Language of document : ECLI:EU:C:2009:810

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

23 ta’ Diċembru 2009 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Miżuri provviżorji dwar id-dritt ta’ kustodja – Deċiżjoni eżekuttiva fi Stat Membru – Tneħħija illegali ta’ minuri – Stat Membru ieħor – Qorti oħra – Assenjazzjoni tal‑kustodja tal-minuri lill-ġenitur l-ieħor – Ġurisdizzjoni – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑403/09 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Višje Sodišče v Mariboru (is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ottubru 2009, fil-proċedura bejn

Jasna Detiček

vs

Maurizio Sgueglia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, J. Malenovský (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju, tad-19 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ottubru 2009, li r-rinviju preliminari jinstema’ bil‑proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura,

wara li rat id-deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2009 tat-Tielet Awla li tilqa’ t-talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal J. Detiček, minn B. Žibret, avukat,

–        għal M. Sgueglia, minn L. Varanelli, avukat,

–        għall-Gvern Sloven, minn N. Aleš Verdir, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Kemper, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn F. Arena, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Latvjan, minn K. Drevina, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Arciszewski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑ M. Rouchaud-Joët u M. Žebre, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003,  dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6 p. 243).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Detiček u M. Sgueglia fir-rigward tal-kustodja tat-tifla tagħhom Antonella.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 hija fformulata kif ġej:

“Ir-raġunijiet [regoli] ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l‑ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l‑ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l‑minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar‑responsabilità.”

4        Il-premessa 16 ta’ dan ir-regolament tgħid:

“Dan ir-Regolament m’għandux jimpedixxi lill-qrati ta’ xi Stat Membru milli jieħdu miżuri proviżorji, inkluzi dawk protettivi, f’każijiet urġenti, fir-rigward ta’ persuni jew proprjetà li tinstab f’dak l-Istat.”

5        Il-premessa 21 tal-imsemmi regolament tiddisponi:

“Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.”

6        Skont il-premessa 33 tar-Regolament Nru 2201/2003:

“Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji ta’ l-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1, iktar ’il quddiem il-‘Karta’)]. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-[Karta]”

7        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

4)      il-kelma ‘sentenza’ għandha tfisser divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, kif ukoll sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni;

[…]

11)      il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija ta’ l‑minuri jew iż-żamma fejn;

a)      hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

u

b)      iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.”

8        L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.”

9        L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi [kawtelatorji]”, jiddisponi:

“F’każijiet urgenti, id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament mhux se jħallu l-qrati ta’ Stat Membru milli jieħu dawk il-miżuri provviżorji, inkluzi dawk protettivi [kawtelatorji] fir-rigward ta’ persuni jew assi f’dak l-Istat kif huma disponibbli taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anke jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni.

2.      Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx jibqgħu japplikaw meta l-qorti ta’ l-Istat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni, ħadet il-miżuri li dehrilha xierqa.”

10      L-Artikolu 21(1) u (3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi:

“1.      Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.

[…]

3.      Mingħajr preġudizzju għal Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu, kwalsijasi parti nteressata tista’, skond il-proċedimenti imsemmija f’Taqsima 2 ta’ dan il‑Kapitolu, tapplika għal deċizjoni li s-sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta.

[…]”

 Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980

11      L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-25 ta’ Ottubru 1980, dwar aspetti ċivili fis-sekwestru internazzjonali tal-minuri (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”), jiddisponi:

“Meta minuri jkun tneħħa jew inżamm b’mod illeċitu skond l-Artikolu 3 u, fid‑data tal-bidu tal-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta’ l-Istat Kontraenti fejn ikun jinsab il-minuri, ikun għadda perjodu ta’ inqas minn sena mid-data tar-rimozzjoni jew ritenzjoni illeċita, l‑awtorità li tkun għandha tordna r-ritorn tal-minuri biex dan isir minnufih.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, ukoll meta il-proċedimenti jkunu inbdew wara li jkun għalaq il-perjodu ta’ sena msemmi fil-paragrafu ta’ qabel, għandha tordna wkoll ir-ritorn tal-minuri kemm-il darba ma jiġix pruvat li l‑minuri jkun issa adatta ruħu fl-ambjent ġdid tiegħu.

Meta l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta’ l-Istat rikjest ikollha għaliex tissuspetta li l-minuri jkun ittieħed fi Stat ieħor, din tista’ twaqqaf il-proċedimenti jew tiċħad l-applikazzjoni għar-ritorn tal-minuri.”

12      L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 huwa fformulat kif ġej:

“Minkejja d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu ta’ qabel, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta’ l-Istat rikjest m’hiex marbuta li tordna r-ritorn tal-minuri jekk il-persuna, istituzzjoni jew enti oħra li topponi r-ritorn iġġib prova li:

a)il-pesuna, istituzzjoni jew enti oħra li jkunu vestiti bil-kura tal-persuna tal-minuri ma kienux attwalment qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet tal-kustodja fiż-żmien meta jkun tneħħa jew inżamm il-minuri jew li taw il-kunsens tagħhom jew sussegwentement baqgħu siekta għar-rimozzjoni jew ritenzjoni tal-minuri;

b)      jkun hemm riskju kbir li r-ritorn tal-minuri se jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella jqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ wkoll tirrifjuta li tordna rritorn tal-minuri jekk issib li l-minuri joġġezzjona għar-ritron tiegħu u jkun laħaq età u livell ta’ maturità li jkun tajjeb li wieħed jagħti każ tal-fehmiet tiegħu.

Meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi msemmija f’dan l-Artiklu, l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi għandhom iqisu l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-isfond soċjali tal-minuri kif provduta mill-Awtorità ċentrali jew minn xi awtorità kompetenti oħra tal-post fejn ikun soltu joqgħod il-minuri.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13      Bis-saħħa tal-Artikolu 411(1) u (3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku):

“1.      Fil-kors ta’ proċedura dwar kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet fir‑relazzjonijiet bejn ġenituri u t-tfal, il-qorti tista’ tadotta, fuq proposta ta’ waħda mill-partijiet jew ex officio, deċiżjonijiet provviżorji fuq il-kustodja u l‑manteniment tal-minuri komuni kif ukoll miżuri provviżorji fuq ir-revoka jew il‑limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess jew il-mod ta’ eżerċizzju ta’ dan l-aċċess.

[…]

3.      Id-deċiżjonijiet provviżorji msemmija fil-paragrafi preċedenti għandhom jiġu adottati skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi li jirregolaw il-miżuri kawtelatorji.”

14      Skont l-Artikolu 272(1) tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni u l-miżuri kawtelatorji, (Zakon o izvršbi in zavarovanju, iktar ’il quddiem iż-“ZIZ”):

“Il-qorti għandha tadotta deċiżjoni provviżorja sabiex jiġu ggarantiti debiti mhux pekunjarji jekk il-kreditur juri b’mod kredibbli li d-debitu jeżisti jew li ser jinħoloq debitu fil-konfront tad-debitur. Il-kreditur għandu juri b’mod kredibbli [...] li d-deċiżjoni hija neċessarja, li ser tipprevjeni l-użu ta’ ostakolu jew il-ħolqien ta’ dannu li diffiċilment ikun jista’ jiġi kkumpensat [...].”

15      L-Artikolu 267 taż-ZIZ jiddisponi:

“Deċiżjoni provviżorja tista’ tiġi adottata qabel il-ftuħ ta’ proċedura ġudizzjarja, matul il-proċedura, u fit-tmiem tal-proċedura, kif ukoll sa dak il-perijodu ta’ żmien li fih ma tkunx għadha twettqet l-eżekuzzjoni.”

16      Bis-saħħa tal-Artikolu 278(2) taż-ZIZ:

“Il-qorti għandha twaqqaf il-proċedura u tannulla l-atti adottati, ukoll fuq talba tal‑kreditur, jekk iċ-ċirkustanzi li minħabba fihom tkun ġiet adottata l-miżura provviżorja jinbidlu sussegwentement u jekk il-miżura ma tkunx għaldaqstant iktar neċessarja.”

17      L-Artikolu 105(3) tal-liġi dwar iż-żwieġ u r-relazzjonijiet familjari (Zakon o zakonski zvezi in družinskih razmerjih) jiddisponi:

“Jekk il-ġenituri, minkejja l-intervent taċ-ċentru tal-affarijiet soċjali, ma jilħqux ftehim fuq il-kustodja u l-edukazzjoni tal-minuri, il-qorti għandha tiddeċiedi, fuq talba ta’ wieħed minnhom jew tat-tnejn li huma, li l-kustodja tal-minuri kollha tiġi fdata lil wieħed mit-tnejn jew li l-kustodja ta’ xi minuri tiġi fdata lil wieħed mill-ġenituri, u l-kustodja tal-minuri l-oħra tiġi fdata lill-ieħor. Il-qorti tista’ wkoll tiddeċiedi ex officio li l-kustodja tal-minuri kollha jew ta xi wħud minnhom tiġi fdata lil terzi [...].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      J. Detiček, ta’ nazzjonalità Slovena, u M. Sgueglia, konjuġi f’istanza ta’ divorzju, kienu residenti Ruma (l-Italja) għal 25 sena. It-tifla tagħhom Antonella twieldet fis-6 ta’ Settembru 1997.

19      Fil-25 ta’ Lulju 2007, il-qorti kompetenti ta’ Tivoli (l-Italja) (iktar ’il quddiem il‑“qorti ta’ Tivoli”) li ntalbet mill-miżżewġin Detiček u Sgueglia tiddeċiedi dwar talba għal divorzju, li tirrigwarda wkoll il-kustodja ta’ Antonella, tat provviżorjament il-kustodja esklużiva ta’ din tal-aħħar lil M. Sgueglia u ordnat li tinżamm provviżorjament għand is-sorijiet Kalasanzjani ta’ Ruma.

20      Fl-istess ġurnata, J. Detiček telqet mill-Italja mat-tifla tagħha Antonella sabiex tmur lura s-Slovenja, fil-belt ta’ Zgornje Poljčane, fejn għadhom jgħixu sa llum.

21      B’deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2007 tal-okrožno sodišče v Maribor (qorti reġjonali ta’ Maribor) (is-Slovenja), ikkonfermata b’deċiżjoni tal-Vrhovno sodišče (Qorti Suprema) (is-Slovenja), tat-2 ta’ Ottubru 2008, id-digriet tal-qorti ta’ Tivoli tal-25 ta’ Lulju 2007 ġie ddikjarat eżekuttiv fit-territorju tar-Repubblika tas‑Slovenja.

22      Abbażi ta’ din id-deċiżjoni tal-Vrhovno sodišče, l-okrajno sodišče v Slovenski Bistrici (qorti kantonali ta’ Slovenska Bistrica) (is-Slovenja) ntalbet tipproċedi bil‑proċedura ta’ eżekuzzjoni għar-ritorn tal-minuri lil M. Sgueglia sabiex tinżamm kif indikat qabel. Madankollu, b’digriet tat-2 ta’ Frar 2009, din il-qorti ssospendiet l-eżekuzzjoni inkwistjoni sakemm il-proċedura fil-kawża prinċipali tingħalaq definittivament.

23      Fit-28 ta’ Novembru 2009, J. Detiček talbet lill-okrožno sodišče v Mariboru tieħu miżura provviżorja u kawtelatorja li biha tafdalha l-kustodja tal-minuri.

24      B’digriet tad-9 ta’ Diċembru 2008, din il-qorti laqgħet it-talba ta’ J. Detiček u fdatilha l-kustodja provviżorja ta’ Antonella. Hija bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 u tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u mmotivatha billi indikat li kienu nbidlu ċ-ċirkustanzi, kif ukoll minħabba l‑interessi tal-minuri.

25      F’dan ir-rigward, hija qieset li Antonella kienet integrat ruħha fl-ambjent soċjali fis-Slovenja. Ritorn fl-Italja, u żamma furzata f’istitut, kien imur kontra s-saħħa tagħha għaliex din kienet tikkawżalha trawma fiżiku u psikoloġiku irreversibbli. Barra minn hekk, Antonella kienet uriet ix-xewqa, matul il-proċedura ġudizzjarja fis-Slovenja, li tibqa’ ma’ ommha.

26      M. Sgueglia oppona dan id-digriet quddiem l-istess qorti, li ċaħdet dan l-appell b’digriet provviżorju tad-29 ta’ Ġunju 2009.

27      M. Sgueglia ppreżenta appell minn dan l-aħħar digriet quddiem il-Višje sodišče v Mariboru (qorti tal-appell ta’ Maribor) (is-Slovenja).

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Višje sodišče v Mariboru ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn iż-żewġ domandi preliminari:

“1)      Qorti tar-Repubblika tas-Slovenja (Stat Membru tal-[Unjoni Ewropea]) għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 20 tar-regolament [Nru 2201/2003] li tadotta miżuri kawtelatorji meta qorti ta’ Stat membru ieħor, li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-imsemmi regolament li tiddeċiedi fuq il-mertu, tkun ġà adottat miżura kawtelatorja li tkun ġiet iddikjarata eżekuttiva fir-Repubblika tas-Slovenja?

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għal din id-domanda:

2)      Qorti Slovena tista’ tadotta, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali (l‑Artikolu 20 tar-regolament li jawtorizza din l-applikazzjoni) miżura kawtelatorja bis-saħħa tal-Artikolu 20 tar-regolament [Nru 2201/2003], li biha tbiddel jew tannulla miżura kawtelatorja definittiva u eżekuttiva adottata minn qorti ta’ Stat membru ieħor li bis-saħħa tar-regolament [Nru 2201/2003] għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi fuq il-mertu?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

29      Il-Višje sodišče v Mariboru talbet li l-preżenti rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal‑Proċedura.

30      Il-qorti tar-rinviju mmotivat din it-talba billi sostniet li hemm deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva li tirrigwarda miżuri kawtelatorji adottata minn qorti Taljana li qed tafda l-kustodja tal-minuri lill-missier u deċiżjoni ġudizzjarja kuntrarja li tirrigwarda miżuri kawtelatorji adottata minn qorti Slovena li qed tafda l-kustodja tal-minuri lill-omm. Hija qed tikkonstata wkoll il-bżonn li tittieħed azzjoni malajr, għaliex deċiżjoni tardiva tmur kontra l-interessi tal-minuri u tista’ twassal għal deterjorament irreversibbli tar-relazzjonijiet bejnietha u missierha. Din il-qorti tgħid ukoll, fl-aħħar nett, li n-natura provviżorja tal-miżura adottata, fil-kuntest tal-miżura kawtelatorja dwar il-kustodja tal-minuri, timponi minnha nfisha, sabiex ma tittawwalx l-inċertezza legali, intervent urġenti ta’ din il-qorti.

31      It-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, iddeċidiet, fis-27 ta’ Ottubru 2009, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju u li tisma’ r‑rinviju preliminari bil-proċedura b’urġenza.

 Fuq id-domandi preliminari

32      Biż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar‑rinviju qed titlob, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti ta’ Stat Membru tadotta miżura provviżorja fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri intiża li tafda l-kustodja ta’ minuri li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru lil wieħed mill-ġenituri tiegħu meta qorti ta’ Stat Membru ieħor, li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-imsemmi regolament li tiddeċiedi fuq il-mertu tal‑kwistjoni dwar il-kustodja tal-minuri, tkun ġà tat deċiżjoni li biha tafda provviżorjament il-kustodja ta’ dan il-minuri lill-ġenitur l-ieħor, u din id-deċiżjoni tkun ġiet iddikjarata eżekuttiva fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

33      Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem u l-kuntest tagħha, iżda wkoll l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha [ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2000, KVS International, C‑301/98, Ġabra p. I‑3583, punt 21, u tat-23 ta’ Novembru 2006, ZVK, C‑300/05, Ġabra p. I-11169, punt 15 u tat-22 ta’ Ottubru 2009, Bogiatzi (konjuġi Ventouras), C‑301/08, Ġabra p. I‑10185, punt 39].

34      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Istati Membri mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt Komunitarju, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ test tad-dritt derivat li jidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mis-sistema legali Komunitarja jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, Ġabra p. I‑12971, punt 87, u tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑305/05, Ġabra p. I‑5305, punt 28).

35      Sussidjarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti minnu fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri huma fformulati skont l-aqwa interessi tal-minuri u b’mod partikolari skont il-kriterju tal-prossimità.

36      Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri hija, fl-ewwel lok, mogħtija lill-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri jkun residenti abitwalment fil-mument meta tintalab tiddeċiedi. Fil-fatt, minħabba l-prossimità ġeografika tagħhom, dawn il-qrati huma ġeneralment fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw il-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-interess tal-minuri.

37      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mid-Digriet tal-okrožno sodišče v Mariboru tad-9 ta’ Diċembru 2008, jirriżulta li l-qorti ta’ Tivoli hija, skont l‑imsemmi Artikolu 8, il-qorti kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kull kwistjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri fil-kawża prinċipali.

38      Madankollu, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li l-qrati ta’ Stat Membru fejn jinsab il-minuri huma awtorizzati, taħt ċerti kundizzjonijiet, jieħdu l-miżuri provviżorji jew kawtelatorji stabbiliti mil-liġi ta’ dan l-Istat, anki jekk l-imsemmi regolament jagħti lil qorti ta’ Stat Membru ieħor il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu. Peress li tikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema ta’ ġurisdizzjoni stabbilita mill-imsemmi regolament, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett.

39      Kif jirriżulta mill-istess formulazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qrati msemmija minn din id-dispożizzjoni huma awtorizzati jieħdu tali miżuri provviżorji jew kawtelatorji biss jekk ikunu rrispettati tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li l-miżuri kkonċernati għandhom ikunu urġenti, għandhom jittieħdu fil-konfronti ta’ persuni jew assi preżenti fl-Istat Membru fejn dawn il-qrati għandhom is-sede tagħhom u għandhom ikunu ta’ natura provviżorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, Ġabra p. I‑2805, punt 47).

40      Għalhekk, jekk kundizzjoni waħda biss minn dawn it-tlieta ma tkunx irrispettata dan ikollu l-effett li l-miżura inkwistjoni ma tistax taqa’ taħt l-Artikolu 20(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003.

41      Hemm lok li jsir riferiment, l-ewwel nett, għall-kundizzjoni ta’ urġenza.

42      Minkejja li l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jippermetti lil qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni tisma’ l-mertu tadotta, b’mod eċċezzjonali, miżura provviżorja fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri, għandu jiġi kkunsidrat li l‑kunċett ta’ urġenza li jinsab fl-imsemmija dispożizzjoni jirreferi kemm għas‑sitwazzjoni li jinsab fiha l-minuri u għall-impossibbiltà prattika li titressaq it‑talba fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri quddiem il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu.

43      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-okrožno sodišče v Mariboru, fid-digriet tagħha tad-9 ta’ Diċembru 2008, ikkonstatat l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ urġenza fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, billi rriferiet għall-bidla fiċ-ċirkustanzi li kienet seħħet wara l-adozzjoni mill-qorti ta’ Tivoli tal‑miżura provviżorja, fil-kwistjoni ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, li tagħti l‑kustodja esklużiva tal-minuri lil missierha. Din il-bidla fiċ-ċirkustanzi seħħet minħabba l-fatt li l-minuri fil-frattemp laħqet integrat sewwa fl-ambjent fejn hija attwalment tgħix fis-Slovenja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-okrožno sodišče v Mariboru qieset li r-ritorn tal-minuri fl-Italja, li jirriżulta mill-eżekuzzjoni tad‑digriet tal-qorti ta’ Tivoli, ipoġġiha f’sitwazzjoni li tista’ toħloq dannu gravi għas-saħħa tagħha.

44      Madankollu, iċ-ċirkustanzi invokati mill-okrožno sodišče v Mariboru ma jistgħux ikunu ta’ bażi għal konstatazzjoni ta’ urġenza fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003.

45      Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rikonoxximent ta’ sitwazzjoni ta’ urġenza f’każ bħal dak inkwistjoni jmur kontra l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri stabbilit permezz tar-Regolament Nru 2201/2003, prinċipju li huwa stess huwa bbażat, kif jirriżulta mill-premessa 21 tal-imsemmi regolament, fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

46      Fost ir-regoli li jistabbilixxu l-prinċipji invokati fil-punt preċedenti, hemm lok li jissemma, b’mod partikolari, dak tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jgħid li d-deċiżjonijiet mogħtija fl-Istat Membru ta’ oriġni dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, it-territorju fejn dawn isiru eżekuttivi, għandhom bħala regola jiġu eżegwiti fl-Istat Membru fejn ir-rikonoxximent qiegħed jintalab, kif ukoll dik tal-Artikolu 31(3) tal-imsemmi regolament, li jipprojbixxi kull reviżjoni fil-mertu ta’ deċiżjoni li tkun mitluba l-eżekuzzjoni tagħha.

47      Issa, fil-każ inkwistjoni, deċiżjoni provviżorja fi kwistjoni ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri ttieħdet mill-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, jiġifieri l‑qorti ta’ Tivoli, u din id-deċiżjoni ġiet iddikjarata eżekuttiva fis-Slovenja. Jekk bdil fiċ-ċirkustanzi li jirriżulta minn proċess gradwali, bħall-integrazzjoni tal‑minuri f’ambjent ġdid, huwa biżżejjed sabiex jawtorizza, skont l‑Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu sabiex tadotta miżura provviżorja intiża li tibdel il-miżura fi kwistjoni ta’ responsabbiltà tal-ġenituri meħuda mill-qorti kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu, dewmien eventwali tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni fl-Istat Membru fejn ir-rikonoxximent qiegħed jintalab jikkontribwixxi sabiex joħloq il-kundizzjonijiet sabiex l-imsemmija qorti tkun tista’ tipprojbixxi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ddikjarata eżekuttiva. Tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tikkomprometti l-istess prinċipji li huwa bbażat fuqhom dan ir-regolament.

48      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ inkwistjoni, il-bidla fis-sitwazzjoni tal‑minuri tirriżulta minn tneħħija illegali skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003. Il-miżura provviżorja ordnata mill-okrožno sodišče v Mariboru hija, fil-fatt, ibbażata mhux biss fuq l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, imma wkoll fuq l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, li hija applikabbli biss fil-każ ta’ tneħħija jew żamma illegali.

49      Ir-rikonoxximent ta’ sitwazzjoni ta’ urġenza f’każ bħal dak inkwistjoni jmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 2201/2003, intiż li jiskoraġġixxi t-tneħħija jew iż-żamma illegali ta’ minuri bejn Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2008, Rinau, C‑195/08 PPU, Ġabra p. I‑5271, punt 52). Fil-fatt, li jiġi aċċettat li tista’ tittieħed miżura bis-saħħa tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li timplika l-bdil tar-responsabbiltà tal-ġenituri, twassal, billi tikkonsolida sitwazzjoni ta’ fatt li tirriżulta minn aġir illegali, għat-tisħiħ tal‑pożizzjoni tal-ġenitur responsabbli għat-tneħħija illegali.

50      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 20(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003, il-miżuri provviżorji għandhom jittieħdu fir-rigward tal-persuni preżenti fl-Istat Membru fejn għandhom is-sede tagħhom il‑qrati li għandhom ġurisdizzjoni li jadottaw tali miżuri.

51      Miżura provviżorja, fi kwistjoni ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, li tipprovdi għal bidla fil-kustodja ta’ minuri, ma titteħidx biss fil-konfront tal-minuri stess, imma wkoll fil-konfront tal-ġenitur li tingħatalu l-kustodja mill-ġdid kif ukoll fil‑konfront tal-ġenitur l-ieħor li jsib ruħu, wara l-adozzjoni ta’ tali miżura, imċaħħad minn din il-kustodja.

52      F’dan il-każ, huwa paċifiku li waħda mill-persuni li d-deċiżjoni ttieħdet fil‑konfronti tagħha wkoll, jiġifieri l-missier, joqgħod fi Stat Membru ieħor u xejn ma jindika li huwa preżenti fl-Istat Membru fejn il-qorti tgħid li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

53      Fl-aħħar nett, il-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu huma kkorroborati bir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-premessa 33 tar-Regolament Nru 2201/2003, li tgħid li dan tal‑aħħar jirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji stabbiliti mill‑Karta billi, b’mod partikolari, tiżgura l-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-minuri, kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tagħha.

54      Għandu jiġi rrilevat li wieħed minn dawn id-drittijiet fundamentali tal-minuri huwa dak, stabbilit fl-Artikolu 24(3) tal-Karta, li jinżammu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tiegħu u li r-rispett ta’ dan id-dritt huwa inkontestabbilment marbut ma’ interess superjuri ta’ kull minuri.

55      L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jistax jiġi interpretat b’mod li jikser l-imsemmi dritt fundamentali.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li tneħħija illegali ta’ minuri, wara li tittieħed deċiżjoni unilaterali minn wieħed mill-ġenituri tiegħu, iċaħħad, l-iktar spiss, lill-minuri mill-possibbiltà li jinżammu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti mal-ġenitur l-ieħor.

57      Għalhekk, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jistax jiġi interpretat b’mod li jista’ jservi ta’ strument għall-ġenitur li illegalment neħħa l-minuri sabiex itawwal is-sitwazzjoni ta’ fatt li tkun inħolqot bl-aġir illegali tiegħu jew li jilleġittimizza l-effetti ta’ dan l-aġir.

58      Skont l-Artikolu 24(3) tal-Karta, tista’ ssir deroga mid-dritt fundamentali tal‑minuri li jkollu b’mod regolari relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż‑żewġ ġenituri tiegħu jekk dan l-aqwa interess imur kontra l-interess tal‑minuri.

59      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li miżura li tostakola ż-żamma regolari ta’ relazzjonijiet personali u ta’ kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tista’ tkun iġġustifikata biss minn interess tal-minuri ta’ tali intensità li dan tal-aħħar jirbaħ fuq dak protett mill-imsemmi dritt fundamentali.

60      Madankollu, evalwazzjoni ekwilibrata u raġonevoli tal-interessi kollha involuti, li għandha ssir fuq evalwazzjonijiet oġġettivi fir-rigward tal-istess persuna tal‑minuri u tal-ambjent soċjali tiegħu għandha, bħala regola, issir fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni li teżamina l-mertu skont id‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, ir-risposta għad-domandi li saru għandha tkun li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ma jippermettix lil qorti ta’ Stat Membru li tadotta miżura provviżorja fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri intiża li tagħti l-kustodja ta’ minuri li jinsab fit‑territorju ta’ dan l-Istat Membru lil wieħed mill-ġenituri tiegħu meta qorti ta’ Stat Membru ieħor, li għandha ġurisdizzjoni skont l-imsemmi regolament li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kwistjoni dwar il-kustodja tal-minuri, tkun diġà tat deċiżjoni li tafda b’mod provviżorju l-kustodja ta’ dan il-minuri lill-ġenitur l‑ieħor, u li din id-deċiżjoni tkun ġiet iddikjarata eżekuttiva fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003,  dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal‑ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ma jippermettix lil qorti ta’ Stat Membru li tadotta miżura provviżorja fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri intiża li tagħti l-kustodja ta’ minuri li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru lil wieħed mill-ġenituri tiegħu meta qorti ta’ Stat Membru ieħor, li għandha ġurisdizzjoni skont l-imsemmi regolament li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kwistjoni dwar il-kustodja tal-minuri, tkun diġà tat deċiżjoni li tafda b’mod provviżorju l-kustodja ta’ dan il-minuri lill-ġenitur l-ieħor, u li din id-deċiżjoni tkun ġiet iddikjarata eżekuttiva fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

Firem


** Lingwa tal-kawża: is-Sloven.