Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Awwissu 2007 - Economidis vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-80/07)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Ioannis Economidis (Woluwé-St-Etienne, Il-Belġju) (rappreżentanti: S. Orlandi, J.-N. Louis, A. Coolen u E. Marchal, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni għal riorganizzazzjoni tas-servizz ġenerali RTD safejn din id-deċiżjoni tirrigwarda l-postijiet tax-xogħol b'mod partikolari l-impiegi ta' kapitijiet ta' l-unitajiet F.1 "Aspetti orizzontali u koordinazzjoni" u F.5 "Bioteknoloġija tas-saħħa";

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F'Ottubru 2006, il-Kummissjoni, fil-kuntest ta' riorganizzazzjoni tad-DG RTD, ħatret lis-Sinjuri H u X bħala kapijiet ta' l-unitajiet F.1 u F.5. B'sentenza ta' l-14 ta' Diċembru 2006, Economidis vs Il-Kummissjoni, F-122/051, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Diċembru 2004, li tinnomina lis-Sur H bħala kap ta' l-unità "Bioteknoloġija u ġenomika [genomics] applikata", jiġifieri waħda mill-unitajiet ta' l-istess DG qabel ir-riorganizzazzjoni.

B'sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-ewwel nett ksur ta' l-Artikolu 233 KE, billi l-Kummissjoni, minħabba r-riorganizzazzjoni ta' l-imsemmi DG, issostni li mhuwiex possibbli li teżegwixxi s-sentenza ta' l-14 ta' Diċembru 2006. Skond ir-rikorrent, billi d-deċiżjoni tat-23 ta' Diċembru 2004 kienet ġiet annullata, is-Sur H ma setax jinħatar kap ta' unità fil-kuntest tar-riorganizzazzjoni tad-DG ikkonċernat.

Barra minn dan, ir-rikorrent isostni li għandha tapplika waħda minn żewġ possibbiltajiet: jew li l-unità "Bioteknoloġija u ġenomika applikata" għadha teżisti, iżda taħt denominazzjoni oħra u b'funzjonijiet iddefiniti mill-ġdid, jew li ġiet imneħħija definittivament. Fl-ewwel ipoteżi, l-amministrazzjoni għandha teżegwixxi s-sentenza ta' l-14 ta' Diċembru; fit-tieni sitwazzjoni, l-amministrazzjoni kellha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura ta' appell għall-postijiet tax-xogħol ta' kapijiet ta' l-unitajiet suġġetti għar-riorganizzazzjoni u b'dan tippermetti lir-rikorrent li jressaq il-kandidatura tiegħu. Billi ma kellhiex il-possibbiltà li tirrikorri għal din il-proċedura, il-konvenuta kisret l-Artikoli 4, 7, 27 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropew u l-prinċipju ta' possibbiltajiet raġonevoli għall-karriera.

____________

1 - ĠU C 331, 30.12.2006 p. 47.