Language of document : ECLI:EU:F:2008:125

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla)

8 ta’ Ottubru 2008

Kawża F-81/07

Florence Barbin

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2006 – Eżami komparattiv tal-merti”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu F. Barbin titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma tippromwovix lir-rikorrenti għall-grad AD 12 fil-proċedura ta’ promozzjoni 2006.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-20 ta’ Novembru 2006, li ma tippromwovix lir-rikorrenti fil-proċedura ta’ promozzjoni 2006 hija annullata. Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

Uffiċjali – Promozzjoni – Ilment minn kandidat li ma ġiex promoss – Deċiżjoni ta’ ċaħda – Nuqqas totali ta’ motivazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 u Artikoli 45 u 90(2))

L-Awtorità tal-Ħatra ma għandhiex obbligu tagħti raġunijiet għad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni fir-rigward tal-uffiċjali mhux promossi, iżda għandha, min-naħa l-oħra, obbligu li tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-ilment minn uffiċjal li ma ġiex promoss, peress li r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni ta’ ċaħda għandhom jikkoinċidu mar-raġunijiet tad-deċiżjoni li kontriha jkun sar l-ilment b’mod li l-eżami tal-mertu ta’ waħda u dak tal-oħra jingħaqdu flimkien.

In-nuqqas totali ta’ raġunijiet qabel il-preżentata ta’ rikors ma jistax jiġi kopert minn spjegazzjonijiet mogħtija mill-imsemmija awtorità wara l-preżentata tar-rikors. F’dan l-istadju, dawn l-ispjegazzjonijiet ma jissodisfawx iktar il-funzjoni tagħhom, li hija dik li tippermetti lill-persuna interessata tikkunsidra jekk għandhiex tippreżenta rikors, u lill-qorti tivverifika l-eżattezza tar-raġunijiet. Barra minn hekk, il-possibbiltà li dak li jkun ipatti għan-nuqqas totali ta’ raġunijiet wara l-preżentata ta’ rikors tkun ta’ dannu għad-drittjiet tad-difiża, peress li r-rikorrent jiċċaħħad mill-possibbiltà li jippreżenta l-motivi tiegħu kontra raġunijiet li jkun sar jaf bihom biss wara l-preżentata tar-rikors. Il‑prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qorti Komunitarja jiġi affettwat.

(ara l-punti 27 u 28)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustiżżja 30 ta’ Ottubru 1974, Grassi vs Il‑Kunsill, 188/73, Ġabra p. 1099, punt 13; 27 ta’ Ottubru 1977, Moli vs Il‑Kummissjoni, 121/76, Ġabra p. 1971, punt 12; 13 ta’ April 1978, Mollet vs Il‑Kummissjoni, 75/77, Ġabra p. 897, punt 12; 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22; 7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, Ġabra p. I‑225, punti 13 u 15; 23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, Ġabra p. I‑8691, punt 50; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Frar 1992, Volger vs Il‑Parlament, T‑52/90, Ġabra p. II‑121, punti 40 u 41; 20 ta’ Frar 2002, Roman Parra vs Il‑Kummissjoni, T‑117/01, ĠabraSP p. I‑A‑27 u II‑121, punt 32; 11 ta’ Diċembru 2007, Sack vs Il‑Kummissjoni, T‑66/05, Ġabra p. I‑0000, punt 66, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑38/08 P