Language of document : ECLI:EU:T:2019:832

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rapport ta’ evalwazzjoni – Regolarità tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ evalwazzjoni ta’ appell – Obbligu ta’ imparzjalità tal-evalwatur tal-appell”

Fil-Kawża T‑808/17,

Ralph Pethke, residenti f’Alicante (Spanja), irrappreżentat minn H. Tettenborn, avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Lukošiūtė, bħala aġent, assistita minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent dwar is-sena 2016 kif ukoll, jekk meħtieġ, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-EUIPO tat‑18 ta’ Ottubru 2017 li tiċħad l-ilment tar-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn H. Kanninen, President, C. Iliopoulos u I. Reine (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skont l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”):

“L-abilità, l-effiċjenza u l-imġiba fis-servizz ta’ kull uffiċjal għandhom ikunu suġġetti għal rapport annwali kif previst mill-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni skont l-Artikolu 110. Dak ir-rapport għandu jiddikjara jekk il-livell ta’ prestazzjoni tal-uffiċjal kienx sodisfaċenti jew le. L-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni għandha tistabbilixxi d-disposizzjonijiet li jagħtu d-dritt għal appell fi ħdan il-proċedura ta’ rappurtar, li għandu jiġi eżerċitat qabel ma jitressaq ilment kif imsemmi fl-Artikolu 90(2).

[…]

Ir-rapport għandu jkun ikkomunikat lill-uffiċjal. Għandu jkun intitolat li jagħmel kwalunkwe kumment fuqhom li huwa jikkonsidra rilevanti.”

2        Sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), mill‑1 ta’ Ottubru 2014, japplika d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 8985 tas‑16 ta’ Diċembru 2013 dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“DĠI 43”).

3        L-Artikolu 3 tad-DĠI 43, intitolat “Ir-rwoli u l-gradi tad-diversi partijiet”, jipprovdi:

“1. L-evalwatur huwa s-superjur ġerarkiku dirett tad-detentur tal-kariga u, bħala regola ġenerali, il-kap tad-diviżjoni tiegħu fil-kariga fl‑1 ta’ Diċembru tal-perijodu ta’ referenza.

[…]

2. L-evalwatur tal-appell huwa s-superjur ġerarkiku dirett tal-evalwatur meta jsir l-ewwel intervent ta’ dan is-superjur ġerarkiku fil-proċedura ta’ evalwazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6.

[…] Jekk id-direttur ġenerali huwa l-evalwatur, l-evalwatur tal-appell huwa d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani. […]

Id-detentur tal-kariga li jkun ikkomunika informazzjoni msemmija fl-Artikolu 22a(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal jista’, fil-mument tar-rifjut motivat tar-rapport previst fl-Artikolu 7(1), jitlob li r-rwol tal-evalwatur tal-appell jittieħed mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani jew mis-Segretarju Ġenerali.

3. F’każijiet eċċezzjonali ġġustifikati mir-rieda li jaġixxi fl-interess tad-detentur tal-kariga jew fil-każ ta’ bidla fl-organigramma ta’ dipartiment jew ta’ direttorat ġenerali, id-direttur ġenerali jista’ jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 sabiex jieħu inkunsiderazzjoni tal-kuntest partikolari li jirriżulta mill-każ ineżami jew mill-bidla, rispettivament.

[…] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

4        L-Artikolu 7 tad-DĠI 43 jirregola l-proċedura ta’ appell kif ġej:

“1. Ir-rifjut motivat tar-rapport mid-detentur tal-kariga […] iwassal għal riferiment awtomatiku lill-evalwatur tal-appell. […]

2. Fuq talba fformulata mid-detentur tal-kariga fir-rifjut motivat tiegħu tar-rapport, l-evalwatur tal-appell għandu jkollu djalogu miegħu fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mid-data tar-rifjut motivat tar-rapport. Id-detentur tal-kariga jista’ jkun assistit matul id-djalogu minn detentur tal-kariga ieħor, differenti mill-evalwatur. L-evalwatur tal-appell jista’ jitlob lil detentur tal-kariga ieħor, differenti mill-evalwatur, jassistih matul id-djalogu.

3. F’terminu ta’ għoxrin jum tax-xogħol mid-data tar-rifjut motivat tar-rapport u wara d-djalogu previst fil-paragrafu 2, l-evalwatur tal-appell għandu jikkonferma r-rapport jew jemendah billi jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu.

[…]

Id-deċiżjoni tal-evalwatur tal-appell ma tistax tkun ibbażata fuq fatti li d-detentur tal-kariga ma kellux diġà l-possibbiltà li jikkummenta fuqhom matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni jew ta’ appell, sakemm din il-possibbiltà ma tingħatax lilu fi żmien xieraq mill-evalwatur tal-appell.

4. Wara d-deċiżjoni tal-evalwatur tal-appell, ir-rapport isir definittiv. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        L-Anness I tad-DĠI 43 jirregola l-każijiet partikolari. Konformement mal-punt 2 tiegħu, jekk, matul il-perijodu ta’ referenza, iżda mhux inqas minn erba’ xhur wara l-perijodu kopert mir-rapport preċedenti jew mill-kontribuzzjoni preċedenti inkluża fir-rapport, id-detentur tal-kariga jiġi ttrasferit f’kariga oħra fi ħdan il-Kummissjoni jew jiġi ssekondat skont l-Artikolu 37(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, is-superjur ġerarkiku dirett tiegħu għandu jabbozza kontribuzzjoni fuq il-prestazzjoni tad-detentur tal-kariga, li tiġi inkluża fir-rapport ikkonċernat.

6        Wara l-adozzjoni tad-DĠI 43, l-EUIPO adotta l-istruzzjonijiet tas-servizz dwar l-evalwazzjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-EUIPO f’dokument intitolat “Work Instruction: Appraisals at EUIPO” (iktar ’il quddiem l-“istruzzjonijiet tas-servizz tal-EUIPO”). Fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-DĠI 43, l-istruzzjonijiet tas-servizz tal-EUIPO jipprevedu li, jekk id-direttur eżekuttiv huwa l-evalwatur, l-evalwatur tal-appell ikunn kumitat kompost mill-assistent direttur eżekuttiv, mid-direttur tad-dipartiment għar-riżorsi umani u mid-direttur tad-dipartiment għall-kwistjonijiet legali.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Ir-rikorrent, Ralph Pethke, avukat, daħal fis-servizz tal-EUIPO fl‑2000 bħala membru tal-persunal temporanju. Fl‑2002, huwa ġie nnominat uffiċjal permanenti fil-kategorija AD (amministratur).

8        Fl‑2006, ir-rikorrent għadda minn proċedura ta’ selezzjoni bħala “kap ta’ diviżjoni” fil-qasam tal-ġestjoni. Konsegwentement, huwa ġie assenjat bħala kap ta’ diviżjoni f’dipartiment tat-trade marks.

9        F’Mejju 2011, ir-rikorrent, sadanittant promoss għall-grad AD 11, ġie assenjat mill-ġdid fil-kariga ta’ assistent direttur tad-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Affarijiet Legali. F’Ottubru 2012, huwa ġie assenjat mill-ġdid fil-kariga ta’ direttur tad-Dipartiment tal-Persunal u l-Finanzi.

10      F’Ottubru 2014, ir-rikorrent ġie assenjat mill-ġdid fil-kariga ta’ direttur tad-Dipartiment tal-Operazzjonijiet. Is-superjur ġerarkiku tiegħu kien id-direttur eżekuttiv tal-EUIPO.

11      Fir-rapport annwali ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2014, ġie konkluż li, ġeneralment, l-abbiltà, l-effiċjenza u l-imġiba fis-servizz tar-rikorrent kienu jikkorrispondu mal-livell meħtieġ mill-kariga okkupata. Fir-rigward tar-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2015, dan jikkonkludi li, ġeneralment, l-abbiltà, l-effiċjenza u l-imġiba fis-servizz tar-rikorrent kienu ’l fuq mil-livelli meħtieġa mill-kariga okkupata. Peress li s-suċċess miksub fil-qafas tar-riorganizzazzjoni tal-EUIPO mwettqa matul is-snin 2014 u 2015 ma kienx ġie apprezzat kif xieraq, ir-rikorrent madankollu rrifjuta li jiffirma dawn ir-rapporti, mingħajr, madankollu, ma ppreżenta ebda lment.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2016, id-direttur eżekuttiv tal-EUIPO assenja mill-ġdid lir-rikorrent, dak iż-żmien direttur tad-Dipartiment tal-Operazzjonijiet, fid-Dipartiment tal-Osservazzjonijiet tal-EUIPO, bħala espert legali għoli biż-żamma tiegħu fil-grupp ta’ funzjonijiet tiegħu kif ukoll tal-Grad 12 tiegħu u tal-iskala 2 tiegħu. Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, miċħuda permezz tas-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Pethke vs EUIPO (T‑169/17, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2019:135).

13      Fit‑8 ta’ Marzu 2017, id-direttur tad-Dipartiment tal-Osservazzjonijiet tal-EUIPO (iktar ’il quddiem l-“evalwatur”), li kien sar is-superjur ġerarkiku tar-rikorrent mis‑17 ta’ Ottubru 2016, żamm l-intervista annwali ta’ evalwazzjoni mar-rikorrent għas-sena 2016.

14      Fid‑9 ta’ Marzu 2017, l-evalwatur iffirma r-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent dwar is-sena 2016 (iktar ’il quddiem ir-“RE 2016”. Minn dan ir-rapport jirriżulta li, dwar il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar u s‑16 ta’ Ottubru 2016, l-evalwatur ikkonsulta wkoll d-direttur eżekuttiv tal-EUIPO, li kien is-superjur ġerarkiku tar-rikorrent matul dan il-perijodu (iktar ’il quddiem l-“ex superjur ġerarkiku”). Dan tal-aħħar ta l-kontribut tiegħu bil-miktub, li ġie inkluż fir-RE 2016, konformement mal-punt 2 tal-Anness I tad-DĠI 43.

15      Ir-RE 2016 jikkonkludi li “ġeneralment, l-abbiltà, l-effiċjenza u l-imġiba fis-servizz [tar-rikorrent] jikkorrispondu mal-livell meħtieġ mill-kariga okkupata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

16      B’mod iktar partikolari, taħt it-titolu “Kompetenzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], l-evalwatur immotiva l-evalwazzjoni tiegħu tar-rikorrent billi għamel riferiment komplet għall-kontribuzzjoni abbozzata mill-ex superjur ġerarkiku. Barra minn hekk, taħt it-titolu “Evalwazzjoni tal-evalwatur”, jissemma qabelxejn li r-rikorrent kien ġie assenjat mill-ġdid fid-Dipartiment tal-Osservazzjonijiet minn nofs Ottubru 2016 biss. Sussegwentement, l-evalwatur jagħmel riferiment għall-evalwazzjoni tar-rikorrent dwar l-ewwel disa’ xhur tal‑2016, imwettqa mis-superjur ġerarkiku tiegħu matul dan il-perijodu, jiġifieri d-direttur eżekuttiv tal-EUIPO. Din l-evalwazzjoni hija rriprodotta kif ġej:

“[I]l-prestazzjoni [tar-rikorrent] fid-[Dipartiment tal-Operazzjonijiet] kienet iktar baxxa fir-rigward ta’ riżultati u ta’ telf ta’ produttività b’mod partikolari fil-qasam tal-oppożizzjonijiet, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza u l-komunikazzjoni parzjali u inkompleta tar-riżultati [lid-direttur eżekuttiv]. L-imġiba tiegħu ġiet ikkritikata wkoll, sa fejn huwa ma kienx qasam informazzjoni importanti b’mod xieraq.

Bħala direttur tad-[Dipartiment tal-Operazzjonijiet], [ir-rikorrent] ma ħax il-miżuri neċessarji sabiex jittratta s-sitwazzjoni, li kien poġġa lill-EUIPO f’sitwazzjoni kumplessa fir-rigward ta’ dewmien akkumulat u kien wassal [lill-ex superjur ġerarkiku] biex jitlef il-kunfidenza fil-konfront tar-rikorrent bħala direttur. Minkejja li [r-rikorrent] kellu l-kompetenzi u l-abbiltajiet meħtieġa għal pożizzjoni maniġerjali, madankollu, fl‑2016, huwa ma weriex li għandu l-kapaċitajiet li jieħu l-passi t-tajbin sabiex jamministra s-sitwazzjoni eċċezzjonali.

Matul l-intervista ta’ evalwazzjoni (il-President tal-Kumitat tal-Persunal kien preżenti), [ir-rikorrent] ikkontesta diversi fatti, riżultati u ċifri tal-produzzjoni inklużi fl-evalwazzjoni tad-direttur eżekuttiv. L-uniku element insodisfaċenti li huwa qabel dwaru [kien jirrigwarda] il-ħeffa fid-deċiżjonijiet ta’ oppożizzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      Fl-aħħar nett, taħt l-istess titolu “Evalwazzjoni tal-evalwatur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], l-evalwatur iwieġeb għall-kritika espressa mir-rikorrent dwar il-pożizzjoni tiegħu fi ħdan id-Dipartiment tal-Osservazzjonijiet. F’dan ir-rigward, huwa jindika li dan id-dipartiment kien kuntent li r-rikorrent kien reġa’ ngħaqad magħhom, fid-dawl tal-esperjenza kbira tiegħu u tal-abbiltajiet tiegħu fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Barra minn hekk huwa nnotat li xi kompiti importanti kienu ngħataw f’qasir żmien lir-rikorrent, bi qbil ma’ dan tal-aħħar, u li l-prestazzjoni tiegħu kienet tajba.

18      Fis‑16 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent wera n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mar-RE 2016 u talab intervista mal-evalwatur tal-appell, jiġifieri d-direttur eżekuttiv tal-EUIPO, li huwa l-ex superjur ġerarkiku. Din l-intervista nżammet fis‑27 ta’ Marzu 2017.

19      Permezz ta’ ittra elettronika fl-istess jum, id-direttur eżekuttiv tal-EUIPO, fil-kwalità tiegħu ta’ evalwatur tal-appell, stieden lir-rikorrent jikkomunika bil-miktub, sat‑30 ta’ Marzu 2017, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil tiegħu mar-RE 2016 sabiex ikun jista’ jeħodhom inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-iffinalizzar ta’ dan ir-rapport.

20      Permezz ta’ ittra elettronika tat‑30 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent ikkomunika lill-evalwatur tal-appell il-kummenti addizzjonali tiegħu fuq ir-RE 2016. Ir-rikorrent qajjem, b’mod partikolari, il-ksur tar-regoli tal-proċedura ta’ evalwazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa qies, minn naħa, li d-direttur eżekuttiv tal-EUIPO, bħala evalwatur tal-appell, ma kellux id-dritt li jirrifjuta li jlesti l-proċess orali ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim imwaqqaf mill-Kummissjoni u l-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-EUIPO fil-kuntest tar-rimedju intern kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa osserva li l-evalwatur ma kienx għamel evalwazzjoni personali għal parti sinjifikanti mill-perijodu kopert mir-RE 2016.

21      Dawn il-kummenti tar-rikorrent kienu jirrigwardaw ukoll it-titolu “Kompetenzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tar-rapport, peress li l-punti li kienu mqajma fih kienu, skont hu, inġustifikati. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent innota li n-nuqqasijiet relatati mal-kwistjonijiet tal-“prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni”, tar-“reżiljenza” kif ukoll tal-“ħidma ma’ oħrajn” issemmew mingħajr ebda preċiżjoni konkreta. Fir-rigward tal-“kwalità u riżultati”, ir-rikorrent indika li, fit-tielet trimestru tas-sena 2016, il-kwalità kienet laħqet il-livell ta’ konformità jew ta’ eċċellenza. Fir-rigward tar-riżultati, ir-rikorrent indika li l-problemi ta’ dewmien fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ oppożizzjoni u għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu minħabba t-trasferiment ta’ 15 % tal-persunal esperjenzat fid-dipartimenti l-oħrajn tal-EUIPO fl‑2014 u fl‑2015, minkejja l-prekawzjonijiet irrepetuti tiegħu u dawk tal-kollegi tiegħu dwar il-konsegwenzi ta’ dan it-tnaqqis tal-persunal.

22      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent talab, l-ewwel nett, li jitħassru r-referenzi kollha, fir-RE 2016, għall-kontribuzzjoni tal-ex superjur ġerarkiku, it-tieni nett, li titħassar din il-kontribuzzjoni bħala tali u li jiġi spjegat li din kienet tħassret fid-dawl tar-riżultat tal-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ appell u, it-tielet nett, li l-evalwatur jiġi obbligat iwettaq l-evalwazzjoni imparzjali rispettiva tiegħu.

23      Permezz ta’ ittra elettronika tat‑30 ta’ Marzu 2017, l-evalwatur tal-appell informa lir-rikorrent li l-intervista ta’ appell kienet magħluqa u li kienet ser tittieħed inkunsiderazzjoni flimkien mal-kummenti addizzjonali tar-rikorrent mibgħuta permezz tal-ittra elettronika tiegħu tat‑30 ta’ Marzu 2017. F’dak li jirrigwarda t-talba tar-rikorrent li jitħassru, fir-RE 2016, ir-referenzi kollha għall-evalwazzjoni tal-ex superjur ġerarkiku dwar il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar u s‑16 ta’ Ottubru 2016, dan tal-aħħar spjega li, konformement mal-punt 2 tal-Anness I tad-DĠI 43 u mal-istruzzjonijiet tas-servizz tal-EUIPO, il-kontribuzzjoni tal-evalwatur preċedenti dwar il-prestazzjoni tal-membru tal-persunal kienet tikkostitwixxi parti mir-rapport u li l-evalwatur attwali kellu jieħu din il-kontribuzzjoni inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tiegħu.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2017, id-direttur eżekuttiv tal-EUIPO, bħala evalwatur tal-appell, ikkonferma r-RE 2016 imfassal mill-evalwatur. Huwa kkonkluda li ma kienx hemm raġunijiet li jiġġustifikaw li tiġi emendata l-evalwazzjoni globali mwettqa mill-evalwatur, skont liema, “ġeneralment, l-abbiltà, l-effiċjenza u l-imġiba fid-dipartiment [tar-rikorrent kienu] jikkorrispondu mal-livell meħtieġ mill-kariga okkupata”.

25      F’dan ir-rigward, id-direttur eżekuttiv tal-EUIPO, bħala evalwatur tal-appell, qabelxejn indika li l-evalwazzjoni tar-rikorrent setgħet validament tkun ibbażata fuq ir-riżultati tal-istħarriġ imwettaq mal-persunal f’Jannar 2016, minħabba l-fatt li dawn ir-riżultati kienu disponibbli fi Frar 2016, li r-rikorrent kien id-direttur tad-Dipartiment tal-Operazzjonijiet dak iż-żmien u li r-riżultati fir-rigward tal-għan intiż li jiġi żviluppat l-impenn tal-persunal kienu rilevanti. Sussegwentement, huwa argumenta li, minkejja l-mobbiltà tal-persunal fl-imsemmi dipartiment, bejn Jannar u Settembru 2016, għoxrin membru tal-persunal kienu ngħaqdu ma’ dan id-dipartiment. Fir-rigward tal-produttività, huwa kkonstata li l-istess dipartiment kien akkumula dewmien fil-qasam ta’ deċiżjonijiet ta’ oppożizzjoni. Fl-aħħar nett, huwa kkritika l-komunikazzjoni tar-rikorrent fir-rigward taċ-ċifri dwar il-prestazzjoni u r-riżultati tad-dipartiment inkwistjoni.

26      Fid‑19 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrent ippreżenta ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fil-konfront tar-RE 2016 u tad-deċiżjoni tal-evalwatur tal-appell tal‑10 ta’ April 2017 mal-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-EUIPO fil-kwalità ta’ Awtorità tal-Ħatra. L-argumenti invokati insostenn tal-ilment kienu bbażati, minn naħa, fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u, min-naħa l-oħra, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jwassal għal żnaturament tal-fatti. B’mod iktar partikolari, f’dak li jirrigwarda l-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, ir-rikorrent invoka żewġ istanzi ta’ ksur tar-regoli tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, imqajma diġà fil-kummenti addizzjonali tiegħu fuq ir-RE 2016, jiġifieri, minn naħa, li l-evalwatur kien espliċitament irrifjuta li jevalwa l-evalwazzjoni mwettqa mill-ex superjur ġerarkiku għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar u s‑16 ta’ Ottubru 2016 u, min-naħa l-oħra, li l-evalwatur tal-appell kien waqqaf l-intervista kmieni fil-kuntest tal-proċedura quddiemu. Barra minn hekk, huwa kkritika lill-EUIPO li naqas milli jagħmel stħarriġ indipendenti tal-evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016 minħabba l-fatt li l-evalwatur tal-appell tiegħu għal din is-sena kien l-ex superjur ġerarkiku, li kien ikkontribwixxa b’mod deċiżiv għall-abbozzar tar-RE 2016, bi ksur tal-proċedura prevista fl-istruzzjonijiet tas-servizz tal-EUIPO. Huwa qies ukoll li l-evalwatur tal-appell kien ċaħad mingħajr raġuni parti kbira mill-kritika li huwa kien qajjem fil-konfront tar-RE 2016.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-EUIPO ċaħad l-ilment tar-rikorrent, ippreżentat konformement mal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala infondat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment”). F’dak li jirrigwarda l-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq l-assenza ta’ stħarriġ indipendenti tar-RE 2016, il-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-EUIPO qies li l-istruzzjonijiet tas-servizz tal-EUIPO invokati mir-rikorrent ma kinux rilevanti, għaliex dawn kienu jirrigwardaw l-ipoteżi li fiha l-ex superjur ġerarkiku jaġixxi bħala evalwatur, li ma huwiex il-każ fil-każ ineżami. Huwa indika wkoll li r-regoli applikabbli ma kinux jipprevedu li l-evalwatur tal-appell għandu jwettaq reviżjoni indipendenti, peress li huwa s-superjur dirett tal-evalwatur u għalhekk indirettament tar-rikorrent. Huwa żied li r-rikorrent kien ikkontesta qabelxejn l-evalwazzjoni globali li tinsab fil-paġna 3 tar-RE 2016, skont liema, ġeneralment, l-abbiltà, l-effiċjenza u l-imġiba fis-servizz tar-rikorrent kienu jikkorrispondu mal-livell meħtieġ mill-kariga. F’dan ir-rigward, huwa fakkar li din l-evalwazzjoni globali kienet ġiet imfassla b’mod sovran u b’mod indipendenti mill-evalwatur, u mhux mill-ex superjur ġerarkiku.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent ippreżenta r-rikors odjern.

29      L-EUIPO ppreżenta r-risposta fis‑27 ta’ Frar 2018.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2018, il-President tar-Raba’ Awla stieden lir-rikorrent sabiex jippreżenta r-replika, billi jiffoka fuq l-argument tal-EUIPO, fil-punt 121 tar-risposta, skont liema l-motiv, ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, kien parzjalment inammissibbli. Ir-rikorrent ippreżenta r-replika fis‑16 ta’ April 2018, billi esprima ruħu wkoll fuq il-fondatezza tar-rikors. L-EUIPO ppreżenta l-kontroreplika fit‑28 ta’ Mejju 2018.

31      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tagħmel xi mistoqsijiet lill-partijiet fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Wara li wieġbu fit-terminu mogħti, il-partijiet ġew mistiedna mill-Qorti Ġenerali sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom fuq dawn it-tweġibiet. Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu mogħti. Wara l-osservazzjonijiet min-naħa tar-rikorrent fl‑1 ta’ April 2019, il-Qorti Ġenerali adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ġdida, billi għamlitlu mistoqsija addizzjonali. Fid-dawl tat-tweġiba tar-rikorrent ipprovduta fit‑2 ta’ Mejju 2019, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-EUIPO jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-tweġibiet tar-rikorrent ipprovduti kemm fl-osservazzjonijiet tiegħu tal‑1 ta’ April 2019 kif ukoll f’dawk tat‑2 ta’ Mejju 2019.

32      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

33      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-RE 2016, fil-verżjoni li ġiet ikkomunikata lilu fl‑10 ta’ April 2017;

–        sa fejn neċessarju, tannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

34      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

35      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent iqajjem sitt motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ir-rifjut tal-evalwatur li jeżamina personalment l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tiegħu għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar u s‑16 ta’ Ottubru 2016, it-tieni nett, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-evalwatur tal-appell, it-tielet nett, fuq in-nuqqas ta’ indipendenza ta’ dan tal-aħħar, ir-raba’ nett, fuq waqfien arbitrarju tad-djalogu fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-evalwatur tal-appell, il-ħames nett, fuq l-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li tikkonferma r-RE 2016 u tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u, is-sitt nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ir-RE 2016 tiegħu huwa bbażat fuq informazzjoni dwar prestazzjoni inkompleta u magħżula arbitrarjament. Fir-replika, bi tweġiba għall-punt 12 tar-risposta, huwa jżid barra minn hekk illegalità bbażata fuq il-fatt li l-kontribuzzjoni għall-evalwazzjoni annwali li tirrigwarda l-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sas‑16 ta’ Ottubru 2016 ġiet abbozzata minn rappreżentant tad-direttur eżekuttiv tal-EUIPO, u mhux mill-imsemmi direttur eżekuttiv innifsu. Fl-aħħar nett, fl-osservazzjonijiet tiegħu tal‑1 ta’ April 2019 fuq it-tweġiba tal-EUIPO għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrent jilmenta wkoll dwar l-applikazzjoni retroattiva u illegali fil-konfront tiegħu tal-verżjoni 6.7 tad‑19 ta’ Diċembru 2016 tal-istruzzjonijiet tas-servizz tal-EUIPO dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 43 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal.

36      Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrent b’mod partikolari ppreċiża l-portata tat-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ indipendenza tal-evalwatur tal-appell, billi kkonferma li dan kellu jinftiehem fis-sens li huwa bbażat, essenzjalment, fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-evalwatur tal-appell. Għaldaqstant għandu jitqies li t-tielet motiv huwa intiż, essenzjalment, li jikkontesta l-imparzjalità tal-evalwatur tal-appell u għandu jiġi eżaminat l-ewwel.

37      Ir-rikorrent jargumenta, essenzjalment, li l-ex superjur ġerarkiku ma setax ikun evalwatur tal-appell imparzjali fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni li tirrigwardah għas-sena 2016, għaliex huwa kien diġà kkontribwixxa b’mod deċiżiv għall-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għal din l-istess sena. Huwa jqis li dan il-mod ta’ proċedura jikser l-Artikolu 3 tad-DĠI 43 u tal-istruzzjonijiet tas-servizz tal-EUIPO u jwassal li jiġi prekluż stħarriġ indipendenti tal-kontribuzzjoni tal-ex superjur ġerarkiku u għalhekk evalwazzjoni aħjar u marka finali xierqa. Skont hu, mill-istruzzjonijiet tas-servizz tal-EUIPO jirriżulta li kumitat ta’ appell għandu jiddeċiedi fuq l-ilmenti dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa mid-direttur eżekuttiv.

38      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. Huwa jqis li l-istruzzjonijiet tas-servizz tal-EUIPO invokati mir-rikorrent ma humiex rilevanti, għaliex dawn jirrigwardaw l-ipoteżi skont liema d-direttur eżekuttiv jaġixxi bħala evalwatur, li ma huwiex il-każ fil-każ ineżami. L-EUIPO jindika wkoll li r-regoli applikabbli ma jipprevedux li l-evalwatur tal-appell iwettaq reviżjoni indipendenti, peress li huwa s-superjur dirett tal-evalwatur u għalhekk indirettament tar-rikorrent.

 Osservazzjonijiet preliminari fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

39      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-uffiċjali, l-evalwaturi jgawdu minn setgħa diskrezzjonali mill-iktar wiesgħa fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ix-xogħol tal-persuni li huma responsabbli li jevalwaw u ma huwiex il-kompitu tal-qorti li tintervjeni f’din l-evalwazzjoni u li tistħarreġ il-fondatezza tagħha, ħlief fil-każ ta’ żball jew ta’ eċċess manifest (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 1992, Maurissen vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑23/91, EU:T:1992:106, punt 40, u tal‑4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il‑Kummissjoni, T‑144/03, EU:T:2005:158, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq il-kontenut tar-rapporti ta’ evalwazzjoni huwa limitat għall-istħarriġ tar-regolarità proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 1994, Marcato vs Il‑Kummissjoni, T‑18/93, EU:T:1994:255, punt 45).

40      F’dak li jirrigwarda dan l-istħarriġ tar-regolarità proċedurali, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ddeċidew b’mod ġenerali li, fil-każ li istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jkollha setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji proċedurali mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkollha importanza iktar u iktar fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14; tas‑6 ta’ Novembru 2008, Ir-Renju tal-Olanda vs Il‑Kummissjoni, C‑405/07 P, EU:C:2008:613, punti 56 u 57, u tad‑9 ta’ Novembru 1995, France-Aviation vs Il‑Kummissjoni, T‑346/94, EU:T:1995:187, punti 32 sa 34). Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, il-punti rilevanti kollha tal-każ (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punt 404).

41      Għandu jiġi konkluż minn dan li s-setgħa diskrezzjonali partikolarment wiesgħa li jgawdu minnha l-evalwaturi għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ uffiċjal għandha tiġi bbilanċjata bl-osservanza partikolarment stretta tar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni u l-andament tal-proċedura prevista għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2002, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑92/01, EU:T:2002:220, punt 24, u tal‑5 ta’ April 2005, Christensen vs Il‑Kummissjoni, T‑336/02, EU:T:2005:115, punt 38).

 Osservazzjonijiet preliminari fuq id-dmir ta’ imparzjalità tal-uffiċjali

42      Għandu jitfakkar li d-dmir ta’ imparzjalità tal-uffiċjali huwa stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, skont liema l-uffiċjal għandu jissodisfa l-funzjonijiet li huma fdati lilu b’mod oġġettiv u imparzjali.

43      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti bid-dritt tal-Unjoni, li fosthom hemm id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 154).

44      L-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi b’mod partikolari li kull persuna għandha d-dritt li l-affarijiet tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit ta’ imparzjalità, impost fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, huwa intiż li jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament, li hija l-bażi tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit huwa intiż, b’mod partikolari, li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess eventwali fir-rigward tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal li jaġixxu għan-nom tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi. Fid-dawl tal-importanza fundamentali tal-garanzija ta’ indipendenza u ta’ integrità f’dak li jirrigwarda kemm il-funzjonament intern kif ukoll l-immaġini estern tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri ċ-ċirkustanzi kollha li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jkollu jiddeċiedi fuq każ għandu raġonevolment jifhem li huma ta’ natura li jidhru, f’għajnejn terzi, li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza tiegħu fil-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il‑Kummissjoni, C‑167/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:633, punt 57).

46      Barra minn hekk, dawn l-istituzzjonijiet, korpi u organi huma meħtieġa jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit ta’ imparzjalità fiż-żewġ komponenti tiegħu li huma, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, skont liema ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata ma għandu jimmanifesta pożizzjoni diġà meħuda jew preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, li konformement magħha din l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑521/15, EU:C:2017:982, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preċedenti kollha li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-motiv ibbażat, essenzjalment, fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-evalwatur tal-appell.

 Fuq il-fondatezza tal-motiv ibbażat, essenzjalment, fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-evalwatur tal-appell

48      F’dan il-każ, l-ewwel nett, id-direttur tad-Dipartiment tal-Osservazzjonijiet, li kien sar is-superjur ġerarkiku tar-rikorrent mis‑17 ta’ Ottubru 2016, ikkonsulta lill-ex superjur ġerarkiku dwar il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar u s‑16 ta’ Ottubru 2016, li jikkostitwixxi tliet kwarti mill-perijodu ta’ evalwazzjoni inkwistjoni (ara l-punt 14 iktar ’il fuq). It-tieni nett, il-kontribuzzjoni tal-ex superjur ġerarkiku ġiet inkluża kif inhi fir-RE 2016 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq). It-tielet nett, huwa s-superjur ġerarkiku tar-rikorrent mis‑17 ta’ Ottubru 2016 li ffirma r-RE 2016 bħala evalwatur (ara l-punti 13 u 14 iktar ’il fuq).

49      Barra minn hekk, fir-rimarki tiegħu fuq ir-RE 2016, ir-rikorrent prinċipalment ikkritika t-titolu “Kompetenzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tar-RE 2016 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), li huwa bbażat kollu fuq il-kontribuzzjoni tal-ex superjur ġerarkiku fir-rigward tal-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar u s‑16 ta’ Ottubru 2016, inkluża ukoll taħt it-titolu “Evalwazzjonijiet tal-evalwatur”, li tikkostitwixxi l-maġġorparti tagħha (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

50      Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-evalwatur tal-appell, ir-RE 2016 ġie rrivedut mill-ex superjur ġerarkiku bħala evalwatur tal-appell, li, wara li eżamina l-kritika tar-rikorrent imfakkra fil-punt 49 iktar ’il fuq dwar il-kontribuzzjoni tal-ex superjur ġerarkiku, ikkonkluda li ma kienx hemm raġunijiet li kienu jiġġustifikaw li tiġi emendata l-“evalwazzjoni globali” imwettqa mill-evalwatur (ara l-punt 24 iktar ’il fuq).

51      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura ta’ rimedju intern kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tista’ tikkontribwixxi għall-oġġettività tal-evalwazzjoni u sabiex tevita li tinfetaħ proċedura kontenzjuża biss jekk din toffri lill-membru tal-persunal li jikkontesta r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu l-garanzija li verament ser jitwettaq eżami mill-ġdid (sentenza tat‑3 ta’ April 2019, CJ vs ECDC, C‑139/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:281, punt 44).

52      Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża odjerna, fejn l-evalwatur tal-appell, li huwa l-ex superjur ġerarkiku u l-awtur ta’ kontribuzzjoni inkluża fir-RE 2016, kellu jeżamina mill-ġdid l-evalwazzjoni globali tar-rikorrent abbażi tal-osservazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, li, fil-mertu, kienu sempliċement jikkritikaw il-kontribuzzjoni rispettiva tiegħu, li kienet tagħmel parti essenzjali mill-evalwazzjoni tal-evalwatur.

53      Dan ingħad, il-proċedura ta’ rimedju intern kif implimentata fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ma hijiex ta’ natura li toffri garanziji suffiċjenti sabiex teskludi kull dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tal-evalwatur tal-appell.

54      F’dawn il-kundizzjonijiet, ma huwiex rilevanti l-fatt, invokat mill-EUIPO, li ma kienx l-ex superjur ġerarkiku li kien ippropona l-evalwazzjoni globali tar-rikorrent u li ma kienx hu li kien għażel, fost l-alternattivi li jinsabu fil-paġna 3 tar-RE 2016, l-għażla li “ġeneralment, l-abbiltà, l-effiċjenza u l-imġiba fis-servizz [tar-rikorrent] [kienu] jikkorrispondu mal-livell meħtieġ mill-kariga okkupata”. Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi ma jikkontestawx il-fatt li l-evalwatur tal-appell kellu, meta eżamina l-evalwazzjoni globali tar-rikorrent, jieħu pożizzjoni fuq il-kritika tar-rikorrent li kienet ifformulata esklużivament fil-konfront tal-punti inklużi fil-kontribuzzjoni tiegħu fir-RE 2016 bħala ex superjur ġerarkiku u li kien sar riferiment għaliha mill-evalwatur.

55      L-argumenti l-oħrajn tal-EUIPO lanqas ma jistgħu jinvalidaw il-konklużjoni msemmija fil-punt 53 iktar ’il fuq.

56      Fl-ewwel lok, l-EUIPO jindika li l-evalwatur tal-appell jeżerċita l-kompitu tiegħu bħala persuna li taf lill-membru tal-persunal li għandu jiġi evalwat u jirrevedi f’din il-kwalità l-evalwazzjoni li l-evalwatur wettaq, li neċessarjament tinkludi punti suġġettivi.

57      Ċertament, skont il-ġurisprudenza, l-evalwaturi ma jistgħux jitqiesu bħala parzjali u nieqsa minn imparzjalità minħabba s-sempliċi fatt li, fil-kwalità tagħhom ta’ superjuri ġerarkiċi, huma responsabbli mix-xogħol tal-uffiċjali mpoġġija taħt l-awtorità tagħhom u li, konsegwentement, huma involuti fl-attivitajiet professjonali tagħhom, speċjalment peress li huwa biss dan l-involviment li jippermettilhom jagħmlu l-evalwazzjoni l-iktar xierqa possibbli fuq l-attivitajiet tal-persuni li jaħdmu taħt id-direzzjoni tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Andrieu vs Il‑Kummissjoni, T‑285/04, EU:T:2006:215, punt 68).

58      Madankollu, mill-proċess ma jirriżultax li r-rikorrent jikkontesta l-involviment tal-ex superjur ġerarkiku fil-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ appell bħala tali. Huwa jikkritika l-involviment tiegħu fil-proċedura ta’ appell għal raġuni speċifika, jiġifieri li, bħala superjur ġerarkiku dirett għal tliet kwarti mill-perijodu kkonċernat, huwa kkontribwixxa b’mod deċiżiv għall-abbozzar tar-RE 2016 u sussegwentement ta deċiżjoni fuq l-imsemmi rapport bħala evalwatur tal-appell, fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent ibbażati fuq il-punti inklużi fil-kontribuzzjoni rispettiva tiegħu.

59      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-EUIPO li jipprovdi li l-evalwazzjoni globali tar-rikorrent ma għandha xejn negattiv, għaliex din tikkorrispondi ma’ dak li huwa mistenni minn kull membru tal-persunal, fi kwalunkwe każ, dawn huma evalwazzjonijiet suġġettivi magħmula mill-EUIPO, u mhux mir-rikorrent innifsu. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-evalwazzjoni globali tar-rikorrent għas-sena 2016 ma kinix l-aħjar minn fost il-possibbiltajiet previsti fil-formolarju ta’ evalwazzjoni. It-tieni nett, l-evalwazzjoni globali tar-rikorrent għas-sena 2016 kienet agħar minn dik għas-sena 2015 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). It-tielet nett, ir-rikorrent irrifjuta li jiffirma r-rapporti ta’ evalwazzjoni għas-snin 2014 u 2015, minkejja li l-evalwazzjoni globali tiegħu kienet identika jew anki superjuri għal dik magħżula fir-RE 2016 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq).

60      Barra minn hekk, anki jekk l-evalwazzjoni globali tar-rikorrent għas-sena 2016 kellha titqies li ma għandha xejn negattiv, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent jikkontesta l-kompetenza tal-ex superjur ġerarkiku u l-imparzjalità tiegħu, bħala evalwatur tal-appell, sabiex jivverifika mhux biss l-evalwazzjoni globali inkluża fir-RE 2016, iżda wkoll l-evalwazzjonijiet li hemm inklużi fih.

61      Issa, l-evalwazzjonijiet ippreżentati fir-RE 2016 ma jistgħux jitqiesu li ma għandhom xejn negattiv. Fil-fatt, dawn l-evalwazzjonijiet huma bbażati kważi totalment fuq l-evalwazzjoni tal-ex superjur ġerarkiku dwar l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2016, li kienet tinkludi l-kritika li ġejja fil-konfront tar-rikorrent. L-ewwel nett, ġiet ifformulata xi kritika fil-konfront tar-rikorrent fir-rigward tal-prestazzjoni tiegħu fid-Dipartiment tal-Operazzjonijiet fir-rigward ta’ riżultati u telf ta’ produttività fil-qasam tal-oppożizzjonijiet, kif ukoll f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ trasparenza fl-effiċjenza u l-komunikazzjoni parzjali u inkompleta tar-riżultati lid-direttur eżekuttiv. It-tieni nett, ir-rikorrent ġie kkritikat li ma ħax il-miżuri neċessarji sabiex jittratta s-sitwazzjoni, li poġġa lill-EUIPO f’sitwazzjoni kumplessa fir-rigward ta’ dewmien akkumulat u wassal lill-ex superjur ġerarkiku biex jitlef il-kunfidenza fil-konfront tar-rikorrent bħala direttur. It-tielet nett, ġie indikat li, minkejja li r-rikorrent kellu l-kompetenzi u l-abbiltajiet meħtieġa għal pożizzjoni maniġerjali, madankollu, fl‑2016, huwa ma weriex li għandu l-kapaċitajiet li jieħu l-passi t-tajbin sabiex jamministra sitwazzjoni eċċezzjonali.

62      Fit-tielet lok, l-EUIPO jindika li, f’dan il-każ, l-istruzzjonijiet tas-servizz tal-EUIPO li jipprevedu li kumitat ta’ appell għandu jiddeċiedi fuq l-ilmenti dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa mid-direttur eżekuttiv, ma jistgħux ikunu rilevanti.

63      Bħalma jenfasizza l-EUIPO, huwa minnu li d-direttur eżekuttiv tiegħu ma kienx l-evalwatur tar-rikorrent għas-sena 2016 u li għaldaqstant ma kienx hemm lok li jsir riferiment għal kumitat ta’ appell sabiex jiġi vverifikat ir-RE 2016, konformement mal-Artikolu 3 tad-DĠI 43. Barra minn hekk, bħalma jindika l-EUIPO, l-istruzzjonijiet tas-servizz tal-EUIPO ma jinkludu ebda eċċezzjoni espressa li tirregola s-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal li kien is-superjur ġerarkiku tad-detentur tal-kariga fil-perijodu kkonċernat u li, minħabba mobbiltà interna jew promozzjoni, sar evalwatur tal-appell.

64      Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt, bħalma jfakkar ġustament ir-rikorrent, li l-Artikolu 3(3) tad-DĠI 43 jawtorizza lid-direttur ġenerali, jiġifieri, fil-kuntest tal-EUIPO, lid-direttur eżekuttiv tiegħu, li jidderoga mill-proċedura prevista bħala prinċipju sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest partikolari li jirriżulta mill-każ ineżami, u dan fl-interess tad-detentur tal-kariga. Issa, l-obbligu ta’ imparzjalità jikkostitwixxi garanzija fundamentali li għandha tiġi osservata, sabiex id-dritt għar-rikorrent li jikseb verament eżami mill-ġdid tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 iktar ’il fuq, ma jitneħħulux is-sustanza u l-effett utli kollu tiegħu. B’dan il-mod, l-obbligu li tiġi żgurata l-imparzjalità tal-proċedura ta’ rimedju intern kien jiġġustifika li ssir deroga, f’dan il-każ, mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ appell li tinsab fl-istruzzjonijiet tas-servizz tal-EUIPO.

65      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, għandu jintlaqa’ l-motiv ibbażat, essenzjalment, fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-evalwatur tal-appell. Din il-konklużjoni tiġġustifika fiha nfisha li r-RE 2016 jiġi annullat, sa fejn dan huwa vvizzjat b’illegalità, li fl-assenza tagħha dan seta’ jkollu kontenut differenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq l-argumenti u l-motivi l-oħrajn mqajma mir-rikorrent fil-kuntest tar-rikors odjern.

66      F’dak li jirrigwarda t-talba tar-rikorrent għall-annullament, sa fejn neċessarju, tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, huwa biss fl-istadju tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni li huma eżaminati b’mod iddettaljat l-argumenti sostnuti mir-rikorrent dwar l-osservanza tal-garanziji proċedurali relatati mal-proċedura ta’ rimedju intern fil-konfront tar-RE 2016, irrepetuti b’mod partikolari fit-tielet motiv. Minn dan isegwi li hemm lok ukoll li tiġi annullata, f’dan il-każ, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

 Fuq l-ispejjeż

67      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

68      F’dan il-każ, peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ Ralph Pethke dwar is-sena 2016 u d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat18 ta’ Ottubru 2017 li tiċħad l-ilment imressaq minn R. Pethke, huma annullati.

2)      L-EUIPO huwa kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn R. Pethke.

Kanninen

Iliopoulos

Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Diċembru 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.