Language of document : ECLI:EU:C:2009:498

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Settembru 2009 (*)

“Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ CD għall-irrekordjar li joriġinaw mill-Indja – Regolament (KE) Nru 960/2003 – Kalkolu tal-ammont tas-sussidju suġġett għal miżuri ta’ kumpens – Determinazzjoni tad-dannu – Artikolu 8(7) tar-Regolament (KE) Nru 2026/97”

Fil-Kawża C‑535/06 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2006,

Moser Baer India Ltd, stabbilita f’New Delhi (l-Indja), irrappreżentata minn K. Adamantopoulos, dikigoros, u R. MacLean, solicitor,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.‑P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat,

konvenut fl-ewwel istanza,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Vliet u T. Scharf, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Committee of European CD‑R and DVD+/-R Manufacturers (CECMA), li kienet Committee of European CD-R Manufacturers (CECMA), stabbilita f’Kolonja (il-Ġermanja),

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u G. Arestis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Ottubru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Moser Baer India Ltd titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-4 ta’ Ottubru 2006, Moser Baer India vs Il‑Kunsill (T‑300/03, Ġabra p. II‑3911, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 960/2003, tat-2 ta’ Ġunju 2003, li jimponi taxxi kumpensatorji definittivi fuq importazzjonijiet ta’ compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati li joriġinaw mill-Indja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 46, p. 250, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”), sa fejn dan japplika għall-appellanti.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97, tas-6 ta’ Ottubru 1997, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 78, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”), jirregola l-proċeduri kontra s-sussidji.

3        L-Artikolu 5 tar-regolament bażiku jiddisponi:

“Kalkolu ta’ l-ammont ta’ sussidju [suġġett għal miżuri] ta’ kumpens

L-ammont ta’ sussidji [suġġetti għal miżuri] ta’ kumpens, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kalkulati fit-termini tal-benefiċċji mogħtija lill-benefiċjarju, li jinstabu li jkunu jeżistu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni dwar is-sussidjar. […]”

4        L-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament bażiku, li fih dispożizzjonijiet ġenerali li jikkonċernaw il-kalkolu msemmi, jipprovdi:

“Meta s-sussidju jkun jista’ jiġi marbut ma’ l-akkwist jew l-akkwist futuri ta’ assi fissi, l-ammont ta’ sussidju [suġġett għal miżuri] ta’ kumpens għandu jkun kalkulat billi s-sussidju jkun mifrux fuq perjodu li jirrifletti d-diprezzament normali ta’ dawn l-assi fl-industrija konċernata. [...]”

5        L-Artikolu 8 tar-regolament bażiku jgħid:

“Determinazzjoni tal-ħsara

[…]

2.      Id-deċisjoni ta’ ħsara għandha tkun ibbażata fuq xiehda pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv kemm ta’:

a)      il-volum ta’ l-importazzjoni sussidjata u l-effett ta’ l-importazzjoni sussidjata fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għal prodotti simili;

u

b)      l-impatt riżultanti ta’ dik l-importazzjoni fuq l-industrija tal-Komunità.

3.      F’dak li għandu x’jaqsam mal-volum ta’ l-importazzjoni sussidjata, għandha tingħata konsiderazzjoni għal jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjoni sussidjata, sew f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni jew konsum fil-Komunità. F’dak li jirrigwarda l-effett ta’ l-importazzjoni sussidjata fuq il-prezzijiet, għandu jiġi meqjus jekk kienx hemm traqqis sinifikanti li jwaqqa’ l-prezzijiet permezz ta’ l-importazzjoni sussidjata kif imqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija tal-Komunità, jew jekk l-effett ta’ din l-importazzjoni jkunx li b’mod ieħor iwaqqa’ l-prezzijiet b’mod sinifikanti jew jipprevjeni ż-żjieda fil-prezz illi kieku kienet isseħħ, sa livel sinifikanti. L-ebda wieħed jew aktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida definittiva.

[…]

5.      L-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjoni sussidjata fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi kollha u l-indiċi li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż: il-fatt li industrija tkun għadha fil-proċess ta’ rkupru mill-effetti ta’ sussidji jew iddampjar tal-passat, il-kobor ta’ l-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens, tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, profitti, produzzjoni, sehem mis-suq, produttività, dħul fuq l-investimenti, utilizzar tal-kapaċità; fatturi li jeffettwaw il-prezzijiet tal-Komunità; effetti negattivi attwali jew potenzjali fuq il-likwidità, inventarji, impjiegi, salarji, tkabbir, il-kapaċità li jiġi akkwistat kapital jew investimenti u, fil-każ ta’ l-agrikoltura, jekk kienx hemm piż akbar fuq il-programmi governattivi ta’ għajnuna. Din il-lista m’hijiex eżawrenti, l-anqas ma jista’ xi wieħed minn dawn il-fatturi neċessarjament ikun ta’ gwida deċiżiva.

6.      Għandu jintwera, mix-xiehda relevanti preżentata f’relazzjoni mal-paragrafu 2, li l-importazzjoni sussidjata qed toħloq ħsara skond id-definizjoni ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan jeħtieġ dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati bis-saħħa tal-paragrafu 3 huma responsabbli għall-impatt fuq l-industrija tal-Komunità kif huwa stabbilit fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sal-grad li jġiegħel li tkun klassifikata bħala materjali.

7.      Fatturi magħrufa, minbarra l-importazzjoni sussidjata[, li jkunu qedin jgħamlu] ħsara lill-industrija tal-Komunità fl-istess żmien, għandhom jiġu eżaminati sabiex jassiguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi ma tkunx attribwita għall-importazzjoni sussidjata skond il-paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jkunu kunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ l-importazzjoni li ma tkunx sussidjata, nuqqas fit-talba jew tibdil fix-xejra tal-konsum, prattiċi tal-kummerċ restrittivi ta’, u kompetizzjoni bejn, pajjiżi terzi u l-produtturi tal-Komunità, żviluppi fit-teknoloġija u l-prestazzjoni ta’ l-esportazjoni u l-produttività ta’ l-industrija tal-Komunità.

[…]”

6        Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1) tar-regolament bażiku, l-ammont tad-dazju ta’ kumpens ma għandux jeċċedi l-ammont stabbilit ta’ sussidji suġġetti għal miżuri ta’ kumpens u għandu jkun inqas jekk dan l-ammont inferjuri jkun adegwat sabiex jiġi eliminat id-dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja.

7        L-Artikolu 28 tar-regolament bażiku jipoprovdi:

“Nuqqas ta’ koperazzjoni

1.      Fil-każijiet fejn parti interessata tiċħad id-dħul għal, jew b’mod ieħor ma tipprovdix, l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti taż-żmien skond id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jew tostakola b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet proviżorji jew finali, fil-pożittiv jew fin-negattiv, jistgħu jittieħdu fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew li tqarraq, l-informazzjoni għandha tiġi mwarrba u għandu jsir użu mill-fatti disponibbli.

Il-partijiet interessati għandhom jiġu mwissija bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni.

[…]

3.      Meta l-informazzjoni mogħtija minn xi parti interessata ma tkunx ideali fl-aspetti kollha, din xorta m’għandhiex tiġi mwarrba, kemm-il darba n-nuqqasijiet ma jkunux tali li joħolqu diffikultà żejda sabiex wieħed jasal għas-sejba raġonevolment eżatta u li l-informazzjoni tkun sottomessa fi żmien tajjeb u tkun tista’ tiġi verifikata, u li l-parti tkun imxiet bl-aħjar kapaċità tagħha.

4.      Jekk ix-xiehda jew l-informazzjoni ma jiġux aċċettati, il-parti li tkun forniet dawn għandha tiġi mgħarrfa immedjatament bir-raġunijiet u għandha tingħata opportunità li tipprovdi aktar spjegazzjoni fil-limitu taż-żmien speċifikat. Jekk l-ispjegazzjonijiet ma jitqiesux li huma sodisfaċenti, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ din ix-xiehda jew l-informazzjoni għandhom isiru magħrufa u jingħataw fil-pubblikazzjoni tas-sejbiet.

5.      Jekk id-deċiżjonijiet, inklużi dawk dwar l-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens, ikunu bbażati fuq id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni mogħtija fl-ilment, għandu, fejn ikun prattikabbli u b’konsiderazzjoni għal-limiti taż-żmien ta’ l-investigazzjoni, jiġu verifikati b’riferiment għall-informazzjoni minn sorsi oħra indipendenti li jistgħu jkunu disponibbli, bħal ma huma listi ta’ prezzijiet pubblikati, statistika uffiċjali ta’ l-importazzjoni u prospetti doganali, jew informazzjoni miksuba minn partijiet oħra interessati matul l-investigazzjoni.

6.      Jekk xi parti interessata ma tikkooperax, jew tikkopera biss parzjalment, hekk li tiġi miżmuma xi informazzjoni relevanti, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkoperat.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti kif ġej fil-punti 8 sa 14 tas-sentenza appellata:

“8      Ir-rikorrenti hija kumpannija stabbilita fl-Indja, u tipproduċi diversi forom ta’ medja ta’ ħżin (storage media) u b’mod partikolari compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati (iktar ’il quddiem is-“CD-Rs”).

9      Fis-17 ta’ Mejju 2002, il-Kummissjoni [tal-Komunitajiet Ewropej], wara lment imressaq mill-Committee of European CD-R Manufacturers (CECMA), tat bidu għal investigazzjoni kontra s-sussidju fuq l-importazzjonijiet tas-CD-Rs li joriġinaw mill-Indja (ĠU C 116, p. 4).

10      B’ittra tal-4 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti dwar il-punti fattwali kollha u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom kien maħsub li jiġi propost l-iffissar tat-taxxi kumpensatorji definittivi. Is-sussidju kkonstatat mill-Kummissjoni kien jikkonsisti f’eżenzjoni mid-dazji tad-dwana fuq l-oġġetti kapitali importati mir-rikorrenti. Fil-kalkolu tal-ammont tas-sussidju, dan ġie mifrux, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, fuq perijodu ta’ tliet snin. Id-dikjarazzjoni kienet tipprovdi l-impożizzjoni ta’ taxxa kumpensatorja ta’ 10 %.

11      B’żewġ ittri tad-19 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti wieġbet għall-imsemmija dikjarazzjoni billi kkontestat, minn naħa, il-metodu użat għall-kalkolu tal-ammont tas-sussidju u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza u l-kawżi tad-dannu.

12      B’żewġ ittri tad-9 ta’ April 2003, il-Kummissjoni, minn naħa, irrifjutat l-argumenti tar-rikorrenti rigward l-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali u, min-naħa l-oħra, bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni addizzjonali li tinkludi kalkolu ġdid tal-ammont tas-sussidju, li fih is-sussidju ġie mifrux fuq perijodu ta’ 4.2 snin. Id-dikjarazzjoni addizzjonali kienet tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ taxxa kumpensatorja ta’ 7,3 %.

13      B’ittra tal-14 ta’ April 2003, ir-rikorrenti kkontestat il-kalkolu l-ġdid tal-ammont tas-sussidju. Il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti, b’ittra tal-5 ta’ Mejju 2003, spjegazzjonijiet supplimentari dwar dan il-kalkolu. Ir-rikorrenti wieġbet din l-ittra, fid-9 ta’ Mejju 2003, billi ressqet osservazzjonijiet supplimentari.

14      Fuq proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2003, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] adotta r-Regolament [kontenzjuż]. Dan ir-Regolament kien jimponi taxxa kumpensatorja definittiva ta’ 7.3 % fuq l-importazzjonijiet tas-CD-Rs li joriġinaw mill-Indja.”

 Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Awwissu 2003, l-appellanti talbet l-annullament tar-regolament kontenzjuż billi qajmet ħames motivi, li jikkonċernaw, minn naħa, id-determinazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tas-sussidju, tal-perijodu ta’ deprezzament normali tal-assi importati u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tad-dannu u tar-rabta kawżali.

10      Permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

11      Permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ April 2005, il-Committee of European CD-R Manufacturers (CECMA), li saret il-Committee of European CD-R and DVD+/-R Manufacturers (CECMA), tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

12      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mill-CECMA, talab sabiex l-appell jiġi miċħud u sabiex l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

13      Fil-punti 27 sa 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 5, 7(3) u 11(1) tar-regolament bażiku, u fuq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-perijodu ta’ deprezzament normali tal-assi. Dan il-motiv kien maqsum f’żewġ partijiet li jikkonċernaw, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-elementi li jirrigwardaw il-perijodu ta’ deprezzament u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-perijodu ta’ deprezzament normali tal-assi, fejn it-tieni parti nnifisha kienet maqsuma f’ħames ilmenti li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-assi fil-kategorija ta’ forom, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni li tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tar-rikorrenti, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-profitabbiltà u tal-investimenti tar-rikorrenti, l-applikazzjoni tal-metodu ta’ deprezzament digressiv u n-natura allegatament arbitrarja tal-kalkoli.

14      B’mod partikolari, fil-punti 73 sa 79 tas-sentenza appellata, fir-rigward tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni li tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tar-rikorrenti, li tikkostitwixxi t-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat dan li ġej:

“73      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li l-klassifikazzjoni tal-assi fil-kategorija tal-forom ma tikkonċernax l-assi kollha in kwistjoni, fatt li hija ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejh b’ittra tal-14 ta’ April 2003.

74      Il-Kunsill iwieġeb għal din l-allegazzjoni li l-informazzjoni mogħtija in sostenn tagħha mhijiex koerenti ma’ elementi oħra miksuba matul l-investigazzjoni u li, għaldaqstant, l-imsemmija allegazzjoni ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni.

75      Mill-elementi ppreżentati mill-partijiet b’risposta għad-domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li r-rikorrenti rreferiet għall-informazzjoni li tirriżulta mill-prospett tat-taxxa tagħha għall-perijodu ta’ investigazzjoni, sabiex issostni l-allegazzjoni in kwistjoni. Huwa paċifiku li l-valur tal-assi rreġistrati f’din id-dikjarazzjoni ma jaqbilx mal-valur tagħhom ikkunsidrat għall-kalkolu tas-sussidju. Il-Kunsill jindika li l-istituzzjonijiet ma kinux f’pożizzjoni, fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi biss, li jqabblu l-allegazzjoni in kwistjoni ma’ l-informazzjoni l-oħra vverifikata fil-kuntest tal-investigazzjoni.

76      Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li d-differenza fil-valuri li tirriżulta minn dan, li tista’ tiġi spjegata biż-żieda tal-ispejjeż ta’ trasport u ta’ installazzjoni, ma kinitx tipprekludi lill-istituzzjonijiet Komunitarji milli josservaw li l-bidla fil-klassifikazzjoni ma tikkonċernax l-assi importati kollha.

77      F’dan ir-rigward, il-Kunsill speċifika li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma setgħux jikkalkulaw il-valur eżatt tal-assi kklassifikati fil-kategorija tal-forom, għaliex, minn naħa, ir-rikorrenti ma kinitx spjegat il-kriterji tal-klassifikazzjoni tal-assi tagħha fil-prospett tat-taxxa u, min-naħa l-oħra, hija ma kinitx ipprovdiet il-lista sħiħa u li tista’ tiġi vverifikata ta’ dawn l-assi. Fin-nuqqas ta’ dawn l-elementi, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma setgħux jivverifikaw il-figuri ppreżentati mir-rikorrenti sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha.

78      Fid-dawl ta’ dawn l-aħħar indikazzjonijiet, li r-rikorrenti ma kkontestatx quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, għandu jitqies li din ma ppreżentatx lill-istituzzjonijiet Komunitarji elementi li kienu jippermettulhom jivverifikaw l-eżattezza tal-allegazzjoni tagħha u, jekk ikun il-każ, li jieħdu in kunsiderazzjoni l-parti tal-assi kkonċernata li ma ġietx ikklassifikata fil-kategorija tal-forom. Għaldaqstant, hija ma tistax, b’din is-sempliċi allegazzjoni, tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula fir-Regolament [kontenzjuż].

79      Għaldaqstant, il-Kunsill seta’, mingħajr ma jikser l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, iqis li l-assi in kwistjoni, ikklassifikati bħala forom għall-finijiet ta’ tassazzjoni, kellhom ukoll jittieħdu in kunsiderazzjoni bħala tali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-perijodu ta’ deprezzament tagħhom mill-perspettiva tal-kontabbiltà u li, għaldaqstant, ma kienx xieraq li din l-evalwazzjoni tiġi bbażata fuq l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.”

15      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ukoll it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-Artikolu 8(2) u (6) tar-regolament bażiku, fir-rigward tal-eżami tal-elementi relatati mad-determinazzjoni tad-dannu u tar-rabta kawżali.

16      Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punti 193 sa 196 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-ħażniet:

“193      Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-iżvilupp tal-ħażniet tal-industrija Komunitarja hija manifestament żbaljata. Hija ma tikkontestax iċ-ċifri relatata magħha, li jinsabu fil-[Premessa tmenin] tar-Regolament [kontenzjuż]. Hija tosserva madankollu li l-Kunsill ma setax jikkonkludi fil-[Premessa mija u tlieta] tar-Regolament [kontenzjuż], fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, li l-indikatur tal-ħażniet mar sew għall-agħar matul il-perijodu kkunsidrat.

194      Għandu jitfakkar li l-perijodu kkunsidrat f’dan il-każ huwa mifrux mis-sena 1998 sat-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Mid-data mhux ikkontestata mir-rikorrenti jirriżulta li, matul dan il-perijodu kollu, il-ħażniet tal-industrija Komunitarja żdiedu b’mod sinjifikattiv.

195      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma wrietx li t-titjib tal-indikatur relativ għall-ħażniet mogħti f’perċentwali ta’ produzzjoni mis-sena 2000 kien tali li jaqleb it-tendenza negattiva kkonstatata matul il-perijodu kollu kkunsidrat. Effettivament, mil-[Premessa tmenin] tar-Regolament [kontenzjuż] jirriżulta li l-livell tal-ħażniet baqa’ għoli matul il-perijodu kollu kkunsidrat, u żdied f’termini assoluti lejn it-tmiem tas-sena 2001, li jikkoinċidi għalhekk maż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet, u li jirrappreżenta, f’termini relattivi, livell għoli, ta’ 15 %, tal-produzzjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

196      Għaldaqstant dan l-ilment mhuwiex fondat.”

17      Fil-punti 201 sa 207 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet:

“201      L-evalwazzjoni tal-livelli ta’ prezzijiet tal-importazzjonijiet tikkostitwixxi, f’dan il-każ, il-fattur ewlieni li fuqu hija bbażata l-konklużjoni ta’ tnaqqis taħt il-prezz (undercutting) tal-prezzijiet Komunitarji u, b’hekk, tal-eżistenza ta’ ħsara. L-istituzzjonijiet Komunitarji analizzaw dan l-indikatur, fil-[Premessi tmienja u ħamsin sa erbgħa u sittin] tar-Regolament [kontenzjuż], fuq il-bażi tad-data ta’ Eurostat, kif ukoll fuq dik taċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti.

202      Rigward id-data ta’ Eurostat, l-istituzzjonijiet ikkonkludew, prinċipalment, li kien hemm tnaqqis importanti fil-prezz, ta’ 59 %, bejn is-sena 2000 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Ir-rikorrenti tikkontesta t-teħid in kunsiderazzjoni tal-informazzjoni relatata mas-sena 2000, billi tgħid li l-importazzjonijiet kienu għadhom mhumiex sinjifikattivi. Issa, dan l-argument diġà ġie eżaminat u miċħud fil-punti 170 sa 175 iktar ‘il fuq.

203      Rigward l-analiżi taċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li hija wasslet għal riżultati komparabbli ħafna ma’ dawk ibbażati fuq l-informazzjoni ta’ Eurostat, jiġifieri tnaqqis fil-prezzijiet ta’ 54 %. Ir-rikorrenti madankollu ssostni li l-preżentazzjoni ta’ dawn iċ-ċifri mhijiex eżatta.

204      Mil-lista li tinsab [fit-tnejn u sittin premessa] tar-Regolament [kontenzjuż] jirriżulta li l-perċentwali ta’ 54 % hija relatata ma’ l-iżvilupp tal-prezzijiet bejn iż-żewġ snin finanzjarji tar-rikorrenti. Anki jekk jitqies li [t-tlieta u sittin premessa] mhijiex preċiża biżżejjed meta tindika li din il-perċentwali tirrigwarda l-iżvilupp bejn is-sena 2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, din l-impreċiżjoni madankollu ma tikkostitwixxix żball. Mil-lista li tiġi qabel il-premessa in kwistjoni jirriżulta b’mod ċar li huwa żvilupp bejn is-sena finanzjarja 2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx li ċ-ċifri li hija kienet ipprovdiet ġew ippreżentati b’mod mhux eżatt.

205      Minbarra dan, anki li kieku l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti hija relatata mal-perijodu li jibda fl-1 ta’ April 1999, filwaqt li l-informazzjoni ta’ Eurostat tirrigwarda l-perijodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2000, dan il-fatt waħdieni ma jimplikax li l-konstatazzjoni tal-Kunsill, li ċ-ċifri ta’ Eurostat u dawk tar-rikorrenti juri tendenzi li jaqblu bejniethom, ssir ineżatta. Issa, ir-rikorrenti ma tindikax li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ data oħra ta’ tluq għall-informazzjoni tagħha setgħet twassal għal konklużjonijiet differenti f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet tal-importazzjonijiet.

206      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ żball ta’ fatt jew ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-analiżi tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet.

207      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.”

18      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 260 sa 279 tas-sentenza appellata, ċaħdet il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(6) u (7) tar-regolament bażiku, fir-rigward tal-eżami tal-effetti ta’ mġiba antikompetittiva ta’ proprjetarju ta’ privattiva billi kkunsidrat dan li ġej:

“260      Skond ġurisprudenza stabbilita, meta tiġi determinata l-ħsara, l-istituzzjonijiet Komunitarji huma marbuta jeżaminaw jekk il-ħsara li huma bi ħsiebhom jikkunsidraw tirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet mixtrija bi prezz baxx jew issussidjati u għandhom jeskludu kull ħsara li tirriżulta minn fatturi oħra, u b’mod partikolari dik ikkawżata minn aġir antikompetittiv li jinvolvi l-produtturi Komunitarji (is-sentenzi [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 1992,] Extramet Industrie vs Il‑Kunsill, [C‑358/89, Ġabra p. I‑3813], punt 16, u [tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2001,] Mukand et vs Il‑Kunsill, [T‑58/99, Ġabra p. II‑2521], punti 39 u 40).

261      F’dan il-każ, mill-inkartament jirriżulta li l-industrija Komunitarja li qiegħda tilmenta sostniet, f’nota tas-7 ta’ Jannar 2003, li kumpannija proprjetarja ta’ privattivi għas-CD-Rs kienet qed tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha meta tiċċarġja drittijiet eċċessivi u li produttur Ewropew kien irtira mis-suq wara kwistjoni ma’ din il-kumpannija. L-industrija għamlet din l-osservazzjoni sabiex tirribatti l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li l-ammont ta’ sostenn għall-ilment, fis-sens tal-Artikolu 10(8) tar-Regolament bażiku, kien niżel taħt il-livell mitlub għat-tkomplija tal-proċedura. Ir-rikorrenti għamlet l-istess osservazzjoni, matul l-investigazzjoni, billi sostniet li l-effetti tal-aġir antikompetittiv allegat, li jikkonsisti fl-iffissar ta’ drittijiet eċċessivi, kienu jikkostitwixxu fattur li għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ħsara.

262      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill naqas milli jeżamina dan il-fattur, billi llimita ruħu għal konstatazzjoni, fil-premessa 135 tar-Regolament ikkontestat, li l-allegazzjoni in kwistjoni ma ġietx ikkonfermata minn ebda deċiżjoni formali li tirriżulta minn investigazzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

263      Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li mill-[mija u ħamsa u tletin premessa] tar-Regolament [kontenzjuż] ma jirriżultax li l-istituzzjonijiet Komunitarji effettivament eżaminaw il-kwistjoni jekk il-ħsara kkunsidrata kinitx tirriżulta mill-aġir antikompetittiv allegat.

264      Għaldaqstant, għalkemm din il-premessa mhijiex biżżejjed sabiex teskludi l-effetti tal-fattur invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni jekk il-Kunsill naqasx milli jieħu in kunsiderazzjoni l-imsemmija effetti għandha tiġi eżaminata fir-rigward tar-raġunament kollu adottat fil-kuntest tar-Regolament [kontenzjuż] (ara, f’dan is-sens, is-sentenza [tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Lulju 1995,] Koyo Seiko vs Il‑Kunsill, [T‑166/94, Ġabra p. II‑2129], punt 79).

265      Issa, il-Kunsill isostni li huwa ħa in kunsiderazzjoni dan il-fattur fil-[mija u erbgħa u tletin premessa] tar-Regolament [kontenzjuż]. Mill-imsemmija premessa jirriżulta li l-Kunsill eżamina, b’mod ġenerali, l-effetti tal-ħlas tad-drittijiet li jirriżultaw mill-privattivi, billi kkonstata li dan il-fattur ma kienx tali li jikser ir-rabta kawżali in kwistjoni. Il-Kunsill isostni li, b’din il-konstatazzjoni, huwa wieġeb ukoll għall-allegazzjoni li dawn id-drittijiet kienu eċċessivi u kienu jikkostitwixxu aġir anti-kompetittiv.

266      F’dan ir-rigward, minkejja li l-[mija u erbgħa u tletin u l-mija u ħamsa u tletin premessa] jinsabu taħt sottotitoli differenti, jiġifieri “Drittijiet” u “Fatturi oħra”, mill-argumenti tal-partijiet jirriżulta li t-tnejn jikkonċernaw l-istess element tal-inkartament rigward il-ħlas ta’ drittijiet. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ premessi jsegwu waħda lill-oħra, b’tali mod li l-istruttura tar-Regolament [kontenzjuż] titlob li jinqraw flimkien.

267      Għaldaqstant, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet magħmula fil-[mija u erbgħa u tletin premessa] sabiex jiġi eżaminat jekk il-Kunsill eskludiex il-ħsara eventwali li tirriżulta mill-aġir antikompetittiv invokat mir-rikorrenti.

268      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza tal-imsemmija konstatazzjonijiet, billi ssostni li l-istituzzjonijiet kien imisshom evalwaw l-effetti tad-drittijiet b’mod preċiż sabiex jikkonkludu li, anki fin-nuqqas ta’ drittijiet eċċessivi, l-industrija Komunitarja batiet ħsara.

269      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, sabiex jiġu esklużi l-effetti li jirriżultaw minn fattur estern, l-istituzzjonijiet Komunitarji huma marbuta jeżaminaw jekk l-imsemmija effetti kinux tali li jiksru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet in kwistjoni u l-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja […]. Issa, dan l-eżami ma jimplikax neċessarjament determinazzjoni tal-effetti preċiżi tal-fattur in kwistjoni. Huwa biżżejjed li l-istituzzjonijiet Komunitarji jikkonstataw li, fin-nuqqas ta’ tali fattur estern, il-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet in kwistjoni kienet kunsiderevoli.

270      F’dan il-każ, il-Kunsill osserva li l-importazzjonijiet Indjani kienu kkawżaw ħsara kunsiderevoli lill-industrija Komunitarja, li tirriżulta b’mod partikolari minn tnaqqis taħt il-prezz tal-prezzijiet Komunitarji. Huwa spjega li, anki li kieku d-drittijiet kellhom influwenza negattiva fuq il-profitti tal-industrija Komunitarja, dan il-fattur, li jaffettwa l-produtturi kollha tas-suq, kien diġà preżenti fl-1999, qabel ma l-importazzjonijiet kienu saru numerużi. L-iżvilupp negattiv tas-sitwazzjoni tal-produtturi Komunitarji mis-sena 1999 ma jistax għaldaqstant jiġi attribwit għal dan il-fattur. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma kienx irraġonevoli li l-Kunsill qies li l-ħlas ta’ drittijiet ma setax ikollu influwenza fuq il-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet issussidjati.

271      Il-Kunsill jafferma, ġustament, li l-eżami tal-kwistjoni jekk id-drittijiet kinux eċċessivi minħabba aġir antikompetittiv ta’ proprjetarju ta’ privattivi ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għal kontestazzjoni tal-konklużjoni tiegħu msemmija fil-punt iktar ’il fuq.

272      Għandu jiġi osservat ukoll li, b’differenza għas-sitwazzjonijiet fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Extramet [Industrie vs Il‑Kunsill] u Mukand et vs Il‑Kunsill, iċċitati iktar ’il fuq, il-prassi anti‑kompetittiva allegata hawnhekk mhijiex attribwibbli għall-aġir tal-produtturi Komunitarji. Sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ dan il-fattur f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma kinux għaldaqstant marbuta li jeżaminaw jekk l-industrija Komunitarja kinitx hija nfisha kkontribwiet għall-ħsara subita.

273      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni, billi tinvoka s-sentenza Mukand et vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li l-ħsara, iddeterminata minn tnaqqis taħt il-prezz tal-prezzijiet, ma ġietx evalwata korrettament, jekk il-prezzijiet Komunitarji kienu artifiċjalment għolja minħabba d-drittijiet eċċessivi.

274      Għandu jitfakkar li ċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza Mukand et vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, kienu jirrigwardaw aġir li jaffettwa l-prezzijiet Komunitarji, iżda mhux dawk tal-importazzjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Kunsill ikkonstata li d-drittijiet in kwistjoni kellhom jitħallsu mill-produtturi kollha, inkluża r-rikorrenti. Ir-rikorrenti ma kkonstestatx dan il-fatt.

275      B’hekk, il-Kunsill seta’ jqis, fil-[mija u erbgħa u tletin premessa] tar-Regolament [kontenzjuż], li l-fattur estern in kwistjoni ma setax jispjega d-differenza bejn il-prezzijiet Komunitarji u l-prezzijiet Indjani u li, għaldaqstant, ma kellux influwenza fuq l-elementi meħuda in kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-livell ta’ tnaqqis taħt il-prezz. Anki li kieku d-drittijiet kienu eċċessivi minħabba aġir anti-kompetittiv, dan il-fattur ma jistax jaffettwa din l-evalwazzjoni.

276      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kunsill kien naqas milli jeskludi, fl-evalwazzjoni tal-ħsara, l-effetti li jirriżultaw minn allegat aġir anti-kompetittiv.

277      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-punt ta’ fatt prodott mir-rikorrenti fir-replika tagħha, jiġifieri l-komunikat stampa tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Awwissu 2003, li jirreferi għal investigazzjoni relativa għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE għal ftehim standard rigward il-privattivi għal ċerti tipi ta’ CDs. Effettivament, mill-argumenti tar-rikorrenti jirriżulta li dan l-element ġie ppreżentat sabiex issostni t-teżi tagħha li l-fattur in kwistjoni kien magħruf mill-istituzzjonijiet Komunitarji. Min-naħa l-oħra, hija ma spjegatx kif l-imsemmi komunikat seta’ jsostni l-argument li dan il-fattur kien tali li jikser ir-rabta kawżali in kwistjoni.

278      Għaldaqstant, il-ħames motiv ma jistax jintlaqa’.

279      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors kollu għandu jiġi miċħud. Konsegwentement, m’hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet magħmula sussidjarjament mill-Kunsill.”

19      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet

20      Permezz tal-appell tagħha, Moser Baer India Ltd titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tilqa’ t-talbiet tagħha fl-ewwel istanza, jiġifieri li tannulla r-regolament kontenzjuż sa fejn dan japplika fil-konfront tagħha, u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-kuntest ta’ dan l-appell kif ukoll fl-ewwel istanza.

21      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

 Fuq l-appell

22      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tal-prinċipji ta’ koerenza u ta’ investigazzjoni diliġenti fir-rigward tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata li tinsab fil-punti 73 sa 79 tagħha, fit-tieni lok, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-aspetti tal-investigazzjoni relatati mad-dannu, imsemmija fil-punti 193 sa 196 u 201 sa 206 tas-sentenza appellata, u, fit-tielet lok, fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-attribuzzjoni tad-dannu lil fatturi oħrajn fis-sens tal-Artikolu 8(7) tar-regolament bażiku, fir-rigward tal-konstatazzjoni, fil-punti 260 sa 278 tas-sentenza appellata, tal-eżistenza ta’ dannu.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

23      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill informa lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1293/2007, tat-30 ta’ Ottubru 2007, li tirrevoka d-dazji ta’ antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1050/2002 dwar importazzjonijiet ta’ compact disks li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom li joriġinaw fit-Tajwan u li jippermetti r-rifużjoni jew ir-remissjoni tagħhom kif ukoll li jirrevoka d-dazji kumpensatorji imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 960/2003 dwar importazzjonijiet ta’ compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati li joriġinaw mill-Indja, li jippermetti r-rifużjoni jew ir-remissjoni tagħhom u li jtemm il-proċediment li jirrigwardahom (ĠU L 288, p. 17). Fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1293/2007, il-Kunsill isostni li m’hemmx lok li tingħata deċiżjoni f’din il-kawża.

24      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqajjem ex officio n-nuqqas ta’ interess ġuridiku ta’ parti biex din tippreżenta jew tkompli appell, minħabba fatt li seħħ wara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jkun tali li jneħħi n-natura dannuża tagħha għall-appellant, kif ukoll li tiddikjara l-appell inammissibbli jew mingħajr skop minħabba din ir-raġuni. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku ta’ appellant tippresupponi li l-appell jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, joħloq benefiċċju lil min iressqu (ara sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il‑Kummissjoni, C‑19/93 P, Ġabra p. I‑3319, punt 13, kif ukoll id-digriet tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑503/07 P, Ġabra p. I‑2217, punt 48).

25      F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi osservat li l-interess ġuridiku tal-appellanti sabiex tikseb l-annullament tas-sentenza appellata u, indirettament, tar-regolament kontenzjuż ma jistax jiġi miċħud minħabba li din tal-aħħar ma tipproduċix effetti fil-futur. Fil-fatt, dan l-annullament jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali, b’mod partikolari billi jiġi evitat li tiġġedded prattika irregolari min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 21).

26      Qabel kollox, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-regolament kontenzjuż ma ġiex kollu kemm hu rrevokat u jkompli japplika għad-dazji kumpensatorji li nġabru sal-4 ta’ Novembru 2006.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex f’pożizzjoni li tikkonstata li l-appell huwa mingħajr suġġett.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel aggravju

28      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma osservatx, kif inhu meħtieġ, il-prinċipji ta’ koerenza u ta’ investigazzjoni diliġenti meta qieset li l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu mxew b’mod legali meta ttrattaw l-assi kollha tagħha bħala assi kklassifikati mill-ġdid bħala forom li jibbenefikaw mis-sussidju inkwistjoni mifrux fuq perijodu ta’ deprezzament ta’ 4.2 snin.

29      Il-Kunsill isostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli minħabba l-fatt li l-appellanti għandha l-intenzjoni li tikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza u li tressaq motiv ġdid quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma kinitx ippreżentat fl-ewwel istanza, jiġifieri ksur tal-prinċipji ta’ koerenza u ta’ amministrazzjoni tajba fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-assi fil-kategorija tal-forom.

30      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli, peress li huwa intiż sabiex iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr ma hemm indikazzjoni ta’ żnaturament tal-provi minn din tal-aħħar.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza biss għandha l-ġurisdizzjoni, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 225 KE, stħarriġ dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konklużjonijiet legali li tkun waslet għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza abbażi ta’ dawn il-fatti (ara, b’mod partikolari, sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 51, tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑266/06 P, punt 72, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et vs Il‑Kummissjoni, C‑101/07 P u C‑110/07 P, punt 58).

32      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja la għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tal-liġi kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq General Motors vs Il‑Kummissjoni, punt 52; Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 73, kif ukoll Coop de France bétail et viande et vs Il‑Kummissjoni, punt 59).

33      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq General Motors vs Il‑Kummissjoni, punt 54, u Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 74, kif ukoll Coop de France bétail et viande et vs Il‑Kummissjoni, punt 60).

34      Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħetx, ġustament, tikkonkludi mill-imsemmija fatti li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma naqsux la mid-dmir ta’ diliġenza u lanqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħhom tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara sentenzi tal-20 ta’ Novembru 1997, Il‑Kummissjoni vs V, C‑188/96 P, Ġabra p. I‑6561, punt 24; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 453, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑405/07 P, Ġabra p. I‑8301), punt 44).

35      F’dan il-każ, l-appellanti, tilmenta, qabel kollox, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipji ta’ koerenza u ta’ investigazzjoni diliġenti billi ma identifikat ebda regola ta’ dritt jew ta’ proċedura sabiex issostni li l-Kunsill kellu d-dritt li jieħu inkunsiderazzjoni l-assi kollha kklassifikati fil-kategorija tal-forom għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-perijodu ta’ deprezzament ta’ 4.2 snin. B’hekk, l-appellanti għandha l-intenzjoni li tikkontesta l-metodu li bih il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat l-allegazzjoni tagħha, imsemmija fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-klassifikazzjoni tal-assi fil-kategorija tal-forom ma kinitx tikkonċerna l-assi kollha inkwistjoni.

36      F’dan ir-rigward, jirriżulta mis-sentenza appellata, b’mod partikolari mill-punti 75 u 78 tagħha, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni l-allegazzjoni tal-appellanti kif ukoll il-provi ppreżentati mill-partijiet bi tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub dwar il-klassifikazzjoni tal-assi fil-kategorija tal-forom u kkonkludiet li l-appellanti ma kinitx ippreżentat provi lill-istituzzjonijiet Komunitarji li kienu jippermettulhom jivverifikaw l-eżattezza tal-allegazzjoni tagħha u li, b’hekk, l-evalwazzjoni magħmula fir-regolament kontenzjuż ma setgħetx tiġi kkontestata.

37      L-argument ibbażat fuq nuqqas min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-prinċipji ta’ koerenza u ta’ investigazzjoni diliġenti għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat.

38      Sa fejn l-appellanti għandha wkoll l-intenzjoni li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza billi tikkontesta essenzjalment il-fatt li l-provi kkunsidrati fil-punti 75, 77 u 78 tas-sentenza appellata huma biżżejjed sabiex jiġi pprovat li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma setgħux iqisu l-valur eżatt tal-assi kklassifikati fil-kategorija tal-forom, dan l-argument għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, peress li din l-inizjattiva hija intiża sabiex jinkiseb eżami mill-ġdid tal-evalwazzjonijiet fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex ġurisdizzjoni li tagħmel f’kuntest ta’ appell.

39      Barra minn hekk, l-appellanti ssostni, minn naħa, li fin-nuqqas tal-provi neċessarji għall-kalkolu tal-ammont tas-sussidju suġġett għal miżuri ta’ kumpens, l-istituzzjonijiet Komunitarji kellhom jinvokaw espliċitament l-Artikolu 28 tar-regolament bażiku. Hija ssostni, min-naħa l-oħra, li, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, hija pprovat li, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-istituzzjonijiet Komunitarji u tad-data li tinsab annessa mad-dikjarazzjoni tat-taxxa u li turi l-kalkolu tad-deprezzament, l-istituzzjonijiet Komunitarji kien jafu jew kellhom isiru jafu faċilment li l-proporzjoni tal-assi li ma kinux ġew ikklassifikati jew ikklassifikati mill-ġdid f’forom kienet tammonta mill-inqas għal 23 % tal-assi kollha importati.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li motivi ġodda, li ma jinsabux fir-rikors, ma jistgħux jiġi ppreżentati fl-appell, kif jirriżulta mill-Artikoli 113(2) u 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1992, V. vs Il‑Parlament, C‑18/91 P, Ġabra p. I‑3997, punt 21, u tat-23 ta’ Novembru 2000, British Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑1/98 P, Ġabra p. I‑10349, punt 47).

41      Issa, f’dan il-każ, huwa biss quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-appellanti, għall-ewwel darba, invokat ksur tal-Artikolu 28 tar-regolament bażiku marbut mal-fatt li l-informazzjoni li tirriżulta mid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha ma tteħditx biżżejjed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-fatt li l-assi kollha ssussidjati ma kinux ġew ikklassifikati mill-ġdid fil-kategorija tal-forom. Għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa ġdid u, għaldaqstant, inammissibbli fil-kuntest ta’ dan l-appell.

42      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-prova mogħtija mill-appellanti dwar l-allegat għarfien, min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji, tal-proporzjoni tal-assi ssussidjati li ma ġewx ikklassifikati mill-ġdid fil-kategorija tal-forom, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa intiż sabiex tinkiseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti, li, fin-nuqqas ta’ allegazzjoni ta’ żnaturament, taħrab mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

43      Għaldaqstant, isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni aggravju

44      L-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti kkunsidrati fil-konstatazzjoni tad-dannu. Dan it-tieni aggravju jinqasam f’żewġ partijiet li jikkonċernaw, minn naħa, l-evalwazzjoni żbaljata tal-livell tal-importazzjonijiet ta’ CD-Rs mill-Indja u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni żbaljata tal-livell ta’ ħażniet tal-industrija Komunitarja bħala indikazzjoni tad-dannu.

 Fuq l-ewwel parti

45      Fir-rigward tal-evalwazzjoni żbaljata tal-livell tal-importazzjonijiet ta’ CD-Rs mill-Indja, l-appellanti tqajjem tliet argumenti. L-ewwel nett, hija tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li l-istituzzjonijiet Komunitarji ġustament ċaħdu l-allegazzjoni tagħha li tgħid li, fir-rigward ta’ kwantitajiet żgħar, il-formola statistika applikata għad-data ta’ Eurostat ma kinitx affidabbli. Din id-data kienet tikkonsisti f’“kodiċi NM” kompost minn CD-R kif ukoll minn prodotti oħra ta’ tip simili u kienet ibbażata fuq formola żviluppata mill-industrija Komunitarja tas-CD-Rs. Barra minn hekk, peress li l-appellanti kienet l-unika esportatriċi Indjana ta’ CD-Rs lejn l-Unjoni Ewropea, id-data tagħha stess kienet l-unika fonti affidabbli sabiex jiġu ddeterminati l-volumi u l-valuri ta’ importazzjoni.

46      It-tieni nett, l-appellanti tqis li l-konstatazzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji, ikkonfermata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li tgħid li d-data ta’ Eurostat u d-data finanzjarja tagħha stess wasslu għal riżultati paragunabbli ħafna hija żbaljata. Fil-fatt, skont id-data tal-appellanti, fl-2000, il-prezz tal-esportazzjonijiet tagħha żdied sa meta ntemm il-perijodu ta’ investigazzjoni. Issa, din il-konstatazzjoni ma taqbilx mad-data ta’ Eurostat li tindika tnaqqis fil-prezzijiet ta’ 59 %.

47      It-tielet nett, l-appellanti ssostni li hija dejjem ikkontestat il-fatt li, fir-rigward tal-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjoni, il-Kunsill kien wettaq paraguni rilevanti u ssostni li data oħra għall-perijodu tal-investigazzjoni kienet kjarament twassal lill-istituzzjonijiet Komunitarji għal konklużjoni differenti. Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li l-appellanti ma ssostnix li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data inizjali oħra għad-data tagħha setgħet twassal għal konklużjonijet differenti fir-rigward tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Indjani ta’ CD-Rs mhijiex eżatta.

48      Skont il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-konstatazzjonijiet li permezz tagħhom il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat l-eżattezza tal-fatti msemmija fir-regolament kontenzjuż. Minn dan jirriżulta li din il-parti tat-tieni motiv għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

49      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li l-annullament tagħha qiegħed jintalab kif ukoll l-argumenti legali invokati speċifikatament insostenn ta’ din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il‑Kummissjoni, C‑499/03 P, Ġabra p. I‑1751, punt 37; tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il‑Kummissjoni, C‑68/05 P, Ġabra p. I‑10367, punt 54, kif ukoll id-digriet tal-15 ta’ Mejju 2007, Ricosmos vs Il‑Kummissjoni, C‑420/05 P, punt 64).

50      Għaldaqstant, appell li jillimita ruħu sabiex jirrepeti jew jirriproduċi testwalment l-aggravji u l-argumenti li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn din il-qorti, ma jissodisfawx il-ħtiġijiet ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti (ara, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il‑Kummissjoni, punt 38, u Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il‑Kummissjoni, punt 54, kif ukoll id-digriet Ricosmos vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 71). Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex tinkiseb sempliċi reviżjoni tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ħaġa li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 35, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il‑Kunsill, C‑76/01 P, Ġabra p. I‑10091, punt 47).

51      Fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel ilment tat-tielet motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 142 sa 190 tas-sentenza appellata, dwar l-argument tal-appellanti, iċċitat fil-punt 145 ta’ din is-sentenza, li jgħid li d-data ta’ Eurostat għas-snin 1998 sa 2000 ma kinitx affidabbli minħabba l-“kodiċi NM” li jinkludi numru ta’ prodotti minbarra s-CD-Rs. Il-kwantità ta’ dawn il-prodotti l-oħra hija indikata f’tunnellati, b’mod li, sabiex issir stima tan-numru ta’ CD-Rs importati, kien neċessarju, skont l-appellanti, li tiġi applikata formola matematika fir-rigward tad-data ta’ Eurostat. Madankollu, dejjem skont l-appellanti, peress li l-kwantità kienet żgħira ħafna, tali formola mhijiex statistikament affidabbli. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 171 tal-istess sentenza, li l-appellanti ma ppreżentat ebda prova insostenn tal-allegazzjoni tagħha li tgħid li l-formola statistika applikata fir-rigward tad-data ta’ Eurostat biex tiġi stabbilita d-data inkwistjoni mhijiex affidabbli għal kwantitajiet żgħar.

52      Fil-punti 201 sa 206 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tillimita ruħha sabiex tevalwa livelli ta’ prezzijiet tal-importazzjonijiet fil-kuntest tat-tielet ilment tat-tielet motiv imqajjem quddiemha. Permezz ta’ dan it-tielet ilment, fl-ewwel istanza, l-appellanti sostniet, fl-ewwel lok, li, billi kkonkludew li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet kienu naqsu, l-istituzzjonijiet Komunitarji bbażaw ruħhom fuq id-data relatata mas-snin 1998 sa 2000, li ma kienet la rilevanti u lanqas affidabbli. Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-fatt li l-prezzijiet tal-importazzjoni ġew ukoll analizzati abbażi ta’ figuri pprovduti minnha ma jżid xejn f’dan ir-rigward, peress li d-data inkwistjoni tidher li ġiet ippreżentata mill-istituzzjonijiet Komunitarji b’mod inadegwat.

53      Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 203 tas-sentenza appellata, li l-analiżi tal-figuri pprovduti mill-appellanti wasslet għal riżultati paragunabbli ħafna għal dawk ibbażati fuq id-data ta’ Eurostat, jiġifieri tnaqqis fil-prezzijiet ta’ 54 %. Insostenn ta’ din il-konstatazzjoni, li tiċħad l-allegazzjoni tal-appellanti li tgħid li l-preżentazzjoni ta’ dawn il-figuri mhijiex eżatta, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għall-wieħed u sittin premessa u għat-tnejn u sittin premessa tar-regolament kontenzjuż li fihom l-istituzzjonijiet Komunitarji pparagunaw id-data ta’ Eurostat mal-figuri pprovduti mill-appellanti u waslu għal konklużjonijiet simili għall-perijodu kkonċernat.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel u t-tieni argumenti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, peress li dawn fil-verità jikkostitwixxu talba għal reviżjoni tal-evalwazzjonijiet ta’ fatt mingħajr ma jiġi ppreċiżat l-iżball ta’ liġi li jivvizzja s-sentenza appellata.

55      Fir-rigward tat-tielet argument tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tosserva li hija dejjem semmiet il-fatt li data oħra għall-perijodu tal-investigazzjoni kienet kjarament twassal lill-istituzzjonijiet Komunitarji għal konklużjoni differenti. B’hekk, fil-punt 101 tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, hija indikat li l-fatt li, fir-regolament kontenzjuż, il-Kunsill wettaq paraguni fir-rigward tal-livelli tal-prezz ta’ importazzjoni li ma kinux rilevanti juri n-nuqqas ta’ oġġettività tal-istituzzjonijiet Komunitarji jew, sussidjarjament, l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet Indjani.

56      Il-Kunsill isostni li dan il-punt tar-rikors fl-ewwel istanza ma jirreferix għall-figuri tal-appellanti, iżda għal dawk li nġabru mill-istituzzjonijiet Komunitarji. B’hekk, anki jekk jitqies li dan ir-riferiment tal-appellanti għar-rikors tagħha fl-ewwel istanza tinkludi argument li jissostanzja l-argument tagħha li jgħid li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data inizjali oħra għad-data pprovduta mill-appellanti twassal għal konklużjonijiet differenti, dan l-element ma jagħtix raġun lill-appellanti, peress li l-kliem “data tagħha” li jinsab fil-punt 205 tas-sentenza appellata ma jirreferux għall-figuri tal-appellanti.

57      Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, li anki li kieku d-data pprovduta mill-appellanti hija relatata mal-perijodu li jibda fl-1 ta’ April 1999, filwaqt li d-data ta’ Eurostat tirrigwarda l-perijodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2000, dan is-sempliċi fatt ma jimplikax li l-konstatazzjoni tal-Kunsill, li tgħid li l-figuri ta’ Eurostat u dawk tal-appellanti jidhru li jaqblu bejniethom, issir ineżatta. Hija kkonkludiet li l-appellanti ma indikatx li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data inizjali oħra għad-data tagħha setgħet twassal għal konklużjonijiet differenti f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet tal-importazzjonijiet. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-appellanti ma kinitx ipprovat l-eżistenza ta’ żball ta’ fatt jew ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-analiżi tal-prezzijiet tal-importazzjonijet.

58      Fir-rigward ta’ din l-analiżi, l-appellanti kkontestat, fl-ewwel istanza, id-data magħżula għall-perijodu tal-investigazzjoni kif ukoll ċerti paraguni li saru fir-rigward tal-livelli tal-prezzijiet ta’ importazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dan ir-rigward, jinsabu rispettivament fil-punti 170 sa 178 u 201 sa 207 tas-sentenza appellata. Min-naħa l-oħra, l-appellanti ma qajmitx, fl-ewwel istanza, l-argument li jikkonċerna l-punt inizjali kronoloġiku tal-ipproċessar tad-data li hija stess ikkomunikat lill-istituzzjonijiet Komunitarji. Għaldaqstant, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 110 tal-konklużjonijiet tagħha, dan l-argument huwa ġdid, u b’hekk inammissibbli fil-kuntest tal-appell, u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi akkużata talli vvizzjat is-sentenza appellata billi naqset milli tagħti deċiżjoni.

59      Għaldaqstant hemm lok sabiex it-tielet argument tal-ewwel parti tat-tieni motiv jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-tieni parti

60      Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball billi kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kunsill li tinsab fil-mija u tliet premessa tar-regolament kontenzjuż, li tgħid li l-ħażniet tal-industrija Komunitarja qalbu għall-agħar. L-appellanti tfakkar li hija ma kkontestatx id-data relatata mal-ħażniet imsemmija f’dan ir-regolament minħabba li din toħroġ minn informazzjoni kunfidenzjali pprovduta mill-produtturi Komunitarji. Hija tenfasizza, min-naħa l-oħra, li hija dejjem kienet kontra l-konklużjonijet ta’ dan ir-regolament li jgħidu li l-evoluzzjoni tal-ħażniet kienet tindika dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja.

61      L-appellanti ssostni li, bejn l-1998 u l-perijodu tal-investigazzjoni, il-produzzjoni tal-industrija Komunitarja kienet żdiedet b’432 % u madankollu, il-livell tal-ħażniet naqas bejn is-sena 2000 u dan il-perijodu. Il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li l-ħażniet żdiedu f’termini assoluti lejn tmiem l-2001 hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ż-żieda kunsiderevoli tal-produzzjoni tal-industrija Komunitarja kif ukoll il-fatt li t-titjib temporanju tal-livell tal-ħażniet kien jikkorrispondi mad-dħul fis-suq tal-importazzjonijiet Indjani.

62      F’dan ir-rigward, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li l-appellanti tillimita ruħha sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-eżattezza tad-data msemmija fir-regolament kontenzjuż. Il-Kunsill iżid li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward taż-żieda tal-ħażniet f’termini assoluti hija fattwalment korretta. Skont il-Kunsill, iż-żieda tal-ħażniet f’termini assoluti kienet tant kbira li wasslet ukoll għal żieda ta’ madwar 60 % f’termini relattivi bejn is-sena 1998 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni (minn 9.2 % sa 14.6 %), minkejja ż-żieda fil-produzzjoni tal-industrija Komunitarja.

63      Jirriżulta mill-punti 193 sa 195 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fl-ewwel lok, li l-appellanti ma tiddiskutix id-data tal-figuri li tinsab fit-tmenin premessa tar-regolament kontenzjuż. Fit-tieni lok, hija sostniet li, skont id-data mhux ikkontestata mill-appellanti, matul il-perijodu kollu bejn l-1998 sa tmiem il-perijodu tal-investigazzjoni, il-ħażniet tal-industrija Komunitarja żdiedu b’mod sinjifikanti. Fit-tielet lok, hija kkonkludiet li l-appellanti ma pprovatx li t-titjib tal-indikatur li jirrigwarda l-ħażniet espressi f’perċentwali ta’ produzzjoni mis-sena 2000 kien tali li jbiddel it-tendenza negattiva kkonstatata fuq il-perijodu kollu li ġie kkunsidrat.

64      Sa fejn l-appellanti għandha l-intenzjoni li tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. F’dan il-każ, l-appellanti tallega li l-interpretazzjoni, magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tad-data differenti li hija tiċċita, hija vvizzjata minn ineżattezza materjali u minn żnaturament tal-provi billi tirreferi għall-ħażniet f’ċifri assoluti.

65      Madankollu, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 127 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat żieda fil-ħażniet f’termini assoluti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala żnaturament tal-provi. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 195 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont ir-regolament kontenzjuż, l-evalwazzjoni tal-Kunsill kienet ukoll ibbażata fuq evalwazzjoni tal-evoluzzjoni tal-ħażniet f’termini relattivi. Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li jgħid li t-titjib temporanju tal-livell tal-ħażniet kien jikkorrispondi mad-dħul fis-suq tal-importazzjonijiet Indjani, dan jikkostitwixxi argument ġdid ta’ fatt, inammissibbli fil-kuntest tal-appell.

66      L-argument tal-appellanti li jgħid li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 195 tas-sentenza appellata, dwar il-livell ta’ ħażniet hija interpretazzjoni ġdida, li mhijiex sostnuta mir-regolament kontenzjuż, għandu wkoll jiġi miħċud. Fil-fatt, jirriżulta kjarament mit-tmenin premessa tar-regolament kontenzjuż li l-ħażniet, espressi f’perċentwali tal-produzzjoni ta’ CD-Rs, kisbu r-rata għolja ta’ 15 % matul il-perijodu tal-invesitgazzjoni.

67      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, it-tieni parti tat-tieni motiv hija inammissibbli.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala inammissibbli.

 Fuq it-tielet motiv

69      L-appellanti ssostni li l-evalwazzjoni tad-dannu, li huwa distint mill-kwistjoni tar-rabta kawżali, tikkonċerna r-riżultati tal-industrija Komunitarja nnifisha, u li l-Artikolu 8(7) tar-regolament bażiku jimponi li ma għandux ikun hemm inċidenza fuq din l-evalwazzjoni mill-effetti ta’ fatturi oħra. F’dan ir-rigward, l-appellanti tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi ddeċidiet li l-evalwazzjoni tad-dannu tikkonċerna biss id-differenza bejn il-prezzijiet Komunitarji u l-prezzijiet tal-importazzjoni. Issa, din il-kwistjoni tikkonċerna l-analiżi li tirriżulta mid-determinazzjoni tar-rabta kawżali.

70      Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt tal-miżati eċċessivi meta ġie ddeterminat id-dannu subit mill-industrija Komunitarja. L-appellanti tindika li drittijiet tal-awtur eċċessivi, li jikkostitwixxu abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, kellhom effett negattiv fuq dawn ir-riżultati. L-istituzzjonijiet Komunitarji ma pprovawx li fin-nuqqas ta’ dawn id-drittijiet eċċessivi, xorta waħda kien isir dannu u li l-marġni għall-kalkolu tad-dannu kienu jibqgħu l-istess.

71      L-appellanti ssostni li, fil-punt 272 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet b’mod żbaljat li s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Extramet Industrie vs Il‑Kunsill kif ukoll Mukand et vs Il‑Kunsill kienu jikkonċernaw każijiet ta’ attività anti-kompetittiva min-naħa tal-produtturi Komunitarji nnifishom filwaqt li, f’dan il-każ, il-prattika anti-kompetittiva mhijiex attribwibbli lill-produtturi Komunitarji.

72      Skont l-appellanti, ir-rilevanza tal-prattika anti-kompetittiva, bħal dik ikkonstatata fil-kawża li tat lok għas-sentenza Mukand et vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, ma tirriżultax mill-fatt li l-industrija Komunitarja nnifisha ta’ CD-Rs kienet kompliċi f’attività anti-kompetittiva, iżda tirriżulta mill-fatt li r-riżultati ta’ din l-industrija kienu affettwati minnha u l-effetti ta’ din l-attività anti-kompetittiva għandhom għaldaqstant jiġu eliminati sabiex il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(7) tar-regolament bażiku jiġu ssodisfati.

73      Il-Kunsill isostni li t-tielet aggravju huwa inammissibbli u, f’kull każ, nieqes minn fondatezza. Huwa jsostni li l-appellanti ma tispeċifikax liema konklużjoni tas-sentenza appellata hija tikkontesta u lanqas liema ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju hija qed tilmenta fil-konfront tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

74      Skont il-Kunsill, jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ teżisti rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji u d-dannu subit mill-industrija Komunitarja anki jekk it-telf dovut għall-importazzjonijiet jikkostitwixxi biss fattur ta’ dannu fost oħrajn. L-analiżi tar-rabta kawżali għandha twassal lill-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jivverifikaw li fatturi oħra ta’ dannu magħrufa ma kisrux din ir-rabta bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji u d-dannu kkonstatat. B’hekk, l-inċidenza tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji għandha tkun tant minima li d-dannu kkaġunat minn dawn l-importazzjonijiet ma jkunx jista’ jitqies iktar bħala kbir.

75      Barra minn hekk, il-kritika, magħmula mill-appellanti, fir-rigward tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 272 tas-sentenza appellata, tas-sentenza Mukand et vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, hija żbaljata. L-appellanti tiżnatura s-sens ta’ dan il-punt billi timplika li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’eżaminatx l-argument relatat mal-miżati eċċessivi. Issa, jidher li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat dan l-argument, b’mod partikolari fil-punt 270 tas-sentenza appellata.

76      Barra minn hekk, l-appellanti ma pprovatx fhiex il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat b’mod żbaljat l-inċidenza tal-miżati fuq l-industrija Komunitarja. Il-Kunsill isostni li, fil-punti 260 sa 279 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argument li jgħid li l-Kunsill naqas mill-jeżamina din l-inċidenza u ma qiesx li kien neċessarju li jiddetermina l-effetti preċiżi tagħha.

77      Il-Kummissjoni tqajjem ukoll l-inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju. Fil-fatt, l-appellanti tidher li tipprova tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti u ma tattakkax il-konstatazzjoni prinċipali tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li l-prattika anti-kompetittiva mhijiex attribwibbli lill-produtturi Komunitarji.

78      Fir-rigward tal-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-istituzzjonijiet Komunitarji, għandu jitfakkar li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet imsemmija u mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 ta’ din is-sentenza li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu din it-talba b’mod speċifiku.

79      F’dan il-każ, l-appellanti tikkontesta preċiżament il-punt 272 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-prattika anti-kompetittiva allegata mhijiex attribwibbli għall-imġiba tal-produtturi Komunitarji. Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tindika b’mod ċar l-elementi tas-sentenza appellata li hija tikkritika u tiżviluppa argumentazzjoni legali intiża sabiex tipprova li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-applikazzjoni, min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji, tal-Artikolu 8(7) tar-regolament bażiku.

80      Għaldaqstant, hemm lok sabiex l-argument ta’ inammissibbiltà ibbażat fuq in-nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża tal-elementi kkritikati tas-sentenza appellata jiġi miċħud.

81      Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, ġustament, fil-punt 260 tas-sentenza appellata, li meta jiġi determinat id-dannu, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom l-obbligu li jeżaminaw jekk id-dannu jirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ sussidji u għandhom jeskludu kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħra, u b’mod partikolari dak ikkawżat minn aġir anti-kompetittiv li jinvolvi lill-produtturi Komunitarji. Sussegwentement, hija tammetti, fil-punt 263 tas-sentenza appellata, li mill-mija u ħamsa u tletin premessa tar-regolament kontenzjuż ma jirriżultax li l-istituzzjonijiet Komunitarji effettivament eżaminaw il-kwistjoni dwar jekk id-dannu kkunsidrat kienx jirriżulta mill-aġir antikompetittiv allegat.

82      B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, fil-punti 264 sa 272 tas-sentenza appellata, jekk il-Kunsill eskludiex id-dannu eventwali li jirriżulta mill-imġiba antikompetittiva invokata mill-appellanti.

83      Fir-rigward tal-inċidenza tal-miżati fuq ir-rabta kawżali, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 269 tas-sentenza appellata, korrettement enfasizzat li l-istituzzjonijiet Komunitarji huma marbuta jeżaminaw jekk l-effetti li jirriżultaw minn fattur estern kinux tali li jiksru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet inkwistjoni u d-dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja, b’riferiment għall-punt 232 tas-sentenza appellata li tiċċita l-ġurisprudenza stabbilita f’dan ir-rigward. Issa, hija qieset li dan l-eżami ma jimplikax neċessarjament determinazzjoni tal-effetti preċiżi tal-fattur inkwistjoni.

84      Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat, fil-punt 270 tas-sentenza appellata, il-konklużjoni tal-Kunsill li tgħid li l-ħlas ta’ miżati ma setax ikollu inċidenza fuq id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet issussidjati, ġaladarba dawn il-miżati kienu jeżistu diġà qabel ma l-importazzjonijiet inkwistjoni saru kbar.

85      Għandu jitfakkar li fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiegħsa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom jeżaminaw (ara sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2008, AGST Draht- und Biegetechnik, C‑398/05, Ġabra p. I‑1057, punt 33).

86      Hija ġurisprudenza stabbilita, li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu lill-industrija Komunitarja tippresupponi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjoni bħal din għandu għalhekk jiġi limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti kkonstatati, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-fatturi li jikkawżaw dannu lill-industrija Komunitarja fil-kuntest ta’ proċeduri kontra s-sussidji (ara sentenza AGST Draht- und Biegetechnik, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

87      Fil-konstatazzjoni tad-dannu, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jeżaminaw jekk id-dannu li huma għandhom il-ħsieb li jikkunsidraw jirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet issussidjati u li jeskludu kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħra u, b’mod partikolari, dak ikkawżat mill-aġir tal-produtturi Komunitarji nnifishom (ara sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Extramet Industrie vs Il‑Kunsill, punt 16, kif ukoll AGST Draht- und Biegetechnik, punt 35).

88      F’dan ir-rigward, huma l-istituzzjonijiet Komunitarji li għandhom jivverifikaw jekk l-effetti ta’ dawn il-fatturi l-oħra kinux tali li jkissru r-rabta kawżali bejn, minn naħa, l-importazzjonijiet inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, id-dannu subit mill-industrija Komunitarja. Huma għandhom ukoll jivverifikaw li d-dannu attribwibbli lil dawn il-fatturi l-oħra ma tteħidtx inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tad-dannu skont l-Artikolu 8(7) tar-regolament bażiku u li, għaldaqstant, id-dazju ta’ kumpens impost ma jeċċedix dak li hu neċessarju biex jiġi eliminat id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidju.

89      Huwa evidenti li mġiba li taffettwa direttament il-prezzijiet tal-prodotti mmanifatturati fil-Komunità, f’dan il-każ il-ħlas ta’ miżati, tista’ tkun tali li tqiegħed indiskussjoni, fl-ewwel lok, ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet issussidjati u d-dannu (ara, f’dan is-sens, sentenza AGST Draht- und Biegetechnik, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 sa 54) u, fit-tieni lok, l-evalwazzjoni tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja minħabba t-tnaqqis tal-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet.

90      Skont l-Artikolu 8(7) tar-regolament bażiku, il-fatturi magħrufin, minbarra l-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ sussidji, għandhom ukoll jiġu eżaminati b’mod li d-dannu kkawżat minn dawn il-fatturi l-oħra ma jiġix attribwit lil dawn l-importazzjonijiet. B’hekk, l-għan ta’ din ir-regola huwa li l-industrija Komunitarja ma tingħatax protezzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

91      Madankollu, jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji jikkonstataw li, minkejja dawn il-fatturi, id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji huwa kbir skont l-Artikolu 8(1) tar-regolament bażiku, ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet issussidjati u d-dannu subit mill-industrija Komunitarja tista’ b’hekk tiġi stabbilita. F’dan il-każ, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 269 tas-sentenza appellata, sabiex jiġi stabbilit li r-rabta’ kawżali bejn l-importazzjonijiet issussidjati u d-dannu subit mill-industrija Komunitarja tinżamm, jeħtieġ biss li l-istituzzjonijiet Komunitarji jikkonstataw li, minkejja l-fattur estern, id-dannu għall-produtturi Komunitarji kien kunsiderevoli.

92      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, fl-ewwel lok, fil-punt 270 tas-sentenza appellata, li l-ħlas ta’ miżati ma setax ikollu inċidenza fuq id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet issussidjati, fid-dawl tal-fatt li dan il-fattur kien preżenti qabel ma dawn l-importazzjonijiet saru kbar.

93      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punt 274 tas-sentenza kkontestata, il-fatt li l-produtturi kollha ta’ CD-Rs, inkluża l-appellanti, kellhom iħallsu l-miżati allegatament anti-kompetittivi. Għaldaqstant, din il-prattika anti-kompetittiva allegata ma kinitx tali li tikkontesta l-konklużjoni li tgħid li l-ħlas ta’ tali miżati ma kellux inċidenza fuq id-dannu subit mill-industrija Komunitarja minħabba l-importazzjonijiet issussidjati, fid-dawl tal-fatt li din il-prattika kellha inċidenza kemm fuq il-prezzijiet Komunitarji kif ukoll fuq il-prezz ta’ importazzjoni. Dan il-fattur estern lanqas ma kien tali li jinfluwenza d-differenza bejn il-prezzijiet Komunitarji u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet ġustament, fil-punt 275 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill seta’ qies li anki l-miżati allegatament eċċessivi ma setgħux jinfluwenzaw il-kalkolu tal-livell ta’ tnaqqis u li l-konklużjoni li tinsab fil-mija u erbgħa u tletin premessa tar-regolament kontenzjuż kienet għaldaqstant raġonevoli.

94      Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza pprovat b’mod suffiċjenti li, fil-mument tad-determinazzjoni tad-dannu, l-effetti ta’ dawn il-fatturi esterni kienu distinti u mhux attribwiti lill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet issussidjati.

95      Għaldaqstant, hemm ukoll lok li t-tielet aggravju jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

96      Peress li ebda aggarvju mqajjem minn Moser Baer India Ltd ma ġie milqugħ, l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

97      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Moser Baer India Ltd tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill. Skont is-subartikolu 4 tal-imsemmi Artikolu 69, applikabbli wkoll għall-proċedura tal-appell skont l-imsemmi Artikolu 118, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Moser Baer India Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.