Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fit-30 ta’ Ottubru 2018 – EM vs TMD Friction GmbH

(Kawża C-674/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesarbeitsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: EM

Konvenuta: TMD Friction GmbH

Domandi preliminari

Fil-każ ta’ trasferiment ta’ stabbiliment wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward tal-assi ta’ ċedent taħt id-dritt nazzjonali, li fil-prinċipju jistipula l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE 1 tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, ukoll għad-drittijiet tal-ħaddiema għal benefiċċji tax-xjuħija, ta’ invalidità jew tas-superstiti skont l-iskemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali, l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva jippermetti restrizzjoni fis-sens li ċ-ċessjonarju ma huwiex responsabbli għal drittijiet li jagħtu intitolament prospettiv ibbażati fuq perijodi ta’ impjieg qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Fil-każ ta’ trasferiment ta’ stabbiliment wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza li tirrigwarda l-assi taċ-ċedent, il-miżuri neċessarji sabiex jiġu protetti l-interessi tal-ħaddiema f’dak li jikkonċerna drittijiet li jagħtuhom intitolament immedjat jew prospettiv għal benefiċċji tax-xjuħija skont skemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali, fis-sens tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2001/203/KE għandhom josservaw il-livell ta’ protezzjoni meħtieġ mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE 2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

L-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2001/23/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri neċessarji sabiex jiġu protetti l-interessi tal-ħaddiema f’dak li jikkonċerna drittijiet li jagħtuhom intitolament immedjat jew prospettiv għal benefiċċji tax-xjuħija skont skemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali jkunu ġew adottati meta d-dritt nazzjonali jipprevedi li

l-obbligu li jingħata fil-futur lill-ħaddiem ikkonċernat mit-trasferiment ta’ impriża matul il-proċedura ta’ insolvenza benefiċċju tax-xjuħija skont l-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali fil-prinċipju huwa ttrasferit liċ-ċessjonarju,

iċ-ċessjonarju huwa responsabbli għal drittijiet tal-pensjoni futuri sa fejn dawn huma bbażati fuq perijodi ta’ appartenenza mal-impriża mwettqa wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza,

f’dan il-każ, l-organu ta’ garanzija kontra l-insolvenza stabbilit skont id-dritt nazzjonali ma huwiex responsabbli għall-parti tad-drittijiet tal-pensjoni futuri miksuba qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u

il-ħaddiem jista’ jitlob fil-proċedura ta’ insolvenza taċ-ċedent il-valur tal-parti tad-drittijiet tal-pensjoni futuri tiegħu miksuba qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura?

4.    Jekk id-dritt nazzjonali jimponi l-applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23/KE f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża wkoll matul proċedura ta’ insolvenza, l-Artikolu 5(2)(a) ta’ din id-direttiva huwa applikabbli għal drittijiet għal benefiċċji li jagħtu intitolament prospettiv lill-ħaddiema skont skemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali li, għalkemm kienu diġà eżistenti qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, madankollu jagħtu dritt għal benefiċċji biss meta jseħħ l-avveniment li jagħti drittijiet għall-benefiċċji, jiġifieri f’mument sussegwenti?

5.    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni jew għar-raba’ domanda:

Il-livell ta’ protezzjoni minima li għandhom jagħtu l-Istati Membri skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom jinkludi wkoll l-obbligu li jiġu ggarantiti d-drittijiet għal benefiċċji li jagħtu intitolament prospettiv li, konformement mad-dritt nazzjonali, legalment ma kinux għadhom definittivament jagħtu intitolament immedjat waqt il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u jsiru hekk biss peress li t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol ma hijiex marbuta mal-proċedura ta’ insolvenza?

6.    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħames domanda:

F’liema ċirkustanzi t-telf tal-benefiċċji tal-pensjoni tax-xjuħija skont skema komplementari ta’ previdenza professjonali subit mill-ex ħaddiem minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjega għandu jitqies bħala manifestament sproporzjonat u għalhekk jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw protezzjoni minima kontra tali telf konformement mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE, minkejja li l-ħaddiem jirċievi tal-inqas nofs il-benefiċċji li jirriżultaw mid-drittijiet tal-irtirar li huwa jkun kiseb?

7.    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħames domanda:

Protezzjoni tad-drittijiet għal benefiċċji li jagħtu intitolament prospettiv lill-ħaddiema, meħtieġa skont l-Artikolu 3(4)(b) jew l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23/KE (ekwivalenti għal dik prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE) tingħata wkoll meta din tirriżulta mhux mid-dritt nazzjonali iżda unikament minn applikazzjoni diretta tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE?

8.    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għas-seba’ domanda:

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE jipproduċi wkoll effett dirett, b’tali mod li ħaddiem wieħed ikun jista’ jinvokah quddiem il-qorti nazzjonali, ukoll meta, minkejja li jirċievi minn tal-inqas nofs il-benefċċji li huwa jkun kiseb mid-drittijiet għall-pensjoni li jirriżultaw tiegħu, it-telf li huwa ssubixxa minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjega għandu madankollu jitqies bħala sproporzjonat?

9.    F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tmien domanda:

Jekk, fil-qasam ta’ skemi komplementari ta’ previdenza professjonali, l-Istat Membru jindika (b’mod vinkolanti għall-persuni li jimpjegaw) entità rregolata mid-dritt privat bħala organu ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza, u dan l-organu jkun suġġett għall-kontroll prudenzjali eżerċitat mill-awtorità pubblika ta’ kontroll tas-servizzi finanzjarji li, minbarra dan, hija tieħu mingħand persuni li jimpjegaw skont modalitajiet irregolati mid-dritt pubbliku, il-kontribuzzjonijiet obbligatorji neċessarji għall-garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza u, bħal fil-każ ta’ awtorità pubblika, hija tista’ toħloq il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni forzata permezz ta’ att amministrattiv, din l-entità rregolata mid-dritt privat hija awtorità pubblika tal-Istat Membru?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98.

2 ĠU 2008, L 283, p. 36.