Language of document : ECLI:EU:C:2011:297

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2011(1)

Kawżi magħquda C-483/09 u C-1/10

Magatte Gueye

u

Valentín Salmerón Sánchez

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Tarragona, Spanja)

“Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA – Status tal-vittmi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Protezzjoni tal-vittmi – Iffissar tal-piena – Obbligu li tiġi ddikjarata piena ta’ tbegħid anċillari li tipprojbixxi lill-persuna kkundannata milli tavviċina lill-vittma – Teħid inkunsiderazzjoni tal-volontà tal-vittma – Medjazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali”





I –    Introduzzjoni

1.        Il-kwistjoni ċentrali tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari odjerni tikkonċerna l-punt li jiġi stabbilit jekk id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2001/220/JHA, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (2), tipprojbixxix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li, f’każ ta’ vjolenza domestika, l-awtur huwa, abbażi ta’ piena anċillari, ipprojbit b’mod assolut u mandatorju milli jagħmel kuntatt mal-vittma, u dan anki meta din tal-aħħar tkun tixtieq li terġa’ tagħmel kuntatt miegħu.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

2.        L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220, intitolat “Rispett u rikonoxximent”, jistabbilixxi kif ġej:

“Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi jkollhom rwol sinifikanti u xieraq fis-sistema legali kriminali tieghu. Dan għandu jkompli jagħmel kull sforz sabiex jiżgura li l-vittmi jkunu trattati bir-rispett dovut għad-dinjità ta’ l-individwu matul il-proċeduri u għandu jirrikonoxxi d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-vittmi b’refernza partikolari għall-proċeduri kriminali.”

3.        L-Artikolu 3, intitolat “Seduti, u l-provvista ta’ provi”, jipprovvdi fl-ewwel paragrafu tiegħu li

“Kull Stat Membru għandu jissalvagwardja l-possibbiltà għall-vittmi li jinstemgħu matul il-proċeduri u li jkunu fornuti provi”.

4.        L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220 jikkonċerna “Id-dritt għall-protezzjoni”. L-Artikolu 8(1) tiegħu jipprovvdi kif ġej:

“Kull Stat Membru għandu jiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni għall-vittmi u, fejn ikun xieraq, lill-familji tagħhom jew persuni f’posizzjoni simili, partikolarment rigward is-sigurtà tagħhom u l-protezzjoni tal-privatezza tagħhom, fejn l-awtoritajiet kompetenti jikkonsidraw li jkun hemm riskju serju ta’ tpattija jew evidenza serja ta’ l-intenzjoni li ssir intrużjoni fil-privatezza tagħhom.”

5.        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220 jikkonċerna l-medjazzjoni matul il-proċeduri kriminali:

“Kull Stat Membru għandu jfittex li jippromwovi il-medjazzjoni fil-każi kriminali għal dawk ir-reati li tqis addattati għal din it-tip ta’ miżura.”

B –    Id-dritt nazzjonali

6.        Il-qorti tar-rinviju tindika li l-liġi Spanjola applikabbli għall-ksur kriminali fil-kamp tal-familja saret iktar ħarxa f’dawn l-aħħar snin. Hija tindika bħala raġuni ta’ politika kriminali, li dan il-ksur jikkostitwixxi ferita soċjali li tirrappreżenta waħda mill-ikbar manifestazzjoni tar-relazzjonijiet ta’ poter, storikament inugwali bejn l-irġiel u n-nisa.

7.        Jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet li għamlet il-qorti tar-rinviju li, fil-każijiet kollha ta’ vjolenza domestika, il-qrati huma marbuta jiddikjaraw, b’mod mandatorju, sa fejn jistabbilixxi l-Artikolu 57(2), moqri inkonnessjoni mal-Artikolu 48 tal-Kodiċi Kriminali (Código Penal, iktar ’il quddeim il-“CP”), bħala piena anċillari maħsuba biex tipproteġi lill-vittma, il-projbizzjoni, għall-awtur tal-atti vjolenti, biex ma jersaqx fil-viċinanza tal-vittma jew li jagħmel kuntatt magħha. Din il-projbizzjoni biex ma jkunx hemm kuntatt tapplika għal perijodu li jeċċedi minn sena sa ħames snin iż-żmien tal-piena ta’ priġunerija imposta, jew għal perijodu ta’ iktar minn sitt xhur u inqas minn ħames snin jekk il-piena imposta hija ta’ natura differenti. Il-qorti tar-rinviju tindika li dan japplika wkoll għal każijiet ta’ vjolenza domestika inqas serji (daqqiet fuq il-wiċċ, grif, imbuttaturi, “theddida verbali mingħajr esibizzjoni ta’ armi”).

8.        Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-kodiċi kriminali jobbliga lill-qrati jiddikjaraw il-piena anċillari f’kull każ u li l-qorti ma tiddisponi mill-ebda diskrezzjoni, ħlief għal dak li għandu x’jaqsam maż-żmien tal-piena anċillari imposta, biex tevalwa ċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, pereżempju bħall-interess familjari kkonċernat, il-volontà tal-vittma jew id-deċiżjoni tagħha li terġa’ tibda tgħix mal-awtur.

9.        L-Artikolu 468(2) tal-CP jistabbilixxi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ miżura bħal din, ta’ tbegħid, jikkostitwixxi ksur ta’ nuqqas ta’ osservazna tal-piena imposta. Skont it-Tribunal Supremo, il-kunsens tal-vittma biex terġà tinbeda ħajja ta’ komunjoni ma jeskludix it-twettiq tar-reat ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-piena imposta. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa wkoll teoretikament possibbli li l-vittma tal-ksur domestiku tista’ tiġi mfittxija talli instigat l-imsemmi reat, jew bħala l-kompliċi neċessarja għat-twettiq ta’ dan tal-aħħar, f’ċerti każijiet fejn il-koabitazzjoni tkun reġgħet inbdiet bi ftehim komuni.

10.      Skont id-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 84(3) tal-CP jistabbilixxi revoka tas-sospensjoni tal-kundanna, f’każ fejn il-miżura ta’ tbegħid ma tiġix osservata, anki meta l-vittma tkun tat il-kunsens tagħha biex jerġa’ jkun hemm kuntatt.

11.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tindika li l-punt 5 tal-Artikolu 87b tal-liġi ta’ implementazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-tas-setgħa ġudizzjarja (Ley Orgànica del Poder Judicial) jipprojbixxi l-medjazzoni fi kwalunkwe każ ta’ ksur (anki dak ta’ sempliċi insulti) imwettaq fil-kuntest domestiku.

III – Il-fatti u l-proċeduri fil-kawża prinċipali

12.      Il-Juzgado de lo Penal Nru 23 ta’ Barcelona, ikkundanna lil M. Gueye għal ksur, li mhux ippreċiżat fit-talba għal deċiżjoni preliminari, minħabba trattament ħażin f’ambjent domestiku, fil-konfont tas-sieħba tiegħu li magħha M. Gueye kien jagħmel parti minn koppja matul l-erba’ snin preċedenti. Għal din ir-raġuni, il-qorti ddikjarat partikolarment, piena anċillari li tipprojbixxi lill-awtur milli javviċina lill-vittma f’distanza ta’ inqas minn 1000 metru jew li jagħmel kuntatt magħha għal perijodu ta’ 17-il xahar.

13.      Ftit jiem wara l-kundanna tiegħu, M. Gueye beda jgħix mill-ġdid mal-vittma fuq talba ta’ din tal-aħħar. Minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-miżura ta’ tbegħid, il-Juzgado de lo Penal N° 1 Tarragona kkundannah abbażi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-piena imposta, skont l-Artikolu 468(2) tal-CP. M. Gueye appella minn din is-sentenza quddiem ir-Raba’ Awla tal-Audiencia Provincial de Tarragona, il-qorti tar-rinviju.

14.      L-Audiencia Provincial għandha minbarra dan tagħti deċiżjoni dwar rikors kontra l-kundanna ta’ Salmerón Sánchez għal ksur tan-nuqqas ta’ osservanza tal-piena imposta skont l-Artikolu 468(2) tal-CP. L-attribuzzjoni kontra Salmerón Sánchez hija dik tan-nuqqas ta’ osservanza tal-piena anċillari ddikjarata kontrih permezz ta’ sentenza tal-Juzgado de Instrucción N° 7 de Violencia Sobre la Mujer, de El Vendrell tas-6 ta’ Novembru 2006 li kienet tipprojbixxih milli javviċina lill-vittma tiegħu f’distanza ta’ inqas minn 500 metru jew li jagħmel kuntatt magħha għal perijodu ta’ 16-il xahar.

15.      Il-kundanna tal-piena anċillari mill-Juzgado de Instrucción N° 7 de Violencia Sobre la Mujer, de El Vendrell kienet ibbażata fuq ksur, li mhux ippreċiżat fit-talba għal deċiżjoni preliminari, għal trattament ħażin f’ambjent domestiku, fil-konfront tas-sieħba tiegħu, li magħha dan it-tieni kien ilu jgħix fis-sitt snin preċedenti.

16.      Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-imputati, fiż-żewġ każijiet, reġgħu bdew jgħixu mal-vittmi xi jiem wara l-kundanna tagħhom. Waqt is-smigħ tagħhom mill-qorti tar-rinviju, iż-żewġ vittmi indikaw li kien b’mod volontarju li ssoktaw bir-relazzjoni tagħhom mal-awturi, mingħajr ma ġew kostretti jagħmlu dan u mhux minħabba xi ħtieġa ekonomika; u kienu huma li essenzjalment ħadu l-inizjattiva sabiex terġa’ tinbeda l-koabitazzjoni. Għalhekk iqisu lilhom infushom bħala vittmi indiretti tad-dispożizzjonijiet kriminali Spanjoli, iktar u iktar meta wieħed iqis li sakemm l-imputati ġew arrestati għan-nuqqas ta’ osservanza tal-piena imposta, il-ħajja komunali kienet għaddejja mingħajr problemi.

17.      Il-qorti tar-rinviju għandha d-dubji tagħha dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet Spanjoli mad-Deċiżjoni Qafas. Anki jekk huwa possibbli li jkun hemm il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ miżura ta’ tbegħid kontra l-volontà tal-vittmi sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tagħhom, il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li mhux adegwat li d-dritt Spanjol ma jagħti l-ebda diskrezzjoni, anki f’każijiet ta’ ksur minuri, biex wieħed jipproċedi għal eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari u biex titqies il-volontà tal-vittmi u li jeżiġi, mingħajr eċċezzjoni, id-dikjarazzjoni ta’ miżura ta’ tbegħid ta’ mill-inqas sitt xhur.

IV – Id-domandi għal deċiżjoni preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju, l-Audiencia Provincial de Tarragona, permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2009, fil-proċeduri li jikkonċernaw lil M. Gueye u permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2009, fil-proċeduri li jikkonċernaw lil V. Salmerón Sánchez, ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li jikkonċernaw il-kwistjoni segwenti, identika fiż-żewġ proċeduri:

1. Id-dritt tal-vittma li [t]kun mifhum[a], li jinsab fil-[p]remessa 8 tal-preambolu tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] [2001/220/JHA], għandu jiġi interpretat bħala obbligu pożittiv tal-awtoritajiet tal-Istat responsabbli mill-prosekuzzjoni u l-piena tal-aġir kriminali, li jippermetti li l-vittma tesprimi l-evalwazzjonijiet tagħha, ir-riflessjoni u l-fehma tagħha fuq l-effetti diretti fuq il-ħajja tagħha li jistgħu jirriżultaw mill-impożizzjoni ta’ pieni fuq il-ħati li miegħu l-vittma kellha relazzjoni familjari jew relazzjoni emozzjonali qawwija?

2. L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2001/220/GAI [JHA], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tal-Istati li jirrikonoxxu d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-vittma jfisser li l-Istati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fehma tal-vittma meta l-pieni li jirriżultaw mill-proċess kriminali jistgħu jippreġudikaw b’mod ċentrali u direttament l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għall-iżvilupp ħieles tal-personalità tagħha u tal-ħajja privata u tal-familja tagħha?

3. L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2001/220/GAI [JHA], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet tal-Istat ma jistgħux jonqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni r-rieda ħielsa tal-vittma meta topponi għall-impożizzjoni jew għaż-żamma fis-seħħ ta’ ordni li ma [j]avviċinax il-vittima meta l-ħati huwa membru tal-familja [tagħha] u ma tirriżulta ebda sitwazzjoni oġġettiva ta’ riskju ta’ ripetizzjoni tar-reat, u fejn jista’ jiġi evalwat li hemm livell ta’ kompetenza personali, soċjali […] u emozzjonali li jeskludi kwalunkwe possibbiltà ta’ sottomissjoni għall-ħati, jew, għall-kuntrarju, li tali ordni għandha tiġi kkunsidrata xierqa f’kull każ fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn ir-reati?

4. Meta l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2001/220/GAI [JHA], jipprovdi li l-Istati għandhom jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni lill-vittma, dan għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-impożizzjoni ġenerali u vinkolanti ta’ miżuri ta’ projbizzjoni ta’ avviċinament jew ta’ projbizzjoni ta’ kull kuntatt taħt pieni anċillarji fil-każijiet kollha fejn il-persuna hija l-vittma ta’ reati kommessi fil-familja, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn ir-reati, jew, għall-kuntrarju, li l-imsemmi Artikolu 8 jirrikjedi li ssir evalwazzjoni b’mod individwali li biha jista’ jiġi identifikat, każ b’każ, il-livell xieraq ta’ protezzjoni fid-dawl tal-interessi kunfliġġenti inkwistjoni?

5. L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2001/220/GAI [JHA] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi eskluża b’mod ġenerali l-medjazzjoni fil-proċessi kriminali li jinvolvu reati kommessi fil-familja fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn ir-reati jew, għall-kuntrarju, il-medjazzjoni għanda tiġi permessa wkoll f’dawn it-tip ta’ proċeduri, billi każ b’każ, jintiżnu l-interessi kunfliġġenti inkwistjoni?”

19.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat li dawn iż-żewġ kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2010.

20.      Il-Gvernijiet tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Polonja, tal-Isvezja u ta’ Spanja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw, fiż-żewġ proċeduri, osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Gvern tal-Ġermanja ppreżenta osservazzjonijiet bil-miktub fil-Kawża C-483/09. Il-Gvernijiet tal-Ġermanja u ta’ Spanja, il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta tat-3 ta’ Marzu 2011.

V –    Analiżi ġuridika

A –    Id-dritt li titressaq talba preliminari u l-ammissibbiltà tat-talba preliminari

21.      Ma jeżisti l-ebda dubju dwar id-dritt tal-Audiencia Provincial de Tarragona li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Id-Deċiżjoni Qafas 2001/220, li trid tiġi interpretata fil-kawża preżenti, ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 31 u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 34(2)(b) UE. Skont l-Artikolu 35 UE, talba għal deċiżjoni preliminari li tikkonċerna att ġuridiku adottat fuq din il-bażi, tippresupponi li l-Istat Membru kkonċernat irrikonoxxa l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din ir-restrizzjoni tad-dritt li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari tissussisti għal perijodu tranżitorju anki wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (3). Spanja għamlet dikjarazzjoni abbażi tal-Artikolu 3(a) UE (4), li kwalunkwe qorti Spanjola li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors taħt il-liġi nazzjonali għandha dritt li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari.

22.      Il-Kummissjoni indikat, mingħajr oppożizzjoni, li d-dritt Spanjol ma jipprovdi l-ebda forma oħra ta’ rikors kontra sentenza tal-Audiencia provincial, mogħtija minn deċiżjoni tal-Juzgado de lo Penal bħala qorti ta’ appell. Fil-każ preżenti, l-Audiencia provincial hija għalhekk qorti li tagħti deċiżjoni fl-aħħar istanza fis-sens tal-Artikolu 35(3)(a) UE u għalhekk għandha d-dritt li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

23.      Il-Gvernijiet ta’ Spanja u tal-Italja jqisu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li d-domandi magħmula ma humiex meħtieġa għas-soluzzjoni tal-kawża.

24.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali biss, li quddiemha tkun tressqet il-kawża, li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li trid tingħata, li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità tad-deċiżjoni preliminari, sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll il-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, peress li d-domandi preliminari li jkunu saru jkunu relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata li tagħti risposta (5) u b’hekk hemm il-preżunzjoni ta’ rilevanza (6) marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali.

25.      Huwa meħtieġ li l-ammissibbiltà tad-domanda tiġi biss miċħuda f’ċirkustanzi eċċezzjonali; dan huwa l-każ jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija f’din it-talba, hija ta’ natura ipotetika (7). F’dawn il-kundizzjonijiet, l-oġġezzjonijiet imressqa miż-żewġ Gvernijiet ma humiex konvinċenti.

26.      Il-Gvern Spanjol jindika li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huma ipotetiċi, peress li s-suġġett tat-talba fil-kawża prinċipali ma huwiex il-miżura nnifisha ta’ tbegħid, iżda s-sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-miżura ta’ tbegħid, jiġifieri n-nuqqas ta’ osservanza tal-piena imposta. Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw biss madankollu, il-miżura ta’ tbegħid u mhux in-nuqqas ta’ osservanza tal-piena imposta.

27.      Hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi jekk għandhiex, tistax jew tixtieqx tieħu inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-piena imposta, in-natura leċita tas-sentenza dwar il-miżura ta’ tbegħid msemmija iktar ’il fuq. Huwa għalhekk mixtieq li wieħed jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, fil-kuntest ta’ tali miżura ta’ tbegħid.

28.      Il-Gvern Taljan iqis li d-domanda hija inammissibbli peress li, jekk jiġi ammess li d-dritt nazzjonali ma jirrikonoxxix id-Deċiżjoni Qafas, ma tkunx tista’ tingħata interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li tkun konformi mal-imsemmija deċiżjoni. Interpretazzjoni bħal din tista’, l-iktar, tintervjeni contra legem. Il-qorti tar-rinviju tindika hija stess, fil-fatt, li d-dikjarazzjoni ta’ miżura ta’ tbegħid hija mandatorja meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 57(2) tal-CP.

29.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tagħti interpretazzjoni konformi, ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (8). Ma jidhirlix iżda li kien hemm deċiżjoni espliċita dwar jekk il-projbizzjoni tal-interpretazzjoni contra legem tirriżultax mid-dritt tal-Unjoni nnifsu (9) jew inkella jekk id-dritt tal-Unjoni sempliċement ma jostakolax projbizzjoni nazzjonali ta’ interpretazzjoni contra legem (10). Fi kwalunkwe każ, fejn id-dritt nazzjonali jawtorizza tali interpretazzjoni u kemm-il darba din ma twassalx sabiex tkun piż fuq l-individwu, billi pereżempju, fil-każ prezenti, twassal għal motivazzjoni jew għal aggravju tas-sanzjoni, anzi iżda, twassal għat-tnaqqis tagħha, wieħed ma jara l-ebda raġuni għalfejn id-dritt tal-Unjoni għandu jopponiha.

30.      Madankollu, ma hemmx lok li din il-kwistjoni tiġi eżaminata b’mod eżawrjenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, fi kwalunkwe każ, ma jidhirx fil-kawża preżenti, li l-qorti tar-rinviju ma setgħetx, fil-kuntest tal-eżami dwar l-ammissibbiltà, tasal għal soluzzjoni li hija konformi mad-Deċiżjoni Qafas, jekk mhux permezz ta’ interpretazzjoni contra legem. Fi kwalunkwe każ, hemm lok li l-qrati nazzjonali jkunu meħtieġa waqt l-interpretazzjoni li tikkonforma mad-Deċiżjoni Qafas, li jieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, id-dritt nazzjonali fit-totalità tiegħu, inkwantu dan jista’ jiġi applikat b’mod li jwassal għal soluzzjoni li ma tmurx kontra d-Deċiżjoni Qafas (11).

31.      Il-Gvern Spanjol stess indika fl-osservazzjonijiet tiegħu, li l-ġuridprudenza Spanjola hija kontradittorja fir-rigward ta’ sa fejn id-dritt Spanjol għandu jaċċetta li tittieħed inkunsiderazzjoni r-rieda tal-vittma. Dan indika li ma hemmx lok li tiġi attribwita “natura kontradittorja” għall-konstatazzjonijiet tat-Tribunal Supremo dwar in-natura sanzjonabbli tan-nuqqas ta’ osservanza tas-sanzjoni, minn fejn jirriżulta n-nuqqas ta’ impatt tar-rieda opposta tal-vittma, fil-kuntest tas-sanzjoni ta’ ksur ta’ miżura ta’ tbegħid. Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, l-impossibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi mad-Deċiżjoni Qafas ma hijiex manifesta, kif lanqas ma hija għalhekk l-irrilevanza tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-proċedura fil-kawża prinċipali.

32.      Id-domandi għad-deċiżjonijiet preliminari huma għalhekk ammissibbli.

B –    Dwar l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220

33.      Fit-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf jekk id-Deċiżjoni Qafas tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’każ ta’ ksur imwettaq f’ambjent domestiku, tistabbilixxi b’mod mandatorju fir-rigward tal-awtur, miżura ta’ tbegħid mill-vittma, mingħajr il-previżjoni tal-possibbiltà, eċċezzjonalment, sabiex din il-miżura ma tiġix imposta u dan wara li wieħed ikun wieżen iċ-ċirkustanzi tal-każ ikkonċernat u partikolarment tax-xewqa tal-vittma li tissokta fir-relazzjonni tagħha mal-awtur.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

34.      Leġiżlazzjoni li tistabbilixxi, fil-każijiet kollha ta’ vjolenza domestika, anki f’każijiet ta’ theddid verbali, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, miżura restrittiva ta’ tbegħid bħala piena anċillari, u dan għal perijodu li jeċċedi mill-inqas b’sena l-perijodu tal-piena imposta għat-teħid tal-libertà u, f’każ ta’ nuqqas ta’ din il-piena, ta’ għallinqas sitt xhur, hija ħarxa wisq (12).

35.      Il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha dwar il-proporzjonalità ta’ tali miżura ta’ tbegħid, f’sitwazzjonijiet fejn il-vittma tesprimi b’mod ċar u awtonomu u mingħajr ma tkun mġiegħla, li tixtieq terġa’ tibda tgħix il-ħajja komuni mal-awtur. Hija tistaqsi jekk jistax ikun hemm sitwazzjonijiet fejn l-impożizzjoni ta’ sanzjoni bħal din tista’ hija stess tmur kontra l-interessi u d-drittijiet tal-vittma, li s-sanzjoni hija intiża li tipproteġi. F’dan ir-rigward il-vittma tista’ tibbaża ruħha fuq id-dritt fundamentali tagħha tar-rispett għall-ħajja privata u familjari. Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Gvern Ġermaniż ikkwota każ ta’ koppja li jmexxu impriża flimkien. F’dan il-każ, il-miżura ta’ tbegħid tista’ twassal biex l-impriża ma tibqax teżisti, u anki sabiex tiġi distrutta l-bażi li ekonomikament issostni lill-vittma.

36.      Il-Gvern Spanjol jenfasizza bil-kontra li hemm bżonn ta’ regoli stretti sabiex il-fenomenu tal-vjolenza domestika jista’ jiġi miġġieled b’mod effettiv. F’dan ir-rigward, hemm lok li wieħed jikkunsidra l-fatt li l-leġiżlatur għandu obbligu li jipproteġi lill-vittmi. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat ukoll reċentement dawn l-obbligi ta’ protezzjoni (13). F’każijiet ta’ vjolenza domestika, il-miżura ta’ tbegħid tista’ preċiżament tikkostitwixxi mezz utli li jippermetti lill-vittma torganizza ħajjitha mill-ġdid, ’il bogħod minn kull pressjoni diretta. Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju tindika li, fil-proċeduri fil-kawża prinċipali, il-vittmi għażlu b’mod kompletament awtonomu li jerġgħu jibdew jgħixu mal-awturi. Madankollu f’każijiet ta’ vjolenza domestika, mhux dejjem faċli li jiġi ddeterminat jekk il-vittma kinitx suġġetta għal xi pressjoni, peress li ġeneralment din ma tiġix eżerċitata fil-pubbliku.

37.      Huwa ċar li l-miżura mandatorja għaż-żamma tad-distanza tinsab f’salib it-toroq fejn, minn naħa, hemm in-neċessità ta’ azzjoni pubblika effettiva kontra l-vjolenza domestika u, min-naħa l-oħra, hemm ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u għall-awtonomija privata. Din il-problema li hawnhekk bilkemm semmejniha teħtieġ l-eżerċiżżju xejn faċli tal-bilanċ bejn l-interessi differenti.

38.      Biex nantiċipa l-konklużjoni tal-eżami tiegħi, ser nindika li, fl-opinjoni tiegħi, din il-kwistjoni xejn faċli tal-bilanċ ma taqax fl-ambitu tal-applikazzjoni materjali tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220, iżda iktar tikkostitwixxi kwistjoni tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali (14) u tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (15).

39.      Kif ser jintwera fl-iżviluppi segwenti, l-uniku għan tad-Deċiżjoni Qafas huwa, f’sens l-iktar wiesa’, il-pożizzjoni tal-vittma fil-proċeduri kriminali. Hija ma tistabbilixxi l-ebda dispożizzjoni dwar id-dritt kriminali materjali, b’mod partikolari n-natura u l-livell tas-sanzjonijiet. Il-kwistjoni ta’ kemm miżura restrittiva ta’ tbegħid, bħal dik prevista fid-dritt Spanjol, hija adegwata, ma taqax għalhekk fil-qasam tal-applikazzjoni materjali tagħha.

40.      Fl-iżviluppi li ġejjin, ser nistabbilixxi l-ewwel nett l-għan leġiżlattiv ġenerali tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220, biex sussegwentement neżamina konġuntament l-ewwel żewġ domandi u mbagħad it-tielet u r-raba’ domanda. Fl-aħħar nett ser nagħti risposta għall-ħames domanda.

2.      L-għan leġiżlattiv ġenerali tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220

41.      Id-Deċiżjoni Qafas 2001/220 għandha l-għan li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (16). L-għan ġenerali tagħha huwa li tipproteġi l-interessi tal-vittmi fil-fażijiet differenti tal-proċedura kriminali, billi toffri, għal dan il-għan, lill-vittmi tar-reati, livell għoli ta’ protezzjoni li huwa paragunabbli fuq il-livell Ewropew, indipendentement mill-Istat Membru li fih jinsabu (17). L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li l-vittmi jibbenefikaw minn ċerti miżuri ta’ assistenza li jistgħu jnaqqsu l-effetti tal-ksur (18).

42.      Skont il-premessa 8 tad-Deċiżjoni Qafas, huwa meħtieġ li r-regoli u l-prattiki li jikkonċernaw l-istatus u d-drittijiet ewlenin tal-vittmi jiġu approssimati, billi jiġi mħares, b’mod partikolari, ir-rispett lejn id-dinjità tal-vittmi, id-dritt tagħhom li jinfurmaw u li jiġu infurmati, li jifhmu u li jiġu mifhuma, li jiġu protetti fid-diversi stadji tal-proċedura u li jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvantaġġ li jirrisjedu fi Stat Membru għajr dak fejn ġie kommess ir-reat. Fi kliem ieħor, il-vittma tal-ksur ma għandhiex tkun sempliċi oġġett proċedurali. Anzi, kif tenfasizza l-premessa 5, “[g]ħandhom jiġu kkunsidrati u indirizzati l-bżonnijiet tal-vittmi b’mod komprensiv u kordinat, billi jiġu evitati soluzzjonijiet parzjali jew inkonsistenti li jistgħu jikkawżaw vittimizzazzjoni sekondarja”.

3.      L-ewwel u t-tieni domanda

43.      Fl-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, minn naħa, jekk il-premessa 8 tad-Deċiżjoni Qafas timponix li tinstema’, għal dak li għandu x’jaqsam mal-effetti tas-sanzjoni fir-rigward tal-awtur, il-vittma li magħha l-awtur kellu relazzjoni f’kuntest domestiku, u, min-naħa l-oħra, jekk jirriżultax mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas li l-qrati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-opinjoni hekk mogħtija.

44.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-ewwel domanda, irid l-ewwel nett jiġi ppreċiżat li ma jista’ jirriżulta l-ebda obbligu legali minn premessa ta’ Deċiżjoni Qafas (19). Il-premessi ma jistgħux jiġu invokati jekk mhux sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni.

45.      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas jistabbilixxi d-dritt tas-smigħ tal-vittma. Abbażi ta’ dan l-artikolu, kull Stat Membru jiggarantixxi l-possibbiltà lill-vittmi li jinstemgħu waqt il-proċedura, kif ukoll li jipproduċu l-provi. Peress li l-Artikolu 3 jistabbilixxi leġiżlazzjoni speċifika dwar id-dritt għal smigħ, jeħtieġ li dan l-artikolu jiġi eżaminat qabel l-Artikolu 2(1), fir-risposta għat-tieni domanda. Il-premessa 8 tista’, l-iktar, tkun sinjifikattiva biex jiġi ppreċiżat l-Artikolu 3.

a)      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas

46.      Kif diġà ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tad-dritt tal-vittma li tipproduċi l-provi, stabbilit fl-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-implementazzjoni ta’ dan l-obbligu (20). Il-premessa 9 tad-Deċiżjoni Qafas tenfasizza wkoll għalhekk, li d-dispożizzjonijiet tagħha ma jimponux, madankollu, fuq l-Istati Membri, l-obbligu li jiggarantixxu lill-vittmi trattament li huwa ugwali għal dak tal-partijiet fil-proċess. Għalhekk hemm il-possibbiltà, f’dan ir-rigward, tal-għażla tal-forma li taħtha l-vittmi jiġu konċessi d-dritt għal smigħ.

47.      Kif ġustament jenfasizzaw il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Polonja, l-interpretazzjoni restrittiva ta’ dan id-dritt għal smigħ hija madankollu eskluża, biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess tal-vittma u li din ma tassumix rwol purament passiv. Id-dritt tal-vittma li tinstema’ għandu jinkludi, barra l-possibbiltà li tiddeskrivi kif seħħew il-fatti, id-dritt li tippreżenta l-kunsiderazzjonijiet suġġettivi tagħha u dak li tistenna hi mill-proċedura. Fi kwalunkwe każ, f’sitwazzjoni fejn il-vittma jkollha relazzjoni personali stretta mal-awtur u fejn il-miżura ta’ tbegħid tipproduċi għalhekk effetti indiretti fuq il-ħajja privata u tal-familja tal-vittma, l-opinjoni tal-vittma dwar is-sanzjoni li għandha tiġi applikata hija wkoll koperta bil-prinċipju tas-smigħ.

48.      Biex dan id-dritt għal smigħ ma jixxejjinx mill-effett utli tiegħu (21), id-depożizzjoni tal-vittma għandha tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tas-sanzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-kontenut tal-Artikolu 2(1), fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 (22).. Skont din id-dispożizzjoni, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi jkollhom rwol sinjifikattiv u xieraq fis-sistema legali kriminali tieghu. Biex tissodisfa dan ir-rekwiżit, il-qorti għandha teżamina d-depożizzjoni tal-vittma u għalhekk għandha jkollha l-possibbiltà li tintegraha fil-ġudizzju tagħha. Fil-fatt, il-vittma ma jkollha l-ebda rwol effettiv fil-proċedura jekk il-qorti ma tkunx marbuta li teħodha inkunsiderazzjoni.

49.      Madankollu ma jistax jirriżulta mid-dritt għal smigħ, kif ġustament jenfasizza, fost oħrajn, il-Gvern tal-Awstrija, li l-impożizzjoni tas-sanzjoni tkun suġġetta għad-diskrezzjoni tal-vittma. Il-kwistjoni tad-determinazzjoni tas-sanzjoni titlob, min-naħa l-oħra, il-bilanċ kumpless li jitqiesu l-varji aspetti u għalhekk, din id-determinazzjoni ma tistax tistrieħ biss fuq ix-xewqa tal-vittma. Il-qorti kompetenti għalhekk mhix marbuta bil-kunsiderazzjonijiet tal-vittma. Hija leġittima l-invokazzjoni tal-Gvern Svediż, bħala argument supplimentari kontra t-teħid inkunsiderazzjoni mandatorju tal-volontà tal-vittma, li hemm ir-riskju li l-awtur jeżerċita pressjoni fuq il-vittma biex din tal-aħħar titlob sanzjoni li ma tkunx ħarxa.

50.      Kif ser nindikaw fir-risposti għat-tielet u r-raba’ domanda, l-effettività ta’ dan id-dritt għal smigħ ma tostakolax sanzjoni minima prevista fid-dritt nazzjonali. Il-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-vittma kif meħtieġ mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, għandha biss teżisti fil-kuntest tal-livell tas-sanzjonijiet kriminali stabbilit fid-dritt nazzjonali, jiġifieri għal-limiti minimi u massimi tas-sanzjonijiet.

b)      Konklużjonijiet provviżorji

51.      Għandu jingħad bħala konklużjoni provviżorja, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jikkonċedu lill-vittma l-possibbiltà li tesprimi lilha nnifisha fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-miżura ta’ tbegħid, kontra l-awtur li miegħu l-vittma għandha relazzjoni familjari jew relazzjoni li effettivament hija intensa. Għandu wkoll ikun possibbli għall-qorti li tieħu inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni tagħha, l-osservazzjonijiet tal-vittma. Dan ma jgħoddx madankollu ħlief fil-kuntest tal-livell tas-sanzjonijiet kriminali stabbiliti fid-dritt nazzjonali. Irid madankollu jiġi ppreċiżat li dan ma jfissirx li l-qorti hija marbuta timxi mal-volontà tal-vittma. Hija ma hijiex marbuta, fid-determinazzjoni tas-sanzjoni, bl-opinjoni espressa f’dan ir-rigward mill-vittma.

4.      It-tielet u r-raba’ domanda

52.      F’dawn iż-żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf jekk id-Deċiżjoni Qafas tostakolax l-obbligu legali sabiex tiġi ddikjarata miżura ta’ tbegħid, mingħajr ma jiġu bbilanċjati ċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari u kontra l-volontà tal-vittma, fil-każijiet kollha ta’ vjolenza domestika.

53.      Wara l-interpretazzjoni preċedenti tal-Artikolu 3, huwa meħtieġ l-ewwel u qabel kollox li jiġi eżaminat id-dritt għal smigħ.

a)      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas

54.      Fl-estensjoni tad-dritt għal smigħ tal-vittma eżaminat fil-kuntest tal-ewwel żewġ domandi, wieħed jista’ japprezza li dan id-dritt mhux effettiv ħlief jekk is-smigħ tal-vittma jista’ jwassal, f’ċerti ċirkustanzi, għan-nuqqas tas-sanzjoni. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, miżura ta’ tbegħid għal minimu ta’ sena, tiżdied mal-kundanna tal-awtur għal nuqqas ta’ libertà u dan il-perijodu minimu għandu jkun ta’ sitt xhur fil-każijiet l-oħra. Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Spanjol spjega, barra minn hekk, waqt is-seduta li, f’ċerti każijiet, il-perijodu minimu tal-miżura ta’ tbegħid jista’ jitnaqqas għal xahar.

55.      Minħabba l-perijodu minimu ta’ sitt xhur tal-miżura ta’ tbegħid, ir-Renju Unit esprima d-dubji tiegħu waqt is-seduta dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni Spanjola mad-Deċiżjoni Qafas. Id-dritt għal smigħ tal-vittma fir-rigward tas-sanzjoni li trid tiġi ddikjarata, ikun imxejjen minn kull sens b’dan il-perijodu minimu ta’ sitt xhur. Fil-fatt, indipendentement mid-dikjarazzjonijiet tal-vittma, il-qorti ma tistax, skont il-Gvern tar-Renju Unit, tiddikjara miżura ta’ tbegħid ta’ inqas minn sitt xhur. Dan ma jikkorrispondix skont dan il-Gvern, mar-rekwiżit tad-dritt għal smigħ effettiv.

56.      Fl-opinjoni tiegħi, id-dritt għal smigħ madankollu ma jistax jipproduċi tali effett fuq il-livell tas-sanzjoni prevista mid-dritt nazzjonali. Peress li vittma tista’ tesprimi l-opinjoni tagħha dwar il-miżura ta’ tbegħid li ser tiġi imposta u d-depożizzjoni tagħha tista’, b’mod ġenerali, tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest kriminali previst fid-dritt nazzjonali, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3 huma sodisfatti.

57.      Id-dispożizzjonijiet b’portata iktar wiesgħa jmorru lil hinn mill-kontenut normattiv tad-dritt proċedurali tad-Deċiżjoni Qafas. Fil-fatt, l-għan tad-Deċiżjoni Qafas huwa li tiggarantixxi lill-vittma tal-ksur kriminali, ċerti garanziji proċedurali fil-proċeduri kriminali. Il-punt li jiġi stabbilit jekk Stat Membru jipprovdix pieni anċillari f’każ ta’ reati ta’ vjolenza domestika, u jekk ikun il-każ, liema huma dawn il-pieni, ma jaqax fl-ambitu tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220. Din tal-aħħar ma tirregolax b’mod ġenerali u estensiv, l-aspetti kollha tal-protezzjoni tal-vittma, iżda speċifikament dawk relatati mal-garanziji proċedurali fil-proċess kriminali. Id-dritt għal smigħ tal-vittma abbażi tal-Artikolu 3, ma għandux għalhekk jinftiehem b’mod tant estensiv li jinfluwenza indirettament anki l-qafas kriminali previst mid-dritt nazzjonali.

58.      Mill-bqija, ir-Renju Unit qies ukoll li, fil-prinċipju, id-dritt kriminali materjali, u għalhekk in-natura u t-tul tas-sanzjonijiet, ma jaqgħux fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.

b)      L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220

59.      Il-Gvern Ġermaniż jiddeduċi mill-kliem “livell xieraq ta’ protezzjoni għall-vittmi”, użat fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas, li din tipprekludi l-obbligu assolut għad-dikjarazzjoni ta’ miżuri ta’ tbegħid. Skont hu, l-obbligu tal-Istati Membri li jipproċedu, f’kull każ, għall-kunsiderazzjoni ta’ miżura ta’ tbegħid, jirriżulta mill-ħtieġa tal-protezzjoni adegwata tal-vittma.

60.      Din l-interpretazzjoni ma tistax tikkonvinċini. L-ewwel nett, il-leġiżlatur tal-Unjoni ċertament li ma kienx ippreveda għall-vittmi, protezzjoni wisq estiża, meta stabbilixxa r-rekwiżit tal-Artikolu 8(1) tal-protezzjoni xierqa tal-vittma. Fil-każ preżenti, il-protezzjoni li tirriżulta mill-miżura Spanjola ta’ tbegħid, ma tistax tkun mhux xierqa ħlief jekk isseħħ kontra l-volontà tal-vittma u li, skont il-każ, tista’ tkun wiesgħa żżejjed. Ir-rekwiżit tal-protezzjoni xierqa, ġie, min-naħa l-oħra, adottat fl-Artikolu 8 minħabba l-biża’ ta’ livell ta’ protezzjoni dgħajjef wisq.

61.      Indipendentement minn dan, l-Artikolu 8 għandu bħala għan, kif jirriżulta mill-kuntest regolatorju tiegħu, il-protezzjoni tal-vittma fil-kuntest tal-proċedura “fejn (…) jkun hemm riskju serju ta’ tpattija jew evidenza serja ta’ l-intenzjoni li ssir intrużjoni fil-privatezza tagħhom”. Kif ġustament jenfasizza l-Gvern Svediż, dawn il-miżuri protettivi għandhom għalhekk jipproteġu lill-vittma mill-vjolenzi jew mill-influwenza tal-awtur jew ta’ persuna fiċ-ċirku tiegħu waqt il-proċeduri. L-Artikolu 8(1) ma jikkonċernax il-protezzjoni tal-vittma kontra l-konsegwenzi negattivi tas-sanzjonijiet iddikjarati kontra l-awtur.

62.      L-artikolazzjoni mal-paragrafi l-oħra tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220, li għaliha jirreferi l-Gvern Svediż fl-osservazzjonijiet tiegħu, issostni, barra minn hekk, l-interpretazzjoni hawnhekk difiża. Skont l-Artikolu 3 tagħha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi evitat li l-vittma u l-awtur jiltaqgħu fil-postijiet ġudizzjarji, permezz ta’ żoni separati għall-vittmi. L-Artikolu 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220, li għandu l-għan li jimpedixxi li l-vittma tiġi obbligata tikkonfronta lill-awtur waqt is-seduta pubblika u tkun obbligata tixhed f’dan il-kuntest, għandu l-istess għan. Dawn huma aspetti relatati mal-proċedura kriminali.

63.      Fi kliem ieħor, il-garanzija ta’ protezzjoni fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220 għandha, l-ewwel u qabel kollox, funzjoni anċillari: hija trid tiggarantixxi li l-vittma tkun tista’ teżerċita, mingħajr periklu, u għalhekk b’mod effettiv, id-drittijiet proċedurali, li barra minn hekk huma ggarantiti lilha. L-Artikolu 8 huwa marbut mad-drittijiet tal-vittma fil-proċedura u ma jikkonċernax l-interessi kollha prevedibbli tal-vittma.

64.      Lanqas ma jirriżulta mill-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas, li dan l-artikolu jostakola miżura ta’ tbegħid prevista mid-dritt kriminali nazzjonali.

c)      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas

65.      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi jkollhom rwol sinjifikattiv u xieraq fis-sistema legali kriminali tieghu u għandu jirrikonoxxi d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-vittmi, partikolarment fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

66.      L-Artikolu 2 ma jagħti l-ebda garanzija konkreta iżda huwa fformulat b’mod wiesa’ ħafna. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk invokatu anki hawnhekk sabiex tinterpreta l-garanziji konkreti offerti rispettivament mill-artikoli sussegwenti tad-Deċiżjoni Qafas(23). Għalhekk iktar għandu jfassal b’mod ġenerali l-kontenut tad-Deċiżjoni Qafas, qabel ma l-obbligi jkunu ġew konkretament esposti fl-artikoli sussegwenti.

67.      Fi kwalunkwe każ, mhux possibbli li tiġi dedotta mill-Artikolu 2, il-projbizzjoni tal-obbligu assolut biex tiġi ddikjarata miżura ta’ tbegħid. Il-kwistjoni tal-proporzjonalità ta’ obbligu biex tiġi ddikjarata miżura ta’ tbegħid tolqot is-sanzjonijiet stabbiliti mid-dritt kriminali materjali. Ir-riferiment ġenerali magħmul fl-Artikolu 2 għar-rispett u għar-rikonoxximent tal-vittma ma jistax iwassal għall-obbligu tal-Istati Membri li jwettqu l-interessi tal-vittma fid-dritt kriminali kollu, inkluż dak materjali, iżda huwa pjuttost limitat għall-kuntest tad-dritt kriminali proċedurali.

68.      Dan jista’ l-ewwel nett jiġi dedott mit-titolu u mill-kuntest tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220. Ir-regoli kollha li jiġu wara l-Artikolu 2 iservu eżattament sabiex jippreċiżaw u jikkonkretizzaw il-pożizzjoni tal-vittma fil-proċeduri kriminali. Dawn jikkonċernaw għalhekk b’mod partikolari s-“Seduti, u l-provvista ta’ provi”, “Id-dritt għall-informazzjoni”, is-“Salvagwardji tal-komunikazzjoni” u “L-ispejjeż tal-vittmi rigward il-proċeduri kriminali”. L-ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas ma tinkludi, barra minn hekk, aspetti espliċiti għall-protezzjoni tal-vittma relatati mad-dritt kriminali materjali.

69.      Id-Deċiżjoni Qafas ma fiha l-ebda dikjarazzjoni dwar id-dritt materjali tal-Istati Membri inġenerali u lanqas dwar il-kwistjoni relatata, tas-sanzjonijiet previsti għall-awtur. Joħroġ ukoll mid-definizzjoni tal-vittma fl-Artikolu 1, li d-Deċiżjoni Qafas ma għandhiex l-għan li tmiss id-dritt kriminali materjali, iżda li tieħu dan tal-aħħar bħala l-punt tat-tluq għad-drittijiet preċedurali tal-vittma. Skont din id-definizzjoni, il-vittma hija, fil-fatt, l-unika persuna li sofriet preġudizzju kkawżat minn atti li jiksru l-liġi kriminali ta’ Stat Membru.

70.      Lanqas ma tirriżulta konklużjoni differenti mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “proċedura” misjub fl-Artikolu 1 u applikat ukoll fl-Artikolu 2(1). Din hija ddefinita bħala “għandha tiġi interpretata bħala li tinkludi [f’sens wiesgħa]”, jiġifieri, flimkien mal-proċeduri kriminali, il-kuntatti kollha li l-vittma tistabbilixxi, bħala tali, partikolarment ma’ kull awtorità, qabel, matul, jew wara l-proċess kriminali. Ma jistax jiġi dedott li l-istruttura tas-sanzjonijiet materjali taqa’ wkoll fl-ambitu tal-kunċett ta’ proċedura. Il-premessi 6 u 10 jinvokaw l-importanza tal-miżuri għall-assistenza tal-vittmi qabel u wara l-proċeduri kriminali.

71.      Huwa loġiku li d-Deċiżjoni Qafas tistrieħ fuq sens wiesgħa tal-kunċett tal-proċeduri kriminali, anki jekk bi proċeduri kriminali tfisser madankollu, il-proċeduri kriminali nazzjonali skont l-Artikolu 1. Peress li hemm xi diverġenzi fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali dwar dak li jaqa’ fl-ambitu tal-proċeduri kriminali f’sens propju, il-protezzjoni tal-vittmi fl-Unjoni kollha teħtieġ ukoll l-inklużjoni ta’ aspetti direttament marbuta mal-proċeduri kriminali imma li huma preċedenti jew sussegwenti għaliha. Huwa wkoll possibbli li l-protezzjoni tal-vittma titlob li l-miżuri ta’ għajnuna u ta’ assistenza ma jieqfux ħesrem hekk kif tingħata s-sentenza, iżda jkomplu għal ċertu żmien.

72.      Madankollu, anki sens wiesgħa tal-kunċett ta’ proċeduri ma jagħtix aspett proċedurali lis-sanzjoni penali kontra l-awtur. Id-Deċiżjoni Qafas ma tirregolax preċiżament, b’mod ġenerali u estiż, l-aspetti kollha relatati mal-protezzjoni tal-vittmi, iżda tikkonċerna biss il-garanziji proċedurali fil-kuntest tal-proċess kriminali. Id-Deċiżjoni Qafas għalhekk ma għandhiex l-għan li tipproteġi lill-vittma mill-konsegwenzi indiretti u extraproċedurali tas-sanzjoni imposta mill-qorti fuq l-awtur.

73.      F’każ ta’ interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas li tipproduċi effetti indiretti fuq is-sanzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali, tqum, mill-bqija, il-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex il-kompetenza leġiżlattiva għal dan il-għan.

74.      Diġà ġie indikat f’siltiet oħra (24) li jeżistu dubji dwar il-punt li jiġi stabbilit, jekk il-kwistjonijiet ta’ protezzjoni tal-vittmi fi proċeduri kriminali, jaqgħux effettivament fl-ambitu tal-bażijiet ġuridiċi ċċitati fid-Deċiżjoni Qafas 2001/220 [it-tieni sentenza tal-Artikolu 34(2)(b) UE]. Dan iktar u iktar jgħodd għall-aspetti tas-sanzjonijiet materjali u għad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet eżaminati fil-każ preżenti. L-idea ta’ interpretazzjoni li tikkonforma mad-dritt primarju titlob għalhekk, ukoll, li d-Deċiżjoni Qafas ma tiġix interpretata fis-sens li tinkludi l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet.

75.      Qabel nikkonkludi, jeħtieġ li jsir riferiment għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali invokata partikolarment mill-Kummissjoni. Skont il-Kummissjoni, l-obbligu tal-Istati Membri li jirrikonoxxu d-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, li jinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas, jimplika wkoll li l-Istati Membri għandhom jagħtu d-drittijiet kollha ggarantiti permezz tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Kummissjoni teżamina għalhekk il-ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta li tistabbilixxi d-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja.

76.      F’dan ir-rigward, ta’ min wieħed ifakkar li d-Deċiżjoni Qafas għandha ċertament tiġi interpretata f’sens li d-drittijiet fundamentali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (25). Dan ma jistax madankollu japplika jekk mhux fil-kuntest tal-qasam tal-applikazzjoni materjali. Indikajt fl-introduzzjoni, il-fatt li d-drittijiet fundamentali setgħu jikkonċernaw il-każ preżenti li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-konstatazzjoni ma tistax mandakollu twassal biex tagħti lid-Deċiżjoni Qafas kontenut li ma għandhiex.

77.      Għalhekk il-każ preżenti lanqas ma jqajjem il-kwistjoni tal-interpretazjoni tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jiddetermina l-kamp tal-applikazzjoni tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, il-Karta hija indirizzata lill-Istati Membri “biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”. Il-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk hemmx lok li din tinftiehem b’mod ristrett, jew inkella jekk din tinkludix il-każijiet kollha fejn leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għadha ma ġietx definittivament eżaminata (26).

78.      Peress li d-Deċiżjoni Qafas ma għandhiex bħala għan ħlief l-aspetti ta’ proċedurali kriminali għall-protezzjoni tal-vittmi u mhux is-sanzjonijiet imposti fuq l-awtur, l-ipoteżi preżenti ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas u għalhekk tad-dritt tal-Unjoni.

79.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma għandhiex ġurisdizzjoni biex teżamina jekk u sa fejn ir-regoli tad-dritt Spanjol ikkontestati mill-qorti tar-rinviju, li jikkonċernaw l-obbligu tad-dikjarazzjoni tal-miżura ta’ tbegħid f’każ ta’ ksur ta’ vjolenza domestika, huma konformi mad-drittijiet fundamentali, pereżempju mal-obbligu tar-rispett tal-ħajja tal-familja (27). Dan l-eżami tad-drittijiet fundamentali tal-imputati kkonċernati jaqa’ pjuttost fl-ambitu tal-kawżi li tisma’ l-qorti Konstituzzjonali nazzjonali jew il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

d)      Konklużjoni provviżorja

80.      Huwa meħtieġ għalhekk li r-risposta għat-tielet u r-raba’ domandi tkun fis-sens li d-Deċiżjoni Qafas 2001/220 ma tikkonċernax il-kwistjoni tal-proporzjonalità tas-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti. Għalhekk ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-obbligu assolut għad-dikjarazzjoni ta’ miżura ta’ tbegħid bħala piena anċillari.

5.      Il-ħames domanda

81.      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu wkoll il-possibbiltà tal-medjazzjoni għall-ksur kriminali mwettaq f’ambjent domestiku.

82.      L-ewwel nett, irid jiġi indikat mill-ġdid f’dan ir-rigward li d-Deċiżjoni Qafas hija biss vinkolanti fejn tikkonċerna l-għan tagħha, u tħalli l-għażla tal-forma u tal-motivi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. L-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li għandu x’jaqsam mal-mod konkret għall-implemetazzjoni ta’ dawn l-għanijiet (28).

83.      Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ medjazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas huwa limitat li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw il-promozzjoni tal-medjazzjoni għal dak il-ksur li huma “[j]qis[u] addattati”. Dan il-kriterju wiesa’ ta’ adegwatezza diġà juri li l-għażla tal-ksur li għalih tista’ tapplika l-medjazzjoni taqa’ fl-ambitu diskrezzjonali tal-Istati Membri (29).

84.      Jekk id-diskrezzjoni tal-Istati Membri tista’ ċertament tkun limitata minħabba l-obbligu tal-użu ta’ kriterji oġġettivi sabiex jiġi ddeterminat it-tip ta’ ksur inkwistjoni (30), xejn ma jindika madankollu li dan ma jistax ikun il-każ fil-kawża odjerna. Fil-fatt, il-possibbiltà tal-medjazzjoni tibqa’ kamp ta’ applikazzjoni sostanzjali, jekk medjazzjoni hija eskluża f’każijiet ta’ reati mwettqa f’ambjent domestiku.

VI – Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari:

1)       L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2001/220/JHA tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, jimponi fuq l-Istati Membri, fil-każ ipotetiku fejn il-vittma għandha relazzjoni personali qawwija mal-awtur u fejn il-miżura ta’ tbegħid tipproduċi għalhekk effetti indiretti fuq il-ħajja privata u tal-familja tal-vittma, l-obbligu li jakkordaw lil din tal-aħħar il-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-miżura ta’ tbegħid. Għandu wkoll ikun possibbli għall-qorti li tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tal-vittma fis-sentenza tagħha Madankollu, dan japplika biss fil-kuntest tas-sanzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali u ma jfissirx li l-qorti hija marbuta bil-volontà tal-vittma.

2)       Id-Deċiżjoni Qafas 2001/220 ma tikkonċernax il-kwistjoni ta’ kemm s-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti huma adegwati. Għalhekk, ma tostakolax leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi obbligu assolut għad-dikjarazzjoni ta’ miżura ta’ tbegħid bħala piena anċillari.

3)      L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220 tagħti lill-Istati Membri setgħa wiesgħa diskrezzjonali fid-determinazzjoni tar-reati li għalihom jistabbilixxu l-medjazzjoni. Din il-leġiżlazzjoni ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu l-medjazzjoni f’każ ta’ ksur kommess f’ambjent domestiku.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 72. iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA” jew id-“Deċiżjoni Qafas”.


3 – Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, ĠU 2010 C 83, p. 322.


4 – Dan jirriżulta mill-informazzjoni ppubblikata fil-ĠU tal-1 ta’ Mejju 1999 dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ĠU L 114, p. 56.


5 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59), u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punt 26).


6 – Sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C­105/03, Ġabra p. I‑5285); tad-9 ta’ Ottubru 2008, Katz (C‑404/07, Ġabra p. I‑7607, punt 31), u tat-22 ta’ April 2010, Dimos Agios Nikolaos (C‑82/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 15).


7 – Ġurisprudenza stabbilita, ara biss is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2011, Schröder (C‑450/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 17).


8 – Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 110); tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 100), u tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 61).


9 – Sentenza Pupino, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 47), tidher li timmira lejn din id-direzzjoni.


10 – Is-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, li jikkonċernaw l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi, skont d-dritt tal-Unjoni, jargumentaw favur l-ewwel għażla.


11 – Sentenza Pupino ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 47).


12 – Iż-żmien massimu tal-miżura ta’ tbegħid huwa hawnhekk ta’ ħames snin.


13 – Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2009, Opuz vs It‑Turkija, Ġabra Nru 334101/02.


14 – Il-Qorti Kostituzzjonali Spanjola (Tribunal Constitucional), permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, fil-Kawża STC 60/2010, iddikjarat li d-dispożizzjonijiet Spanjoli ma jmorrux kontra l-Kostituzzjoni.


15 – Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.


16 – Ara l-premessa 13 tad-Deċiżjoni Qafas li tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999.


17 – Ara l-premessa 4 tad-Deċiżjoni Qafas.


18 – Ara l-premessi 3 u 6 tad-Deċiżjoni Qafas.


19 – Ara s-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Müller Fleisch (C‑562/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40 u r-referenzi ċċitati).


20 – Sentenza Katz iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 46); ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi tal-10 ta’ Lulju 2008, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Katz.


21 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Katz iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 47).


22 – Sentenza Katz iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 47).


23 – Sentenzi Katz, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 47) u Pupino, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 52).


24 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-11 ta’ Novembru 2004 fil-kawża Pupino (C‑105/03, Ġabra p. I-5285, punti 48 et seq) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi tat-8 ta’ Marzu 2007 fil-kawża Dell’Orto (C-467/05, Ġabra p. I-5557, punt 40).


25 – Sentenza Katz, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 48).


26 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot tal-5 ta’ April 2011 fil-kawża Scattolon (C‑108/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 110 sa 121).


27 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, Ġabra p. 3719, punt 28), u tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punt 42).


28 – Sentenzi Katz, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 46), u tal-21 ta’ Ottubru 2010, Eredics (C‑205/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).


29 – Sentenza Eredics iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 (punt 37).


30 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eredics iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 (punt 29).