Language of document : ECLI:EU:F:2010:140

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Deċiżjoni ta’ tkeċċija — Dmir ta’ premura — Inkompetenza professjonali — Raġunijiet mediċi”

Fil-Kawża F-92/09,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

U, ex uffiċjal tal-Parlament Ewropew, residenti fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentat minn F. Moyse, u A. Salerno, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Seyr, K. Zejdová u J. F. de Wachter, bħala aġenti,

konvenut,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

kompost minn H. Tagaras, President, S. Van Raepenbusch (Relatur) u M. I. Rofes i Pujol, Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2010,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-6 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni, tas-6 ta’ Lulju 2009, li permezz tagħha l-Parlament Ewropew keċċiha b’effett mill-1 ta’ Settembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u l-ħlas ta’ somma ta’ EUR 15 000, taħt kull riżerva, bħala kumpens għad-danni morali li huwa jikkunsidra li sofra.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 9(6) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“L-opinjoni tal-Kumitat Konġunt tal-Konsulenza dwar inkompetenza professjonali għandha tinkiseb għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 51.”

3        L-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“[L-Unjoni għandha tassisti] kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjeta’ li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu.

[Hija għandha tikkumpensa] in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li [kkawżaha].”

4        L-Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1. Kull istituzzjoni għandha tiddefinixxi l-proċeduri biex ikunu identifikati, jieħdu ħsieb u jirranġaw każijiet ta’ inkompetenza b’mod fil-ħin u xieraq. Hekk kif dawn il-proċeduri huma eżawriti, uffiċjal li, fuq il-bażi ta’ rapporti perjodiċi konsekuttivi riferuti fl-Artikolu 43, jibqa’ inkompetenti fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu jista’ jitkeċċa, jitniżżillu l-grad, jew ikun ikklassifikat fi grupp aktar baxx tal-funzjoni fl-istess grad jew grad aktar baxx.

2. Kull proposta li jitkeċċa, jitniżżillu l-grad, jew li uffiċjal ikun ikklassifikat fi grupp aktar baxx tal-funzjoni, għandha tippreżenta fuq xiex hija bbażata, u għandha tkun ikkomunikata lill-uffiċjal ikkonċernat. Il-proposta mill-Awtorità tal-Ħatra għandha tkun riferuta lill-Kumitat Konġunt tal-Konsulenza, riferut fl-Artikolu 9(6).

3. L-uffiċjal għandu d-dritt jikseb il-file personali sħiħ tiegħu u jieħu kopja tad-dokumenti kollha dwar il-proċedura. Huwa jkollu mill-anqas ħmistax-il ġurnata mid-data ta’ l-irċevuta tal-proposta biex iħejji difiża. Jista’ jkun assistit minn persuna ta’ l-għażla tiegħu. L-uffiċjal jista’ jibgħat kummenti bil-miktub. Huwa għandu jinstema’ mill-Kumitat Konġunt tal-Konsulenza. L-uffiċjal jista’ jsejjaħ għal xhieda.

4. L-istituzzjoni għandha tkun irrappreżentata quddiem il-Kumitat Konġunt tal-Konsulenza minn uffiċjal innominat għal dak l-iskop mill-Awtorità tal-Ħatra. Dak l-uffiċjal għandu jkollu l-istess drittijiet bħa’ dawk ta’ l-uffiċjal ikkonċernat.

5. Minħabba l-proposta taħt il-paragrafu 2 u kull dikjarazzjoni miktuba jew verbali minn l-uffiċjal ikkonċernat jew mix-xhieda, il-Kumitat Konġunt tal-Konsulenza għandu jwassal, b’maġġoranza, opinjoni rraġunata li tgħid il-miżura li tikkunsidra xierqa fuq il-bażi tal-fatti stabbiliti f’din it-talba. Għandha tgħaddi dik l-opinjoni lill-Awtorità tal-Ħatra u lill-uffiċjal ikkonċernat fi żmien xahrejn mid-data meta l-kwestjoni kienet riferuta lilha. Il-president m’għandux jivvota fuq deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt tal-Konsulenza, għajr fi kwestjonijiet ta’ proċedura u fejn il-voti huma ndaqs.

L-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn mill-irċevuta ta’ l-opinjoni tal-Kumitat Konġunt tal-Konsulenza, wara li tisma’ l-uffiċjal. Id-deċiżjoni għandha tkun sostanzjata. Għandha turi d-data meta tidħol fis-seħħ.

6. Uffiċjal imkeċċi fuq inkompetenza għandu, għall-perjodu definit fil-paragrafu 7, ikun intitolat għal benefiċċju tat-tkeċċija fix-xahar daqs is-salarju bażiku fix-xahar ta’ uffiċjal fl-ewwel skala tal-grad 1. L-uffiċjal għandu wkoll ikun matul l-istess perjodu għall-benefiċċji tal-familja, pprovduti fl-Artikolu 67. Il-benefiċċju tal-familja, għandu jinħadem fuq il-bażi tas-salarju bażiku ta’ kull xahar ta’ uffiċjal fil-grad 1 skond l-Artikolu 1 ta’ l-Anness VII.

Il-benefiċċju m’għandux jitħallas jekk l-uffiċjal jirriżenza wara l-bidu tal-proċedura riferuta fil-paragrafi 1,2, u 3, jew jekk huwa intitolat għall-pagament immedjat ta’ pensjoni sħiħa. Jekk huwa intitolat għal benefiċċju tal-qgħad taħt skema nazzjonali tal-qgħad, l-ammont ta’ dak il-benefiċċju għandu jitnaqqas mill-benefiċċju msemmi fuq.

7. Il-perjodu li matulu l-pagamenti riferuti fil-paragrafu 6 għandhom isiru, ikun ta’:

(a)      tliet xhur meta l-uffiċjal ta anqas minn ħames snin servizz fid-data meta d-deċiżjoni tat-tkeċċija tittieħed;

(b)      sitt xhur meta l-uffiċjal ta mill-anqas ħames snin servizz, iżda anqas minn għaxra;

(ċ)      disa’ xhur meta l-uffiċjal ta mill-anqas għaxar snin servizz, iżda anqas minn għoxrin;

(d)      12-il xahar meta l-uffiċjal ta aktar minn 20 sena ta’ servizz.

8. L-uffiċjal li jitniżżlu fil-grad jew ikunu kklassifikati fi grupp aktar baxx tal-funzjoni fuq raġunijiet ta’ inkompetenza jistgħu, wara perjodu ta’ sitt snin, jitolbu li r-riferenzi kollha għal dik il-miżura jitħassru mill-file personali tagħhom.

9. L-uffiċjali għandhom ikunu intitolati għal rifużjoni ta’ spejjeż raġonevoli li ntefqu fuq l-inizzjattiva tagħhom waqt il-proċeduri, inklużi l-miżati li jitħallsu lill-konsulent tad-difiża li ma jagħmilx parti mill-istituzzjoni, meta l-proċeduri pprovduti f’dan l-Artikolu jispiċċaw mingħajr ebda deċiżjoni tittieħed dwar li jitkeċċa, jitniżżillu l-grad jew ikun ikklassifikat l-uffiċjal fi grupp aktar baxx tal-funzjoni.”

5        L-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1. Uffiċjal li jipprovdi evidenza li mhux kapaċi jwettaq id-dmirijiet tiegħu minħabba mard, jew inċident għandu, awtomatikament ikun intitolat għall-vaganzi tal-mard.

[…]

4. L-Awtorità tal-Ħatra tista’ tirreferi lill-Kumitat ta’ l-Invalidità, il-każ ta’ kull uffiċjal li l-vakanzi tal-mard tiegħu jammontaw għal aktar minn 12-il xahar f’kull perjodu ta’ tlett snin.

5. Uffiċjal jista’ jkun meħtieġ jieħu l-vakanzi wara eżami mill-uffiċjal mediku ta’ l-istituzzjoni jekk l-istat ta’ saħħa tiegħu titlob hekk, jew jekk membru mill-familja tad-dar tiegħu qed isofri minn marda li tittieħed.

[…]”

6        L-Artikolu 1 tar-Regoli interni dwar il-proċedura ta’ titjib applikata fil-kuntest tal-identifikazzjoni, tal-ġestjoni u tar-riżoluzzjoni ta’ każijiet potenzjali ta’ inkompetenza professjonali tal-uffiċjali, adottati mill-Bureau tal-Parlament fit-3 ta’ Lulju 2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Interni”) jipprovdi:

“Il-proċedura għall-ġestjoni tal-inkompetenza professjonali stabbilita minn dawn ir-regoli interni f’konformità mal-Artikolu 51(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem il-‘proċedura ta’ titjib’) għandha l-għan li tiżgura li kull każ ikun ġestit mill-iktar fis possibbli u b’mod sistematiku sabiex l-uffiċjal ikkonċernat ikun mgħejjun ħalli jerġa’ jsib il-livell ta’ prestazzjonijiet meħtieġ sabiex iwettaq il-kompiti deskritti fir-rapport ta’ evalwazzjoni, skont il-fajl tad-deskrizzjoni tal-impjieg, u b’hekk ikun evitat li fil-konfront tiegħu jittieħdu l-miżuri previsti fl-Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal (tkeċċija, tnaqqis fil-grad jew klassifikazzjoni fi grupp iktar baxx tal-funzjoni filwaqt li jżomm il-grad tiegħu jew jitnaqqaslu l-grad).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 3(1) tar-Regoli Interni jipprevedi:

“Il-proċedura ta’ titjib għandha tiġi applikata b’mod parallel mal-proċedura ta’ evalwazzjoni speċifikata fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni relatati mar-rapporti ta’ evalwazzjoni […] (iktar ’il quddiem id-‘DĠI Rapeval’).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 7 tar-Regoli Interni jipprovdi:

“1. Malli jiġu osservati sinjali ta’ inkompetenza professjonali, l-ewwel evalwatur għandu jsejjaħ lill-uffiċjal, permezz ta’ nota fejn jiġi ppreċiżat is-suġġett tal-intervista. F’dik in-nota, għandu jinforma lill-uffiċjal bid-drittijiet tiegħu kif inhuma speċifikati fl-Artikolu 14 ta’ dawn ir-regoli. Wara l-intervista, l-ewwel evalwatur għandu jinforma lill-evalwatur finali b’ittra debitament motivata. L-uffiċjal għandu jirċievi kopja ta’ din l-ittra.

2. L-evalwatur finali għandu jitlob, jekk ikun il-każ, lid-Direttorat għall-Istrateġija tar-Riżorsi Umani [id-Direttorat Ġenerali (DĠ) ‘Persunal’], sabiex jinnomina konsulent. L-evalwatur finali għandu jsejjaħ immedjatament lill-uffiċjal għal intervista. Kemm l-ewwel evalwatur kif ukoll il-konsulent għandhom ikunu preżenti.

3. Waqt l-intervista, l-evalwatur finali għandu jidentifika r-raġunijiet għall-inadegwatezzi kkonstatati, jiddeċiedi, jekk ikun il-każ, li jiftaħ il-proċedura ta’ titjib u jistabbilixxi programm ta’ appoġġ (iktar ’il quddiem ‘pjan ta’ titjib’) għall-uffiċjal. Huwa għandu jinforma lill-uffiċjal b’dak kollu li timplika l-proċedura ta’ titjib.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        L-Artikolu 8 tar-Regoli Interni jipprevedi:

“1. Jekk, waqt l-intervista prevista fl-Artikolu 7 […], l-evalwatur finali jikkonkludi li s-sinjali osservati min-naħa tal-uffiċjal jistgħu jkunu dovuti għal diffikultajiet ta’ natura medika jew jekk l-uffiċjal isemmi diffikultajiet ta’ dan it-tip, huwa għandu immedjatament jitlob informazzjoni mingħand is-servizz mediku. F’dan il-każ, id-deċiżjoni eventwali li tinfetaħ il-proċedura ta’ titjib u r-redazzjoni ta’ pjan ta’ titjib għandhom ikunu posposti sakemm tasal it-tweġiba tas-servizz mediku.

2. Is-servizz mediku għandu jikkomunika bil-miktub it-tweġiba tiegħu lill-evalwatur finali, lill-uffiċjal ikkonċernat u lill-konsulent filwaqt li josserva strettament is-sigriet mediku u l-kunfidenzjalità tad-data personali.

3. Jekk is-servizz mediku jwieġeb li s-sitwazzjoni tal-uffiċjal għandha tiġi ġestita esklużivament billi jiġu applikati d-dispożizzjonijiet statutorji li jaqgħu taħt l-istat ta’ saħħa tal-uffiċjali, l-evalwatur finali ma jkunx jista’ jagħti bidu għall-proċedura ta’ titjib fil-konfront tiegħu. L-uffiċjal, l-ewwel evalwatur u l-konsulent għandhom jinżammu informati b’dan.

4. Fil-każ kuntrarju, l-evalwatur finali għandu jerġa’ jsejjaħ lill-uffiċjal, lill-ewwel evalwatur u lill-konsulent sabiex jiftaħ il-proċedura ta’ titjib u jirrediġi l-pjan ta’ titjib.

5. Is-servizz mediku jista’ jintervjeni wkoll fi kwalunkwe mument billi jikkomunika, bil-miktub, lill-evalwatur finali u lill-uffiċjal l-evalwazzjoni tiegħu tal-istat ta’ saħħa tal-uffiċjal, kif ukoll il-konklużjonijiet li silet minnha. L-ewwel evalwatur, il-konsulent u l-uffiċjal ikkonċernat għandhom jinżammu informati b’dan. Abbażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-evalwatur finali jista’, skont il-każ, jiddeċiedi li jiftaħ il-proċedura ta’ titjib jew li jagħlaq proċedura ta’ titjib diġà mibdija.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      L-Artikolu 12 tar-Regoli Interni jipprovdi:

“1. Matul ix-xahar ta’ Lulju, għandu jiġi redatt ir-rapport intermedjarju previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tad-DĠI Rapeval wara li ż-żewġ evalwaturi jintervistaw lill-uffiċjal fil-preżenza tal-konsulent. Ir-rapport intermedjarju għandu jiġi ddatat u ffirmat miż-żewġ evalwaturi u mill-uffiċjal li jista’, jekk ikun il-każ, iżid il-kummenti tiegħu. Il-konsulent għandu jingħata kopja.

2. Jekk ir-rapport intermedjarju jikkonkludi li ma jkunx hemm iktar sinjali ta’ inkompetenza professjonali min-naħa tal-uffiċjal, l-evalwatur finali għandu jġib fi tmiemha l-proċedura ta’ titjib u l-Artikolu 13 […] ma għandux jiġi applikat. Fil-każ kuntrarju, l-evalwatur finali, fuq opinjoni tal-konsulent, għandu jikkonferma li l-proċedura ta’ titjib se titkompla sakemm tintemm is-sena ta’ referenza. F’dawn iż-żewġ każijiet, l-uffiċjal għandu jiġi informat b’nota miktuba.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Ir-rikorrenti ġiet innominata uffiċjal tal-Parlament fl-1 ta’ Mejju 2005 bħala segretarja, bil-grad C*1 (li sar AST 1). Hija stabbilixxiet ruħha bħala uffiċjal wara perijodu ta’ prova bejn l-1 ta’ Mejju 2005 u l-31 ta’ Jannar 2006 fl-unità tal-“Ippjanar u Ġestjoni tad-Domanda” tad-DĠ “Traduzzjoni u Pubblikazzjoni”.

12      Fir-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2005, l-ewwel evalwatur tar-rikorrenti semma li din tal-aħħar kienet kollega ġdida li kienet qiegħda tiġi evalwata. F’dan l-istess rapport ta’ evalwazzjoni, hija ġiet ikkunsidrata bħala uffiċjal meritevoli.

13      Fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti għas-sena 2006, anki jekk din kienet tidher dejjem li hija uffiċjal meritevoli, ġie indikat, b’mod partikolari, li hija kellha ttejjeb il-kompetenzi komunikattivi tagħha, li xi kultant in-nuqqas ta’ komunikazzjoni kien qed jikkawżalha problemi fir-relazzjonijiet umani u li “anki jekk ir-rendiment tagħha huwa sodisfaċenti, ir-rieda [tagħha] li tikkomunika mal-membri tat-tim naqset”.

14      B’ittra tal-10 ta’ Lulju 2007, is-segretarju prinċipali tal-unità “Ippjanar u Ġestjoni tad-Domanda” tad-DĠ “Traduzzjoni u Pubblikazzjoni” (iktar ’il quddiem is-“segretarju prinċipali”) stieden lid-Direttur Ġenerali tal-imsemmi DĠ (iktar ’il quddiem id-“Direttur Ġenerali”) biex “jieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li tinfetaħ il-proċedura ta’ titjib” fil-konfront tar-rikorrenti. F’din l-ittra, is-segretarju prinċipali semma li huwa kellu intervista mar-rikorrenti fid-9 ta’ Lulju 2007, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) tar-Regoli Interni.

15      Fit-8 ta’ Awwissu 2007, is-segretarju prinċipali bagħat ukoll ittra lid-Direttur Ġenerali fejn irrefera b’mod partikolari għal ġestjoni inadegwata min-naħa tar-rikorrenti tat-talbiet għal traduzzjoni, tan-nuqqas ta’ kapaċità tagħha li tikkomunika mal-kollegi tagħha, tal-assenzi b’mod irregolari tagħha, kif ukoll tal-imġiba goffa u mhux professjonali tagħha. F’din l-ittra qal ukoll li:

“[Ir-rikorrenti] hija persuna li għandha edukazzjoni ta’ livell universitarju u li probabbilment tħossha frustrata li għandha twettaq kompiti ta’ assistent. Għandi l-impressjoni distinta li [r-rikorrenti] tiddisprezza x-xogħol u tikkunsidrah inutli. Għandu jiġi nnotat ukoll li l-prestazzjonijiet u l-imġiba tagħha nbidlu radikalment wara li stabbilixxiet ruħha bħala uffiċjal.”

16      Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regoli Interni, fis-17 u fl-20 ta’ Settembru 2007, ir-rikorrenti pparteċipat f’żewġ intervisti. Wara dawn l-intervisti, fl-24 ta’ Settembru 2007, infetħet proċedura ta’ titjib, fejn ġie implementat pjan ta’ titjib sal-31 ta’ Diċembru 2007. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, is-segretarju prinċipali kien l-ewwel evalwatur u d-Direttur Ġenerali kien l-evalwatur finali.

17      Wara intervista oħra mar-rikorrenti li saret fit-3 ta’ Diċembru 2007, id-Direttur Ġenerali ddeċieda, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Diċembru 2007, li jtawwal il-proċedura ta’ titjib. F’din l-ittra, madankollu huwa kkonstata li minn meta nfetħet il-proċedura ta’ titjib, kien hemm progress fir-rigward tal-kwalità tal-prestazzjonijiet u tal-imġiba tar-rikorrenti.

18      Fir-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2007, li ġie redatt fix-xhur ta’ Marzu u ta’ April 2008, ġie indikat, b’mod partikolari, li minkejja għadd ta’ twissijiet il-prestazzjonijiet tar-rikorrenti marru ferm għall-agħar matul is-sena 2007. Barra minn hekk, f’dan ir-rapport ir-rikorrenti ma baqgħetx iktar ikkunsidrata bħala uffiċjal meritevoli.

19      Skont l-Artikolu 12 tar-Regoli Interni, fix-xahar ta’ Lulju 2008 ġie redatt rapport intermedjarju. F’dan ir-rapport, li kien jirrigwarda l-perijodu mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2008, ġie indikat, b’mod partikolari, li r-rikorrenti tejbet parzjalment l-imġiba tagħha fir-rigward tad-dipartimenti u tal-kollegi li magħhom hija kellha kuntatt. Għalkemm ir-rapport ma kkonkludiex li kien hemm inkompetenza professjonali, ġie speċifikat li t-titjib ikkonstatat kellu jiġi kkonfermat minn progress sostnut u fit-tul fil-prestazzjoni globali tagħha.

20      B’ittra tad-9 ta’ Lulju 2008, is-segretarju prinċipali informa lir-rikorrenti li l-proċedura ta’ titjib kienet se titkompla sa tmien is-sena 2008.

21      Fit-12 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti ġiet mistiedna sabiex fl-14 ta’ Awwissu segwenti tippreżenta ruħha quddiem is-servizz mediku.

22      Fl-4 ta’ Settembru 2008, fuq talba tal-persuna responsabbli mir-riżorsi umani tad-DĠ “Traduzzjoni u Pubblikazzjoni” li kienet imħassba li r-rikorrenti ma weġbitx għall-istedina tas-servizz mediku msemmija fil-punt preċedenti, assistenta soċjali tal-Parlament marret fuq il-post tax-xogħol tar-rikorrenti. Skont din l-assistenta soċjali, waqt din l-intervista r-rikorrenti sostniet li s-superjuri tagħha ma kellhomx għalfejn “jinkwetaw” għaliha.

23      Fit-13 ta’ Ottubru 2008, fil-kuntest tal-proċedura ta’ titjib u waqt intervista li saret fil-preżenza tas-segretarju prinċipali, ġie propost lir-rikorrenti li din tiġi ttrasferita fl-unità “X” tad-DĠ “Traduzzjoni u Pubblikazzjoni”. Billi r-rikorrenti laqgħet b’mod favorevoli din il-proposta, hija ngħaqdet mal-imsemmija unità matul ix-xahar ta’ Ottubru 2008. Waqt l-intervista msemmija iktar ’il fuq, ġie deċiż li minħabba l-leave annwali tar-rikorrenti f’Diċembru 2008, l-intervista finali dwar il-proċedura ta’ titjib kienet se ssir qabel, jiġifieri fis-26 ta’ Novembru 2008.

24      Fid-19 ta’ Novembru 2008, is-segretarju prinċipali u d-Direttur Ġenerali kienu d-destinatarji ta’ ittra elettronika min-naħa ta’ amministratur tal-unità “X” li magħha kienu annessi l-minuti ta’ laqgħa li kienet saret fil-5 ta’ Novembru preċedenti bejn dan l-amministratur u l-kap tal-imsemmija unità dwar l-integrazzjoni tar-rikorrenti fi ħdan din l-unità. F’dawk il-minuti, ġie indikat b’mod partikolari li r-rikorrenti kienet qiegħda turi rieda tajba, imma kien qiegħed ikollha problemi biex tikkomunika mal-kollegi tagħha, kienet iżolata fi ħdan id-dipartiment minħabba l-imġiba tagħha u l-kap tal-unità inkwistjoni kien qed jibża’ li din l-imġiba kienet se taffetwa ħażin, eventwalment, l-atmosfera fi ħdan id-dipartiment. F’dawn il-minuti ġie indikat ukoll li saru l-isforzi kollha sabiex ir-rikorrenti tiġi offruta assistenza psikoloġika — min-naħa ta’ tabib jew ta’ assistent soċjali — f’każ ta’ bżonn, u li din madankollu ċaħdet li kellha xi problemi u rrifjutat kull għajnuna.

25      Fl-20 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti, din id-darba bi tweġiba għall-istedina tat-tabib tal-Parlament, iltaqgħet ma’ dan tal-aħħar, fil-preżenza, parzjalment, tal-assistenta soċjali tal-Parlament.

26      Waqt l-intervista msemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrenti ġiet informata li l-prestazzjonijiet tagħha fl-unità “X” ma kinux ikkunsidrati bħala sodisfaċenti u li d-diffikultajiet tagħha kienu probabbilment ir-riżultat tal-imġiba tagħha stess. Is-segretarju prinċipali qal ukoll lir-rikorrenti li kien se jipproponi lill-Awtorità tal-Ħatra biex tkeċċiha mix-xogħol.

27      Skont l-Artikolu 13 tar-Regoli Interni, fit-18 ta’ Diċembru 2008 ġie redatt ir-rapport speċjali. F’dan ir-rapport, ġie indikat b’mod partikolari li l-fatt li l-ħidma u l-imġiba tar-rikorrenti ma tjiebux fi ħdan l-unità “X” kien jindika li d-diffikultajiet li kienet qiegħda ssib kienu dovuti biss għall-imġiba tagħha u mhux minħabba l-kollegi tagħha jew minħabba li hija kienet taħdem f’ambjent multikulturali. Fl-aħħar nett, is-segretarju prinċipali u l-kap tad-dipartiment “Ġestjoni tad-Domanda” pproponew lill-Awtorità tal-Ħatra li r-rikorrenti titkeċċa minħabba n-nuqqasijiet persistenti fir-rigward tal-komunikazzjoni u tar-riżoluzzjoni tat-tilwim u wkoll minħabba r-riluttanza persistenti tagħha li tifhem jew li ssegwi struzzjonijiet kif ukoll li tassumi responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħha.

28      Fir-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2008, li ġie redatt fix-xahar ta’ Frar 2009, ġew ikkonstatati problemi simili għal dawk imsemmija fi tmiem tar-rapport speċjali li kien redatt fit-18 ta’ Diċembru 2008.

29      Sussegwentement, il-Kumitat konġunt tal-konsulenza dwar inkompetenza professjonali (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”) intalab jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-proposta li r-rikorrenti titkeċċa.

30      F’opinjoni mogħtija b’mod unanimu fl-14 ta’ Mejju 2009 (iktar ’il quddiem l-“opinjoni”), il-Kumitat indika mhux biss li ċertu numru ta’ persuni li ħadmu mar-rikorrenti kienu informawh li huma kellhom xi dubji dwar l-istat mentali tagħha, iżda wkoll li huwa ħa l-impressjoni distinta, waqt is-smigħ tagħha, li hija kienet tinsab fi stat mentali instabbli jew iddisturbat.

31      Il-Kumitat indika wkoll li s-smigħ li kien għamel żvela opinjoni konverġenti tas-superjuri ġerarkiċi tar-rikorrenti, jiġifieri li hija, ftit wara li stabbilixxiet ruħha bħala uffiċjal, bdiet turi mġiba mhux tas-soltu, u din l-imġiba tinkludi, b’mod partikolari, kriżijiet perijodiċi b’attitudni antisoċjali fir-rigward tal-kollegi tagħha, rifjut li twettaq il-kompiti assenjati lilha u dan, mingħajr raġuni evidenti jew għal motivi eċċentriċi, jew ukoll, daħk li ma kienx xieraq. Barra minn hekk irriżulta, mix-xogħol tal-Kumitat, li d-DĠ “Traduzzjoni u Pubblikazzjoni” kien ikkuntattja lis-servizz mediku tal-Parlament f’Awwissu 2008 u li dan kien ippropona li r-rikorrenti tagħmel appuntament sabiex ikunu eżaminati mill-ġdid is-“sinjali ta’ dipressjoni possibbli” li s-servizz mediku kien diġà osserva f’Diċembru 2006, iżda r-rikorrenti ma weġbitx għal din l-istedina; għalhekk, id-DĠ “Traduzzjoni u Pubblikazzjoni” talab l-intervent tas-servizzi soċjali tal-Parlament, imma dan ġie rrifjutat mir-rikorrenti.

32      Fl-opinjoni, il-Kumitat ikkonkluda li r-rikorrenti ma kinitx f’qagħda li twettaq b’mod sodisfaċenti l-kompiti professjonali li kienu qed jiġu assenjati lilha u li taħdem fi ħdan ambjent multikulturali bħal dak tal-Parlament. Il-Kumitat ikkonkluda wkoll li l-amministrazzjoni kellha tinvestiga jekk l-inkompetenza professjonali tar-rikorrenti kinitx dovuta għal raġunijiet mediċi. Fl-aħħar nett, huwa approva l-proposta ta’ tkeċċija sa fejn jintwera li l-inkompetenza professjonali tar-rikorrenti ma kinitx dovuta għal raġunijiet mediċi jew sa fejn din tal-aħħar tirrifjuta milli toqgħod għall-eżamijiet mediċi neċessarji sabiex tiġi eskluża l-oriġini medika tad-diffikultajiet professjonali tagħha.

33      Ir-rikorrenti, li nstemgħet mill-amministrazzjoni fil-25 ta’ Ġunju 2009, tkeċċiet permezz tad-deċiżjoni kkontestata li ġiet innotifikata lilha fis-7 ta’ Lulju 2009.

34      Fis-7 ta’ Awwissu 2009, l-uffiċjal mediku tal-Parlament, fil-Lussemburgu, talab lil tabib speċjalizzat fil-psikjatrija sabiex jeżamina lir-rikorrenti. Dan, fl-opinjoni tiegħu mibgħuta b’posta tat-18 ta’ Awwissu 2009, għamel dijanjosi ta’ “disturb tal-personalità ta’ tip fraġli” wara li indika li:

“L-eżami psikjatriku ma jurix sinjali ta’ konfużjoni mentali: [ir-rikorrenti] hija orjentata sew fiż-żmien u fl-ispazju. Ma hemmx sintomi psikotiċi ċari. [Ir-rikorrenti] ma tesprimix ħsibijiet ta’ suwiċidju. Min-naħa l-oħra, fit-taħdit tagħha ninnota ideat ta’ persekuzzjoni latenti. L-impressjoni li saritilha ħsara hija preżenti flimkien mal-impressjoni li ma hijiex maħbuba[,] li l-kollegi tagħha ma jifhmu[hiex] u li ħadd ma jieħu inkunsiderazzjoni d-differenza kulturali tagħha. [Ir-rikorrenti] tiddeskrivi relazzjonijiet kunfliġġenti mas-superjuri ġerarkiċi tagħha li qiegħdu f’dubju l-kompetenzi tagħha sabiex twettaq xogħlha. Fid-diskors tagħha, għandu jiġi nnotat li [r-rikorrenti] għandha t-tendenza li tinterpreta l-avvenimenti b’mod paranojku. Dan jista’ jkun każ ta’ disturb tal-personalità ta’ tip fraġli.”

35      Ir-rikorrenti ġiet informata bl-opinjoni medika tat-18 ta’ Awwissu 2009 u permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Awwissu 2009 mill-avukati tagħha talbet, b’mod partikolari fid-dawl ta’ din l-opinjoni, li l-Awtorità tal-Ħatra tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm isiru eżamijiet mediċi supplimentari. Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-2 ta’ Settembru 2009.

36      Fl-1 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrenti ressqet, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

37      Permezz ta’ talba għal miżuri provviżorji ppreżentata fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-6 ta’ Novembru 2009 u li ġiet irreġistrata bin-numru ta’ referenza F‑92/09 R, ir-rikorrenti talbet, min-naħa waħda, is-sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ miżuri provviżorji.

38      B’ittra tad-19 ta’ Novembru 2009, ir-Reġistru informa lill-partijiet bid-deċiżjoni meħuda mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jilqa’ t-talba sabiex ir-rikorrenti tibqa’ anonima.

39      B’digriet tat-18 ta’ Diċembru 2009, U vs Il‑Parlament (F‑92/09 R, ĠabraSP p. I‑A‑1‑511 u II‑A‑1‑2771 ), il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm tingħata d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ġġib fi tmiemha l-kawża.

40      Filwaqt li laqa’ l-appell ippreżentat mill-Parlament, il-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, permezz tad-digriet tas-27 ta’ April 2010, Il‑Parlament vs U [T‑103/10 P(R)] annulla d-digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċċitat iktar ’il fuq minħabba li dan tal-aħħar bi żball kien ikkunsidra li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni tal-urġenza kienet ġiet sodisfatta u, filwaqt li ta deċiżjoni huwa stess fuq il-kwistjoni, ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji.

41      Skont l-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kawża prinċipali ġiet sospiża sad-deċiżjoni tal-5 ta’ Frar 2010, innotifikata dak inhar stess, li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment.

42      Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jikkundanna lill-Parlament iħallas danni bħala kumpens għad-danni morali, evalwati taħt kull riżerva fl-ammont ta’ EUR 15 000;

–         jikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

43      Il-Parlament jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha.

 Id-dritt

44      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qed tinvoka tliet motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-dmir ta’ premura previst fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Artikolu 8 tar-Regoli Interni, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 59(5) tar-Regolamenti tal-Persunal u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 12(2) tar-Regoli Interni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-dmir ta’ premura, previst fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Artikolu 8 tar-Regoli Interni

 L-argumenti tal-partijiet

45      Ir-rikorrenti tosserva li sa mill-2006 hija beda jkollha problemi ta’ komunikazzjoni mal-kollegi tagħha, anki jekk, f’dak iż-żmien, ir-rendiment professjonali tagħha kompla jkun suffiċjenti. Fl-2007, infetħet il-proċedura ta’ titjib fil-konfront tagħha. Anki jekk hija taqbel li meta nfetħet din il-proċedura l-kap tal-unità tagħha ma setax jissoponi li l-inkompetenzi professjonali osservati setgħu kienu dovuti għal raġunijiet ta’ natura medika, wara t-trasferiment tiegħu fl-unità “X” ħarġu fid-deher indikazzjonijiet ferm preċiżi f’dan is-sens. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-minuti tal-laqgħa li saret fil-5 ta’ Novembru 2008 bejn il-kap tal-unità tagħha u amministratur tad-dipartiment.

46      Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li hija kienet riluttanti li taċċetta li kien hemm problemi ta’ natura psikoloġika u rrifjutat kull għajnuna. Madankollu, huwa ferm diffiċli li persuna li tbati b’disturb tal-personalità, bħal dak li rriżulta lill-psikjatra kkonsultat mis-servizz mediku tal-Parlament, tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ patoloġija, billi l-parti kkonċernata tikkunsidra l-imġiba marbut magħha bħala naturali u inevitabbli.

47      Issa, l-ewwel evalwatur, minkejja dan, ippropona li titkeċċa. Ir-rikorrenti żżid li l-ipoteżi li d-diffikultajiet professjonali li kien qed ikollha seta’ kellhom oriġini medika ġiet enfasizzata mill-Kumitat fl-opinjoni tiegħu u li l-Kumitat kien tabilħaqq stieden lill-amministrazzjoni biex tivverfika l-fondatezza tagħha.

48      Ir-rikorrenti tosserva li, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha dmir ta’ premura fir-rigward tal-persunal tagħha. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan id-dmir, kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jimplikaw li, meta l-amministrazzjoni tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’hekk, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tad-dipartiment imma anki dak tal-uffiċjal. Meta tkun involuta deċiżjoni daqshekk serja bħalma hija dik ta’ tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali, tikber l-intensità tad-dmir ta’ premura li l-amministrazzjoni għandha.

49      Meta ddeċieda, f’dan il-każ, li ma jinformax immedjatament lis-servizz mediku tal-Parlament bis-suspett li r-rikorrenti kellha problemi ta’ natura psikoloġika wara li ġiet ittrasferita fl-unità “X”, l-evalwatur kiser id-dmir ta’ premura previst kemm fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fl-Artikolu 8 tar-Regoli Interni, speċjalment fl-Artikolu 8(5). Anki jekk ir-rikorrenti ma ridetx tirrikonoxxi li kellha dawn il-problemi u lanqas ma riedet tikkollabora, kien il-kompitu tal-amministrazzjoni, abbażi tad-dmir ta’ premura tagħha u meta kien hemm dubju dwar il-possibbiltà li d-diffikultajiet li r-rikorrenti kellha fit-twettieq ta’ dmirijietha kellhom oriġini medika, li tagħlaq jew għall-inqas tissospendi l-proċedura tal-inkompetenza professjonali u li titlob lis-servizz mediku jagħmel iktar investigazzjonijiet. Il-psikjatra kkonsultat mis-servizz mediku, għamel fl-opinjoni tiegħu dijanjosi ta’ “disturb tal-personalità ta’ tip fraġli”, u dan kellu iktar iwassal lill-amministrazzjoni biex tipproċedi b’dan il-mod.

50      B’ittra tas-27 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku r-rapport ta’ Dr H., psikjatra, li, wara li fil-21 ta’ April 2010 għamel xi mistoqsijiet u eżamina lir-rikorrenti, ikkonkluda li kien hemm disturb tal-personalità karatteristika u li kellu suspett ta’ tendenza lejn psikożi iktar manifesta. Ir-rikorrenti ġġustifikat id-dewmien fil-produzzjoni ta’ din il-prova ġdida bil-fatt li Dr H., li kienet saritlu talba għal appuntament f’Jannar 2010, kien disponibbli biss fil-21 ta’ April segwenti.

51      Il-Parlament isostni, qabel xejn, li r-riferiment għall-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex rilevanti għal dan il-każ, peress li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax id-dmir ta’ premura imma d-dmir ta’ assistenza li l-istituzzjonijiet għandhom. Il-Parlament jikkunsidra li konsegwentement għandu jirrispondi biss għall-argumenti tar-rikorrenti marbuta mal-allegat ksur tal-Artikolu 8 tar-Regoli Interni.

52      F’dan ir-rigward, il-Parlament josserva li d-deterjorament fil-prestazzjonijiet tar-rikorrenti, dovut prinċipalment għan-nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ rieda tagħha li twettaq b’mod korrett il-kompiti li kienu qed jiġu fdati lilu, beda jidher wara li hija stabbilixxiet ruħha bħala uffiċjal.

53      L-assistenta soċjali, li fuq it-talba tal-persuna responsabbli mir-riżorsi umani tad-DĠ “Traduzzjoni u Pubblikazzjoni”, marret fuq il-post tax-xogħol tar-rikorrenti, f’Settembru 2008, ma kkonstatatx anomaliji partikolari. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma rreaġixxietx b’mod pożittiv jew kostruttiv għall-għajnuna offruta lilha mill-assistenta soċjali.

54      Bl-istess mod, lanqas l-uffiċjal mediku tal-Parlament, li għandu r-rikorrenti marret finalment fl-20 ta’ Novembru 2008, ma kkonstata anomaliji mil-lat mediku u dan irrefera lir-rikorrenti għand l-assistenta soċjali.

55      Il-Parlament jenfasizza li, minkejja l-isforzi kollha tal-istituzzjoni biex tgħinha, ir-rikorrenti baqgħet tilmenta li s-superjuri tagħha ma kinux jifhmu l-mentalità tagħha. Il-Parlament iżid li r-rikorrenti ma kinitx tħossha komda f’ambjent multikulturali u internazzjonali u li kemm-il darba wriet ċertu disprezz fil-konfront tal-Parlament, tal-Unjoni u ta’ xogħlha, billi saħanistra waslet biex tgħid li riedet tirreżenja minn xogħlha.

56      Il-Parlament jikkunsidra li l-Artikolu 8 tar-Regoli Interni ġie applikat korrettament f’dan il-każ. Fil-fatt, fil-mument li nfetħet il-proċedura ta’ titjib, jiġifieri matul l-intervista inizjali prevista fl-Artikolu 7 tar-Regoli Interni, li saret fid-9 ta’ Lulju 2007, l-evalwatur finali kien ikkonkluda li ma kienx hemm għalfejn jitlob informazzjoni mingħand is-servizz mediku, peress li ma osservax fir-rigward tar-rikorrenti sinjali ta’ inkompetenza professjonali li setgħu kienu dovuti għal raġunijiet ta’ natura medika. Ir-rikorrenti stess lanqas ma semmiet li kien hemm tali raġunijiet. Għaldaqstant, l-evalwatur finali aġixxa f’konformità sħiħa mal-Artikolu 8(1) tar-Regoli Interni.

57      Barra minn hekk, il-psikjatra kkonsultat mis-servizz mediku f’Awwissu 2009 kkonkluda b’mod ċar, wara li eżamina lir-rikorrenti, li ma kien hemm l-ebda konfużjoni mentali. F’dawn il-kundizzjonijiet, tali dijanjosi bl-ebda mod ma kienet teskludi li l-amministrazzjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-inkompetenzi professjonali tar-rikorrenti ma kellhomx oriġini medika. F’kull każ, ir-rapport ta’ dan it-tabib ma stabbilixxiex li kien hemm rabta bejn id-disturb tal-personalità li kkonstata fir-rigward tar-rikorrenti u l-inkompetenzi professjonali tagħha. Il-Parlament ikkunsidra li minn dan kollu jista’ jiddeduċi li, anki li kieku kien hemm id-disturb tal-personalità suġġett tad-dijanjosi, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li twettaq xogħlha b’mod korrett.

58      Il-Parlament iżid li l-iżbalji li r-rikorrenti għamlet fit-twettiq ta’ dmirijietha kienu tant serji u frekwenti li kienu qed jimpedixxu l-funzjonament tajjeb tad-dipartiment. L-imġiba offensiva tagħha fi ħdan id-dipartiment u, b’mod partikolari, ir-rifjut kategoriku tagħha li taħdem ma’ kollegi ta’ ċerta nazzjonalità jew ta’ ċerta oriġini etnika rrenda kull kollaborazzjoni impossibbli.

59      Il-Parlament jikkontesta l-interpretazzjoni mogħtija lill-minuti tal-laqgħa tal-5 ta’ Novembru 2008, imsemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq. Matul dik il-laqgħa, ġie biss issuġġerit li l-ħidma u l-imġiba tar-rikorrenti fid-dipartiment jiġu segwiti mill-qrib u li tittieħed nota ta’ kull dettall li jista’ jgħin lill-evalwatur finali sabiex jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar il-futur professjonali tar-rikorrenti. Ġie wkoll enfasizzat li saru l-isforzi kollha possibli sabiex tingħata, f’każ ta’ bżonn, għajnuna psikoloġika lir-rikorrenti u li madankollu din dejjem ċaħdet li kellha xi problemi psikoloġiċi u rrifjutat kull għajnuna. Skont il-Parlament, ma jirriżulta xejn mill-minuti ta’ din il-laqgħa li f’dik l-okkażjoni ġie sostnut li raġunijiet ta’ natura medika setgħu jkunu l-kawża tad-diffikultajiet professjonali li r-rikorrenti kellha sa minn meta stabbilixxiet ruħha bħala uffiċjal u li “kellha bżonn ta’ għajnuna psikoloġika”.

60      Il-Parlament jesprimi dubji fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li hija kienet riluttanti li tirrikonoxxi li kellha problemi ta’ natura psikoloġika, peress li skont l-uffiċjal mediku tal-Parlament, hija kienet qiegħda ssegwi trattament, għand psikjatra, b’tali mod li hija kienet neċessarjament konxja mill-fatt li kellha problemi ta’ natura psikjatrika li għalihom hija setgħet tirreferi matul il-proċedura ta’ titjib.

61      Fl-aħħar nett, il-Parlament jikkontesta r-rilevanza tal-opinjoni tal-Kumitat. Il-Parlament jenfasizza li l-Kumitat ma huwiex kompost minn tobba u li l-opinjoni tiegħu ngħatat fl-14 ta’ Mejju 2009. Issa, f’Mejju 2009, l-Awtorità tal-Ħatra setgħet tibbaża ruħha fuq il-konklużjonijiet tal-uffiċjal mediku tal-Parlament li saru xi xhur qabel, f’Novembru 2008, wara li f’dak iż-żmien kien eżamina lir-rikorrenti, u li minnhom jirriżulta li ma kienx hemm anomaliji mil-lat mediku.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

62      Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li, meta ġiet segwita l-proċedura li tittratta l-inkompetenza professjonali sakemm ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, minkejja li diversi sinjali kienu jippermettu li jiġi osservat, matul dik il-proċedura kollha, li l-problemi professjonali tagħha setgħu kellhom oriġini medika, il-Parlament injora d-dmir ta’ premura previst fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Artikolu 8 tar-Regoli Interni. Ir-rikorrenti tippreċiża li d-dmir ta’ premura jimponi fuq l-amministrazzjoni, fil-każ ta’ uffiċjali li fir-rigward tagħhom ikunu ġew osservati sinjali ta’ disturbi psikoloġiċi, obbligu pożittiv li tikkuntattja tabib.

63      F’dan ir-rigward, l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jinftiehem bħala li huwa bbażat essenzjalment fuq nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-dmir ta’ premura, hekk kif stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 8 tar-Regoli Interni, mingħajr ma huwa neċessarjament meħtieġ li tiġi investigata l-portata tal-obbligu ta’ assistenza bbażat fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal stess.

64      Għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-kunċett tad-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, kif ġie żviluppat mill-ġurisprudenza, jirrifletti l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjoni u l-persunal tas-servizz pubbliku. Dan il-bilanċ jimplika b’mod partikolari li, meta hija tagħti deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-amministrazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’dan il-mod, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tad-dipartiment imma wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni, 33/79 u 75/79, Ġabra p. 1677, punt 22; u tad-29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑298/93 P, Ġabra p. I‑3009, punt 38).

65      Id-dmir ta’ premura jimponi fuq l-amministrazzjoni, meta jkun hemm dubju dwar l-oriġini medika tad-diffikultajiet li jkun qed isib uffiċjal biex iwettaq il-kompiti tiegħu, li tagħmel kull sforz biex tneħħi dan id-dubju qabel ma tkun adottata deċiżjoni dwar it-tkeċċija tal-imsemmi uffiċjal (ara, bħala analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Frar 2003, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑145/01, ĠabraSP p. I‑A‑59 u II‑337, punt 93).

66      Dan ir-rekwiżit huwa rifless fir-Regoli Interni stess peress li l-Artikolu 8 tal-imsemmija regoli jipprevedi li għandu jkun l-evalwatur finali, f’ċerti ċirkustanzi, li jsejjaħ lis-servizz mediku tal-Parlament jekk ikun jaf b’fatti li jistgħu jindikaw li l-imġiba kkritikata tal-uffiċjal jista’ jkollu oriġini medika.

67      Barra minn hekk, l-obbligi li d-dmir ta’ premura jimponi fuq l-amministrazzjoni huma sostanzjalment imsaħħa meta s-sitwazzjoni inkwistjoni tkun is-sitwazzjoni partikolari ta’ uffiċjal li fir-rigward tiegħu jeżistu xi dubji dwar is-saħħa mentali tiegħu u, konsegwentement, dwar il-kapaċità tiegħu li jiddefendi, b’mod adegwat, l-interessi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Diċembru 2006, de Brito Sequeira Carvalho vs Il‑Kummissjoni, F‑17/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑149 u II‑A‑1‑577, punt 72). Dan japplika iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, l-uffiċjal ikkonċernat ikun taħt theddida li jitkeċċa u b’hekk f’sitwazzjoni vulnerabbli.

68      F’dan il-każ, mill-minuti tal-laqgħa tal-5 ta’ Novembru 2008 dwar l-integrazzjoni tar-rikorrenti fi ħdan l-unità “X”, u li l-segretarju prinċipali u d-Direttur Ġenerali kienu destinatarji tagħhom, jirriżulta li r-rikorrenti kienet qiegħda turi rieda tajba, imma kien qiegħed ikollha problemi biex tikkomunika mal-kollegi tagħha, kienet iżolata fi ħdan id-dipartiment minħabba l-imġiba tagħha u l-kap tal-unità inkwistjoni kien qed jibża’ li din l-imġiba kienet se taffetwa ħażin, eventwalment, l-atmosfera fi ħdan id-dipartiment. F’dawn il-minuti ġie indikat ukoll li saru l-isforzi kollha sabiex ir-rikorrenti tingħata assistenza psikoloġika — min-naħa ta’ tabib jew ta’ assistent soċjali — f’każ ta’ bżonn, u li madankollu din ċaħdet li kellha xi problemi u rrifjutat kull għajnuna.

69      Barra minn hekk, il-Kumitat ġie kkonsultat fuq il-proposta ta’ tkeċċija tar-rikorrenti. Fl-opinjoni li ta fl-14 ta’ Mejju 2009, il-Kumitat ikkonkluda li r-rikorrenti ma setgħetx twettaq b’mod sodisfaċenti l-kompiti professjonali assenjati lilha u li ma setgħetx taħdem fi ħdan ambjent multikulturali bħal dak tal-Parlament. Il-Kumitat ikkonkluda wkoll li l-amministrazzjoni kellha tistħarreġ jekk l-inadegwatezza professjonali tar-rikorrenti kinitx dovuta għal raġunijiet mediċi. Fl-aħħar nett, huwa approva l-proposta ta’ tkeċċija kemm-il darba jintwera li l-inadegwatezza professjonali tar-rikorrenti ma kinitx dovuta għal raġunijiet mediċi jew kemm-il darba r-rikorrenti tirrifjuta li toqgħod għall-eżamijiet mediċi neċessarji sabiex tkun eskluża l-oriġini medika tad-diffikultajiet professjonali tagħha.

70      Għandu jiġi kkonstatat li parti kbira mill-kontenut tal-opinjoni tirrigwarda l-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ rabta bejn id-diffikultajiet professjonali tar-rikorrenti u l-istat ta’ saħħa mentali tagħha.

71      B’hekk, fl-opinjoni, il-Kumitat ġibed l-attenzjoni għall-fatt li ċertu numru ta’ persuni li ħadmu mar-rikorrenti kienu informawh li huma kellhom xi dubji dwar l-istat mentali tagħha, u li huwa wkoll kellu l-impressjoni, waqt is-smigħ tar-rikorrenti, li din kienet tinsab fi stat mentali instabbli jew iddisturbat.

72      Fl-opinjoni, il-Kumitat indika wkoll li s-smigħ li kien għamel żvela opinjoni konverġenti tas-superjuri ġerarkiċi tar-rikorrenti, jiġifieri li, ftit wara li stabbilixxiet ruħha bħala uffiċjal, hija bdiet turi mġiba mhux tas-soltu, imġiba li inkludiet, b’mod partikolari, kriżijiet perijodiċi b’attitudni antisoċjali fir-rigward tal-kollegi tagħha, rifjut li twettaq il-kompiti assenjati lilha u dan, mingħajr raġuni evidenti jew għal motivi eċċentriċi, jew ukoll, daħk li ma kienx xieraq.

73      Barra minn hekk, l-opinjoni tal-Kumitat enfasizzat diversi fatti: id-DĠ “Traduzzjoni u Pubblikazzjoni” kien ikkuntattja lis-servizz mediku tal-Parlament f’Awwissu 2008 u dan kien ippropona li r-rikorrenti tagħmel appuntament biex ikunu eżaminati s-“sinjali ta’ dipressjoni possibbli” li s-servizz mediku diġà kien osserva f’Diċembru 2006, imma r-rikorrenti ma weġbitx għal din l-istedina; għalhekk, id-DĠ “Traduzzjoni u Pubblikazzjoni” talab l-intervent tas-servizzi soċjali tal-Parlament, imma dan ġie rrifjutat mir-rikorrenti. Mill-fajl jirriżulta wkoll li r-rikorrenti, meta fi tmiem is-sena 2008 kienet qiegħda taħdem fl-unità “X”, saritilha l-proposta li tingħata assistenza psikoloġika minn, inter alia, tabib imma hija rrifjutat kull għajnuna.

74      Huwa minnu li l-amministrazzjoni għandha r-responsabbiltà li tiżgura ruħha li l-uffiċjali jew l-aġenti ma jagħmlux użu abbużiv jew frawdolenti mid-drittijiet li għandhom abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari, fir-rigward tal-assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ invalidità.

75      Madankollu, fid-dawl tal-premess, hemm lok li jiġi konkluż li l-amministrazzjoni, minn tmiem is-sena 2008 u għall-inqas f’Mejju 2009 meta l-Kumitat ħareġ l-opinjoni, kellha elementi suffiċjenti biex setgħet tippreżumi li l-imġiba kkritikata tar-rikorrenti setgħet kienet dovuta għal raġunijiet ta’ natura medika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata, hija kellha tagħmel kull sforz biex tiżgura ruħha li dan ma kienx il-każ.

76      Issa, il-Parlament, kulma jagħmel sabiex jiddefendi lilu nnifsu huwa li jafferma li fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l-amministrazzjoni kellha elementi li abbażi tagħhom setgħet tqis li d-diffikultajiet professjonali tar-rikorrenti ma kellhomx oriġini medika.

77      L-iktar l-iktar, il-Parlament għamel użu mill-evalwazzjoni tal-assistenta soċjali tiegħu, wara ż-żjara li saret f’Settembru 2008 fuq il-post tax-xogħol tar-rikorrenti, u minn dik tal-uffiċjal mediku tiegħu li, matul l-appuntament tal-20 ta’ Novembru 2008, ma kkonstata l-ebda anomalija ta’ natura medika.

78      Madankollu, l-evalwazzjoni ta’ assistenta soċjali, li ma għandhiex il-kompetenzi mediċi neċessarji, ma tistax tagħti l-possibbiltà li l-amministrazzjoni tneħħi kull dubju dwar l-oriġini medika ta’ diffikultajiet professjonali ta’ membru tal-persunal tagħha.

79      Fir-rigward tal-“eżami” li l-uffiċjal mediku tal-Parlament għamel fl-20 ta’ Novembru 2008, l-uniku element prodott fil-fajl relatat ma’ dan l-“eżami” hija ittra elettronika tas-27 ta’ Ottubru 2009 fejn jingħad li:

“Jiena kelli intervista mar-[rikorrenti] fil-preżenza tal-assistenta soċjali sabiex nestendi l-investigazzjoni anki għall-aspetti soċjali li magħhom [ir-rikorrenti] setgħet tiltaqa’. Waqt l-intervista [ma] ġara xejn partikolari.”

80      Issa, f’din l-ittra elettronika ma jidhirx li l-uffiċjal mediku tal-Parlament, li barra minn hekk ma huwiex psikjatra, għamel dijanjosi wara l-intervista jew li huwa ġibed xi konklużjonijiet, wara din l-intervista, dwar il-possibbiltà li d-diffikultajiet professjonali tar-rikorrenti kellhom oriġini medika; fil-fatt, kulma għamel l-uffiċjal mediku kien li rrefera għall-iżvolġiment tal-intervista u għall-fatt li f’dik l-okkażjoni ma ġara l-ebda inċident.

81      Għalhekk, ma jidhirx li l-provi invokati mill-Parlament huma suffiċjentement konvinċenti.

82      Fuq kollox, il-Parlament ma jirreferi għal ebda azzjoni li l-amministrazzjoni ħadet bejn il-mument meta hija kienet informata bl-opinjoni tal-Kumitat u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

83      Issa, azzjoni bil-għan li jiġi ddeterminat jekk id-diffikultajiet professjonali tar-rikorrenti kellhomx oriġini medika kellha tittieħed b’mod partikolari f’dan l-istadju tal-proċedura inkwantu din kienet irrakkomandata mill-Kumitat u dan tal-aħħar, li seta’ jeżamina b’mod dettaljat is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, semma espressament il-possibbiltà ta’ rabta bejn id-diffikultajiet professjonali tar-rikorrenti u s-saħħa mentali tagħha.

84      Barra minn hekk, fid-dawl tal-opinjoni, ir-rifjuti ripetuti tar-rikorrenti għal kull offerta ta’ assistenza, f’dan il-każ, setgħu raġonevolment jiġu interpretati mill-amministrazzjoni bħala possibbiltà ta’ rifjut min-naħa tar-rikorrenti li tikkunsidra li hija kienet qiegħda tbati minn disturbi mentali u għalhekk bħala sinjal li hija ma kinitx kapaċi, minħabba saħħitha, tiddefendi l-interessi tagħha b’mod adegwat. Il-fatt li hija kienet segwita minn psikjatra, iktar milli jistabbilixxi li kienet kapaċi tirrikonoxxi li kellha disturbi mentali, pjuttost kien jindika li l-Parlament kien ikun iġġustifikat li jaġixxi b’iktar kawtela.

85      B’hekk, kif ingħad iktar ’il fuq, meta uffiċjal ma jkunx kapaċi jaġixxi f’ismu u jevalwa l-eżistenza stess tal-marda tiegħu, din is-sitwazzjoni tista’ timplika, jekk ikun il-każ, obbligu pożittiv min-naħa tal-istituzzjoni u dan, iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, l-uffiċjal inkwistjoni jkun taħt theddida li jitkeċċa u b’hekk f’sitwazzjoni vulnerabbli. Għaldaqstant, f’dan il-kuntest partikolari, kellha tkun l-amministrazzjoni li tinsisti mar-rikorrenti biex din taċċetta li toqgħod għal eżami mediku supplimentari, b’mod partikolari billi tagħmel użu mid-dritt li istituzzjoni għandha li tara li l-uffiċjal ikun eżaminat mil-uffiċjal mediku, abbażi tal-Artikolu 59(5) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippermetti li uffiċjal jista’ jkun meħtieġ jieħu l-leave jekk l-istat ta’ saħħa tiegħu jeżiġi dan.

86      Issa, il-Parlament la jistabbilixxi u lanqas ma jallega, fil-kuntest partikolari mfakkar fil-punt preċedenti, li saru xi sforzi speċifiċi — wara li sar jaf bl-opinjoni tal-Kumitat — sabiex jikkonvinċi lir-rikorrenti joqgħod għal eżami ta’ tabib. Id-deċiżjoni kkontestata, barra minn hekk, ma tgħid xejn f’dan ir-rigward, minkejja l-opinjoni, u ma tinkludi l-ebda raġuni li tiġġustifika n-nuqqas ta’ kull investigazzjoni ta’ natura medika.

87      Dan in-nuqqas ta’ teħid ta’ miżuri xierqa fir-rigward tar-rikorrenti huwa iktar u iktar inspjegabbli peress, li anki jekk id-deċiżjoni kkontestatata diġà kienet ittieħdet, il-Parlament, permezz tas-servizz mediku tiegħu, ma eżitax, wara li r-rikorrenti marret għand l-imsemmi servizz, biex f’Awwissu 2009 iqabbad psikjatra ħalli jeżaminaha. Din id-deċiżjoni tal-aħħar tal-Parlament, li ttieħdet bilkemm xahar wara d-deċiżjoni kkontestata, tikkonferma n-neċessità li kien hemm li r-rikorrenti tiġi eżaminata minn tabib speċjalista u, konsegwentement, turi l-lakuni tal-proċedura li wasslet għat-tkeċċija kkontestata.

88      Issa, tali eżami mediku tar-rikorrenti kellu jsir qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ tkeċċija kkunsidrata, li setgħet, skont il-każ, tkun iġġustifikata li kieku t-tabib li ġie hekk kkonsultat eskluda tabilħaqq kull raġuni medika bħala li setgħet tkun il-kawża tal-imġiba kkritikata tar-rikorrenti.

89      Fid-dawl ta’ dan kollu premess u mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-produzzjoni tal-prova mressqa fis-27 ta’ April 2010 mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament ma ħax il-miżuri kollha sabiex ineħħi d-dubju li kien hemm dwar l-oriġini medika tad-diffikultajiet professjonali tar-rikorrenti, u li b’hekk ma wettaqx id-dmir ta’ premura, u konsegwentement, kiser l-Artikolu 8 tar-Regoli Interni.

90      Għalhekk u mingħajr ma hemm għalfejn jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti, għandu jintlaqa’ l-ewwel motiv u, konsegwentement, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-talba għal kumpens għad-danni

91      Ir-rikorrenti titlob, bħala kumpens għad-danni morali li hija ssostni li sofriet, il-ħlas tas-somma ta’ EUR 15 000.

92      Il-Parlament jenfasizza li r-rikorrenti bl-ebda mod ma tippreċiża fiex jikkonsisti d-dannu li sofriet u konsegwentement jikkunsidra t-talba tagħha bħala waħda inammissibbli.

93      Sussidjarjament, huwa jikkunsidra li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tal-illegalità tal-imġiba kkritikata.

94      F’dan ir-rigward, diffiċilment jista’ jiġi kkontestat li l-imġiba illegali tal-Parlament, ikkonstatat fil-punt 87 ta’ iktar ’il fuq, ikkawża dannu morali lir-rikorrenti.

95      Madankollu, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità, li jopera ab initio, jista’ jkun fih innifsu kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawes vs Il‑Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, Ġabra p. 3259, punt 22; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il‑Kunsill, T‑116/03, ĠabraSP p. I‑A‑339 u II‑1541, punt 127, u tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, ĠabraSP p. I‑A‑2‑129 u II‑A‑2‑609, punt 131; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il‑Kunsill, F‑6/07, Ġabra p. I‑A‑1‑151 u II‑A‑1‑819, punt 151), sakemm ir-rikorrent ma jurix li sofra dannu morali li jista’ jiġi sseparat mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat kompletament b’dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, Ġabra p. I‑225, punti 27 u 28).

96      F’dan il-każ, ir-rikorrenti setgħet tħoss sentimenti ta’ inġustizzja, ta’ frustrazzjoni jew ta’ insikurezza, imma dan id-dannu ġiet kkumpensat b’mod adegwat u suffiċjenti bl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li kienet il-kawża ta’ dawn is-sentimenti.

97      Konsegwentement, it-talba għal kumpens għad-danni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

98      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, salv dispożizzjonijiet oħra tat-tieni titolu tat-tmien kapitolu tal-imsemmija regoli, kull parti li titlef għandha tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef tiġi biss parzjalment ikkundannata għall-ispejjeż jew li hija ma tiġix ikkundannata għall-ispejjeż.

99      Mill-motivi ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Parlament huwa l-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti talbet espressament li l-Parlament jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Għalhekk, peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Parlament għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tas-6 ta’ Lulju 2009, dwar it-tkeċċija ta’ U hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Tagaras

Van Raepenbusch

Rofes i Pujol

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ottubru 2010.

W. Hakenberg

 

      H. Tagaras

Reġistratur

 

      President

It-testi tal-preżenti deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ċċitati fiha huma disponibbli fuq is-sit internet www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.