Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2019 minn Gregor Schneider mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fl-4 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-560/16, Gregor Schneider vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

(Kawża C-116/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Gregor Schneider (rappreżentant: H. Tettenborn, Rechtsanwalt)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Ir-Raba’ Awla) tal-4 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-560/16;

tiddeċiedi skont it-talbiet tar-rikorrent f’dik il-proċedura, jiġifieri

tannulla d-deċiżjoni tal-EUIPO (f’dak iż-żmien, l-UASI) tat-2 ta’ Ottubru 2014, skont liema r-rikorrent ġie ttrasferit mid-Dipartiment għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u għall-Affarijiet Legali għad-Dipartiment tal-Operazzjonijiet;

sussidjarjament: tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea wara li tannulla s-sentenza msemmija hawn fuq;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż tal-proċeduri kollha – jiġifieri, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u l-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jibbaża ruħu fuq disa’ aggravji.

L-ewwel aggravju, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-“regola ta’ korrispondenza” bejn l-ilment fis-sens tal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-azzjoni sussegwenti, għaliex hija ċaħdet bħala inammissibbli, b’riferiment għall-prinċipju ta’ korrispondenza, motiv li r-rikorrent, fiż-żmien li fih ressaq l-ilment, bl-ebda mod ma kien f’pożizzjoni li jressaq fl-assenza ta’ allokazzjoni ta’ kompiti li kienet għadha ma saritx.

It-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi interpretat b’mod żbaljat il-kriterji għall-evalwazzjoni dwar jekk kienx hemm użu ħażin ta’ poter, sa fejn hija stabbilixxiet il-prinċipju legali li, meta miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ma ġietx meqjusa li tmur kontra l-interessi tas-servizz, ma jistax jingħad li hemm użu ħażin ta’ poter. Dan il-prinċipju legali ma jistax ikun korrett għaliex ikun, bħala regola ġenerali, jeskludi mill-każijiet ta’ użu ħażin ta’ poter is-sitwazzjonijiet kollha li fihom l-amministrazzjoni tinvoka interess plawżibbli tas-servizz, mingħajr ma effettivament issegwi dak l-interess. Huma preċiżament il-każijiet ta’ użu ħażin ta’ poter maħsuba b’mod intelliġenti li ma għandhomx ġeneralment jevitaw l-istħarriġ legali permezz ta’ prinċipju legali fformulat b’dan il-mod.

It-tielet aggravju, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi interpretat b’mod żbaljat ir-rekwiżiti għal smigħ, li huwa ggarantit mid-dritt tar-rikorrent għal smigħ, li huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 41(1) flimkien mal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn hija tqis li smigħ huwa meħtieġ biss fejn miżura individwali prevista tista’, mill-perspettiva tal-awtorità, taffettwa b’mod negattiv il-persuna kkonċernata. Smigħ u l-għoti tad-dritt għal smigħ għandhom, madankollu, iservu preċiżament sabiex jiżvelaw perspettivi u effetti ta’ deċiżjonijiet ippjanati li l-awtorità nnfisha tkun għadha ma kkunsidratx.

Ir-raba’ aggravju, il-Qorti Ġenerali kisret b’mod ripetut id-dritt għal smigħ tar-rikorrent, sa fejn, fost l-oħrajn, injorat il-provi ulterjuri prodotti fil-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u naqset milli tindirizza l-proposta korrispondenti ta’ xhieda jew li tieħu deċiżjoni taħt l-Artikolu 85(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Qorti Ġenerali kisret ukoll id-dritt għal smigħ tar-rikorrent għaliex ma semgħetx lix-xhieda diġà proposti fir-rikors u fl-istess waqt ikkritikat lir-rikorrent talli naqas milli jipproduċi provi.

Il-ħames aggravju, il-Qorti Ġenerali tonqos ukoll b’dan il-mod milli tosserva l-prinċipji fundamentali li jiżguraw smigħ xieraq taħt l-istat tad-dritt għall-finijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tqajjem dubji dwar l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja.

Is-sitt aggravju, il-Qorti Ġenerali żnaturat ripetutament il-fatti quddiemha.

Is-seba’ aggravju, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkjarifika l-fatti; it-tmien aggravju, hija naqset li tagħti motivazzjoni; u, id-disa’ aggravju, hija injorat ir-regoli tal-loġika.

____________