Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Roma (l-Italja) fis-26 ta’ Marzu 2018 – Adriano Guaitoli et vs easyJet Airline Co. Ltd

(Kawża C-213/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale ordinario di Roma

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Adriano Guaitoli, Concepción Casan Rodriguez, Alessandro Celano Tomassoni, Antonia Cirilli, Lucia Cortini, Mario Giuli, Patrizia Padroni

Konvenuta: easyJet Airline Co. Ltd

Domandi preliminari

Fil-każ fejn parti, li sofriet id-dewmien jew l-annullament ta’ titjira, titlob konġuntament, mhux biss il-kumpensi fil-forma ta’ somma f’daqqa u uniformizzati msemmija fl-Artikoli 5, 7 u 9 tar-Regolament Nru 261/04 1 , iżda wkoll il-kumpens għad-dannu fis-sens tal-Artikolu 12 tal-istess regolament, għandu jiġi applikat l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jew il-“qorti li għandha ġurisdizzjoni” (tant fir-rigward tat-tqassim internazzjonali kif ukoll fir-rigward tal-ġurisdizzjoni interna) hija fi kwalunkwe każ irregolata mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/01 2 ?

Fl-ewwel ipoteżi msemmija fl-ewwel domanda, l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola biss it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn l-Istati, jew fis-sens li jirregola wkoll il-ġurisdizzjoni territorjali interna f’kull Stat Membru?

Fl-ewwel ipoteżi msemmija fit-tieni domanda, l-applikazjoni tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal hija “esklużiva” u tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/01, jew ukoll iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu jiġu applikati konġuntament, b’mod li tiġi ddeterminata direttament, kemm il-ġurisdizzjoni tal-Istat kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali interna tal-qrati tiegħu?

____________

1 Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).