Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Förvaltningsrätten i Linköping (l-Isvezja) fit-12 ta’ Lulju 2018 – Baltic Cable AB vs Energimarknadsinspektionen

(Kawża C-454/18)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Förvaltningsrätten i Linköping

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Baltic Cable AB.

Konvenuta: Energimarknadsinspektionen

Domandi preliminari

L-Artikolu 16(6) tar-Regolament dwar l-Elettriku 1 japplika għall-każijiet kollha fejn persuna tirċievi introjti mill-allokazzjoni ta’ interkonnessjoni, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi tagħha, jew għandu japplika biss fejn il-persuna li tirċievi l-introjti tkun operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, kif iddefinit fl-Artikolu 2(4) tad-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 16(6) tar-Regolament dwar l-Elettriku japplika biss għal operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, impriża li topera interkonnessjoni biss tista’ tiġi meqjusa bħala operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda jew għat-tieni domanda tfisser li l-Artikolu 16(6) tar-Regolament dwar l-Elettriku għandu japplika għal impriża li topera interkonnessjoni biss, l-ispejjeż relatati mat-tħaddim u mal-manutenzjoni ta’ interkonnessjoni, f’kull każ, jistgħu jiġu meqjusa bħala investimenti fin-netwerks sabiex il-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni jiġu miżmuma jew miżjuda, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(6)?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda jew għat-tieni domanda tfisser li l-Artikolu 16(6) tar-Regolament dwar l-Elettriku għandu japplika għal impriża li topera interkonnessjoni biss, l-awtorità regolatorja tista’, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(6) tar-Regolament dwar l-Elettriku, tapprova li din l-impriża li topera interkonnessjoni biss, li għandha metodoloġija sabiex tistabbilixxi t-tariffi iżda li ma għandhiex klijenti li jagħmlu pagamenti diretti b’ħlasijiet (tariffi) tan-netwerks li jistgħu jiġu mnaqqsa, tista’ tuża introjti mill-allokazzjoni ta’ interkonnessjoni sabiex tagħmel profitt jew, jekk ir-risposta għat-tielet domanda hija fin-negattiv, għat-tħaddim u għall-manutenzjoni?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda jew għat-tieni domanda tfisser li l- Artikolu 16(6) tar-Regolament dwar l-Elettriku għandu japplika għal impriża li topera interkonnessjoni biss, u r-risposta għat-tielet domanda u għar-raba’ domanda tfisser jew li l-impriża ma tistax tuża l-introjti li jirriżultaw mill-allokazzjoni ta’ interkonnessjoni għat-tħaddim u għall-manutenzjoni jew sabiex tagħmel profitt, jew li l-impriża tista’ tuża l-introjti għat-tħaddim u għall-manutenzjoni, iżda mhux sabiex tagħmel profitt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 16(6) tar-Regolament dwar l-Elettriku għal impriża li topera interkonnessjoni biss tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-dritt tal-Unjoni jew kontra kwalunkwe prinċipju applikabbli ieħor?

____________

1     Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15).