Language of document : ECLI:EU:F:2012:43

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

22 ta’ Marzu 2012

Kawża F‑143/11 R

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Urġenza — Assenza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 278 TFUE u157 KEEA kif ukoll tal-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba — li tinsab fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Awwissu 2011 — għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 3 316.31 għall-ispejjeż esposti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Frar 2011, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑81/09, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑238/11 P).

Deċiżjoni: It-talba għal proċeduri għal miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma riżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris” — Urġenza — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Oneru tal-prova

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

1.      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-għoti tal-miżuri mitluba minnhom.

Il-kundizzjonijiet dwar l-urġenza u dwar il-ġustifikazzjoni prima facie tat-talba (fumus boni juris) huma kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda fil-mument li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix ssodisfatta. Huwa wkoll l-Imħallef għal miżuri provviżorji li għandu jipproċedi bl-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami sħiħ, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u jibqa’ liberu li jiddetermina, fir-rigward tal-aspetti partikolari tal-każ, il-mod li bih dawn il-kundizzjonijiet differenti għandhom jiġu vverifikati, kif ukoll in-natura ta’ dan l-eżami, ġaladarba ebda regola ta’ dritt ma timponilu skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel biex jevalwa n-neċessità li jiddeċiedi provviżorjament.

(ara l-punti 10 sa 12)

Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 3 ta’ Lulju 2008: Plasa vs Il-Kummissjoni, F‑52/08 R, punti 21 u 22, u l-ġurisprudenza ċċitata; 15 ta’ Frar 2011, de Pretis Cagnodo u Trampuz de Pretis Cagnodo vs Il‑Kummissjoni, F‑104/10 R, punt 16

2.      L-għan ta’ dawn il-proċeduri għal miżuri provviżorji ma huwiex li jiġi żgurat kumpens għal dannu, iżda li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Biex jintlaħaq dan l-aħħar għan, jeħtieġ li l-miżuri mitluba jkunu urġenti fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li dawn ikunu evidenti u jipproduċi l-effetti tagħhom sa minn qabel l-għoti tad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija l-parti li titlob li jingħataw miżuri provviżorji li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna sa tmiem tal-proċeduri fil-kawża prinċipali mingħajr ma tkun batiet minn dannu ta’ din in-natura.

(ara l-punt 14)

Referenza:

Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Diċembru 2002, Esch‑Leonhardt et vs BĊE, T‑320/02 R, punt 27