Language of document : ECLI:EU:F:2011:179

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

8 ta’ Novembru 2011

Kawża F‑92/09 DEP

U

vs

Il-Parlament Ewropew

“Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż — Deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment — Proċeduri għal miżuri provviżjori”

Suġġett: Rikors li permezz tiegħu U adixxa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’talba għall-intaxxar tal-ispejjeż skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Deċiżjoni:      L-ammont tal-ispejjeż li r-rikorrent jista’ jiġbor mingħand il-Parlament huwa stabbilit fl-ammont ta’ EUR 23 670, fuq liema somma jiddekorru l-interessi moratorji, mid-data tan-notifika ta’ dan id-digriet sad-data tal-pagament, bir-rata kkalkolata fuq il-bażi tar-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, applikabbli matul il-perijodu hawn fuq imsemmi, b’żieda ta’ żewġ punti.

Sommarju

1.      Proċedura — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

2.      Proċedura — Spejjeż — Taxxa — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

3.      Proċedura — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE); (Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

4.      Proċedura — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(4))

5.      Proċedura — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Spejjeż sostnuti mill-partijiet fl-istadju li jippreċedi l-preżentata tar-rikors — Esklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

6.      Proċedura — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż sostnuti fl-ambitu tal-proċedura ta’ ntaxxar tal-ispejjeż — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 86 u 92)

7.      Proċedura — Spejjeż — Taxxa — Interessi moratorji

1.      Mill-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma biss, minn naħa, dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal u, min-naħa l-oħra, dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet. Barra minn hekk, huwa l-oneru tar-rikorrent li jipproduċi provi ta’ natura li jistabbilixxu r-realtà tal-ispejjeż li tagħhom huwa jitlob rimbors.

(ara l-punt 37)

2.      Il-qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, imma li tiddetermina l-ammont korrispondenti għar-remunerazzjonijiet li jistgħu jinġabru mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it‑talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura tariffarja fid-dritt tal-Unjoni, il-qorti tal-Unjoni għandha liberament tevalwa l-informazzjoni tal-kawża, billi tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet tikkawża lill-aġenti jew lill-konsulenti li intervjenew u l-interessi ekonomiċi li t-tilwima kellha għall-partijiet.

(ara l-punti 38 u 39)

3.      Huwa aċċettat li l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom li huma marbuta mal-perijodu wara l-proċedura orali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fil-każ tal-onorarji mħallsa għall-analiżi tas-sentenzi u l-preparazzjoni tal-appelli. Madankollu, mill-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE jirriżulta li proċedura għal miżuri provviżorji għandha l-għan li tirregola sitwazzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċedura fil-mertu u sakemm tingħata deċiżjoni fiha. Barra minn hekk, il-bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-proċedura fil-mertu, l-ispejjeż involuti fl-analiżi ta’ digriet fi proċedura għal miżuri provviżorji huwa riżultat tal-fatt li dawn il-proċeduri ma humiex distinti u indipendenti minn xulxin, minħabba li dawn huma marbuta mal-istess każ u għandhom, għalhekk, elementi sostanzjali komuni.

(ara l-punt 46)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 31 ta’ Marzu 2011, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, T-5/02 DEP u T-80/02 DEP, punt 77

4.      Fir-rigward tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, servizz marbut mal-qari tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jikkonċerna a priori l-istadju prekontenzjuż tal-proċedura fil-mertu. Madankollu, peress li l-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġiet eċċezzjonalment introdotta fuq il-bażi tal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, jew immedjatament wara li tressaq l-ilment u mingħajr stennija għad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, huwa essenzjali għall-kontinwazzjoni tal-proċedura fil-mertu li r-rikorrent jieħu konjizzjoni ta’ din id-deċiżjoni, mogħtija fil-mori tal-kawża, u jevalwa l-implikazzjonijiet tagħha.

(ara l-punt 47)

5.      L-ispejjeż tal-avukati marbuta ma’ perijodi li matulhom ma ġie rreġistrat ebda att ta’ proċedura huma esklużi bħala spejjeż li ma kinux indispensabbli għall-proċedura.

(ara l-punt 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 6 ta’ Jannar 2004, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-104/89 DEP, punt 47; Willeme vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, point 37

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Diċembru 2010, Le Levant 015 et vs Il-Kummissjoni, T-34/02 DEP, punt 33

6.      B’mod differenti mill-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-Artikolu 92 tal-istess regoli, li jirrigwarda l-proċedura ta’ kontestazzjoni dwar l-ispejjeż, ma jipprovdix li fir-rigward tal-ispejjeż tingħata deċiżjoni fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq il-kawża. Fil-fatt, jekk, skont l-Artikolu 92 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi dwar il-kontestazzjoni tal-ispejjeż ta’ kawża prinċipali u, separatament, dwar l-ispejjeż il-ġodda sostnuti fil-kuntest ta’ din il-kontestazzjoni tal-aħħar, hija tista’, jekk ikun il-każ, tiġi sussegwentement adita b’kontestazzjoni ġdida fir-rigward tal-ispejjeż il-ġodda. Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata separatament deċiżjoni dwar l-ispejjeż u l-onorarji sostnuti għall-finijiet tal-proċedura ta’ ntaxxar tal-ispejjeż quddiem it-Tribunal. Madankollu, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha, meta tiffissa l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument tal-adozzjoni tad-digriet tal-intaxxar tal-ispejjeż.

(ara l-punti 63 sa 65)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ April 2010, Schönberger vs Il-Parlament, F-7/08 DEP, punt 45 sa 47

7.      Skont l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Tribunal, minn naħa waħda, il-konstatazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tal-interessi moratorji fuq kundanna għall-ispejjeż ippronunzjata mill-istess tribunal u, min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tar-rata applikabbli.

(ara l-punt 67)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, X vs Il-Parlament, F-147/08 DEP, punt 35