-Istati kontraenti l-oħra taċ-CISA.

44      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 23(2) u (4) taċ-CISA jirregola s-sitwazzjoni li fiha ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jinsab f’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat kontraenti, iżda jkun, barra minn hekk, detentur ta’ permess ta’ residenza maħruġ minn Stat kontraenti ieħor. Madankollu, mill-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/115, dwar ir-relazzjoni bejn din id-direttiva u ċ-CISA, jirriżulta li l-imsemmi Artikolu 23 ġie ssostiwit bid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

45      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi, bħal fl-Artikolu 23(2) sa (4) taċ-CISA, l-obbligu għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru li jmur immedjatament fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħariġlu l-permess ta’ residenza u li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu minn dan iċ-ċittadin jew meta t-tluq immedjat ta’ dan tal-aħħar ikun meħtieġ għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali, ikollha tiġi adotatta deċiżjoni ta’ ritorn tal-imsemmi ċittadin.

46      Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tagħha, jirriżulta li, f’sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ pajjiż terz, detentur ta’ permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru, ikun jinsab f’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, hemm lok li jitħalla jitlaq lejn dak l-Istat Membru li jkun ħariġlu permess ta’ residenza minflok li jkollu bilfors jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, sakemm, b’mod partikolari, l-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali ma jeżiġux dan.

47      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li E, detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ mill-Istat Spanjol, jinsab f’residenza irregolari fit-territorju Finlandiż, li deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen ġiet adottata kontrih għar-raġuni li l-awtoritajiet Finlandiżi jikkunsidrawh li jkun theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà nazzjonali, li dawn l-awtoritajiet bdew il-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 25(2) taċ-CISA fis-26 ta’ Jannar 2015, u li, minn dakinhar, l-awtoritajiet Spanjoli għadhom ma indikawx l-intenzjoni tagħhom dwar iż-żamma jew l-irtirar tal-permess ta’ residenza ta’ E.

48      Fir-rigward, minn naħa, tal-possibbiltà għall-awtoritajiet Finlandiżi li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul kontra E f’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li dawn l-awtoritajiet kienu marbuta li jadottaw tali deċiżjoni ta’ ritorn u, bis-saħħa tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, jinkludu magħha projbizzjoni ta’ dħul, sakemm l-ordni pubbliku u s-sigurtà nazzjonali jirrenduh neċessarju, ħaġa li madankollu hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifikaha fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punti 50 sa 52, kif ukoll 54).

49      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li Stat Membru huwa obbligat li jevalwa l-kunċett ta’ “riskju għall-ordni pubbliku”, fis-sens tad-Direttiva 2008/115, każ b’każ, sabiex jivverifika jekk il-kondotta personali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat tkunx perikolu reali u attwali għall-ordni pubbliku, waqt li jżomm f’moħħu li s-sempliċi ċirkustanza li l-imsemmi ċittadin kien is-suġġett ta’ kundanna kriminali ma hijiex biżżejjed fiha nnifsha sabiex tiġġustifika tali perikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punti 50 u 54).

50      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-possibbiltà għall-imsemmija awtoritajiet li jeżegwixxu tali deċiżjoni fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għandu jiġi kkunsidrat, konformement mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115, li l-awtoritajiet Finlandiżi huma ġġustifikati li jipproċedu, mingħajr dewmien, bit-tkeċċija ta’ E, u dan bla ħsara għall-possibbiltà ta’ dan tal-aħħar li jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw mill-permess ta’ residenza li jkun inħariġlu mill-awtoritajiet Spanjoli meta sussegwentement jirritorna fi Spanja. Iċ-ċirkustanza li l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 25(2), taċ-CISA għadha pendenti ma tikkontestax din l-interpretazzjoni.

51      L-Artikolu 25(2) taċ-CISA lanqas ma jipprekludi li t-twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen titwettaq filwaqt li l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tkun għadha pendenti, kif jirriżulta fil-punt 39 ta’ din is-sentenza. Madankollu, it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi li t-twissija għandha tiġi rtirata “jekk il-permess ta’ residenza ma huwiex irtirat”.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 25(2) taċ-CISA huwa intiż li jipprevjeni, permezz tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fih, sitwazzjonijiet fejn jikkoeżistu, fir-rigward tal-istess ċittadin ta’ pajjiż terz, twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul imwettqa minn Stat kontraenti, u permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor kontraenti.

53      Għalhekk, l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonsultat huma obbligati, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ddikjarat fl-Artikolu 4(3) TUE, li jieħdu pożizzjoni dwar iż-żamma jew l-irtirar tal-permess ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, u dan f’ terminu raġonevoli, adattat skont il-każ, ta’ natura li jagħtihom iż-żmien neċessarju sabiex jiġbru l-informazzjoni rilevanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 97).

54      Issa, f’dan il-każ, huwa manifest li tali terminu ma ġiex osservat mill-awtoritajiet Spanjoli. Madankollu, wara dak it-terminu, sakemm il-permess ta’ residenza inkwistjoni jibqa’ validu u ma jkunx ġie rtirat formalment minn dawn l-awtoritajiet, u sabiex tiġi evitata l-kontinwazzjoni ta’ sitwazzjoni kontradittorja, kif imsemmi fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, bl-inċertezza legali li timplika, għaċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat, sitwazzjoni bħal din, huma l-awtoritajiet Finlandiżi li għandhom jipproċedu bl-irtirar tat-twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul u, jekk ikun il-każ, jirreġistraw iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fil-lista ta’ twissija nazzjonali tagħhom.

55      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandha tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domanda li l-Artikolu 25(2) taċ-CISA għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jostakolax li deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul adottata minin Stat kontraenti kontra ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat kontraenti ieħor, tiġi eżegwita minkejja li l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tkun għadha pendenti, meta l-imsemmi ċittadin ikun jista’ validament jitqies mill-Istat kontraenti li jagħmel it-twissija li jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali, bla ħsara għall-possibbiltà għal dan tal-aħħar li jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw mill-permess ta’ residenza meta jerġa’ jirritorna fit-territorju tat-tieni Stat kontraenti. Madankollu, wara terminu raġonevoli li jsegwi l-bidu tal-proċedura ta’ konsultazzjoni u fin-nuqqas ta’ tweġiba mingħand l-Istat kontraenti kkonsultat, huwa l-Istat kontraenti li jwissi li għandu jipproċedi bl-irtirar tat-twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul u, jekk ikun il-każ, li jirreġistra ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fil-lista tat-twissija nazzjonali tiegħu.

 Fuq l-ewwel domanda

56      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(2) taċ-CISA għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat kontraenti, u li kontrih tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul fi Stat kontraenti ieħor, jistax jiinvoka quddiem il-qorti nazzjonali l-effetti legali li jirriżultaw mill-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista f’ din id-dispożizzjoni.

57      F’dan ir-rigward, għalkemm din id-dispożizzjoni tirregola l-proċedura bejn l-awtoritajiet tal-Istati kontraenti, jibqa’ l-fatt li jista’ jkollha effetti konkreti fuq id-drittijiet u l-interessi tal-individwi.

58      Fil-fatt, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod ċar, preċiż u inkundizzjonat proċedura ta’ konsultazzjoni li għandha ssir minn Stat kontraenti li jkun jixtieq jipprojbixxi d-dħul fiż-żona Schengen ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat kontraenti ieħor. Barra minn hekk, peress li t-tieni Stat iqis li għandu jinżamm il-permess ta’ residenza li huwa kien ħareġ, jirriżulta obbligu pjuttost ċar, preċiż u inkundizzjonat għall-ewwel Stat li jirtira t-twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul u li jittrasformaha, skont il-każ, fi twissija fuq il-lista nazzjonali.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li individwu bħal ma huwa E huwa ġġustifikat li jinvoka quddiem il-qorti nazzjonali l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 25(2) taċ-CISA, b’mod partikolari, l-obbligi għall-imsemmi Stat li jwissi, li jibda din il-proċedura u, skont ir-riżultat ta’ din tal-aħħar, li jipproċedi għall-irtirar tat-twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul fiż-żona Schengen.

60      Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 25(2) taċ-CISA għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat kontraenti, u li kontrih tkun ġiet adottata, fi Stat kontraenti ieħor, deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul, jista’ jinvoka quddiem il-qorti nazzjonali l-effetti legali li jirriżultaw mill-proċedura ta’ konsultazzjoni li taqa’ fuq il-parti kontraenti li twissi, kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat fid-19 ta’ Ġunju 1990 f’Schengen u li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għalkemm huwa possibbli, għal Stat kontraenti li beħsiebu jadotta deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fiż-żona Schengen kontra ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat kontraenti ieħor, li jibda l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni qabel l-istess adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, din il-proċedura għandha, fi kwalunkwe każ, tinbeda meta tali deċiżjoni tkun ġiet adottata..

2)      L-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jostakolax li deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul adottata minin Stat kontraenti kontra ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat kontraenti ieħor, tiġi eżegwita minkejja li l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tkun għadha pendenti, meta l-imsemmi ċittadin ikun jista’ validament jitqies mill-Istat kontraenti li jagħmel it-twissija li jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali, bla ħsara għall-possibbiltà għal dan tal-aħħar li jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw mill-permess ta’ residenza meta jerġa’ jirritorna fit-territorju tat-tieni Stat kontraenti. Madankollu, wara terminu raġonevoli li jsegwi l-bidu tal-proċedura ta’ konsultazzjoni u fin-nuqqas ta’ tweġiba mingħand l-Istat kontraenti kkonsultat, huwa l-Istat kontraenti li jwissi li għandu jipproċedi bl-irtirar tat-twissija bil-għan li jiġi rrifjutat id-dħul u, jekk ikun il-każ, li jirreġistra ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fil-lista tat-twissija nazzjonali tiegħu..

3)      L-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat kontraenti, u li kontrih tkun ġiet adottata, fi Stat kontraenti ieħor, deċiżjoni ta’ ritorn li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul, jista’ jinvoka quddiem il-qorti nazzjonali l-effetti legali li jirriżultaw mill-proċedura ta’ konsultazzjoni li taqa’ fuq il-parti kontraenti li twissi, kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.