Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Diċembru 2020 minn Maria Teresa Coppo Gavazzi et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fil-15 ta’ Ottubru 2020 fil-Kawżi magħquda T-389/19 sa T-394/19, T-397/19, T-398/19, T-403/19, T-404/19, T-406/19, T-407/19, minn T-409/19 sa T-414/19, minn T-416/19 sa T-418/19, minn T-420/19 sa T-422/19, minn T-425/19 sa T-427/19, minn T-429/19 sa T-432/19, T-435/19, T-436/19, minn T-438/19 sa T-442/19, minn T-444/19 sa T-446/19, T-448/19, minn T-450/19 sa T-454/19, T-463/19 u T-465/19, Maria Teresa Coppo Gavazzi et vs Il-Parlament

(Kawża C-725/20 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Maria Teresa Coppo Gavazzi, Cristiana Muscardini, Luigi Vinci, Agostino Mantovani, Anna Catasta, Vanda Novati, Francesco Enrico Speroni, Maria Di Meo, Giuseppe Di Lello Finuoli, Raffaele Lombardo, Olivier Dupuis, Leda Frittelli, Livio Filippi, Vincenzo Viola, Antonio Mussa, Mauro Nobilia, Sergio Camillo Segre, Stefano De Luca, Riccardo Ventre, Mirella Musoni, Francesco Iacono, Vito Bonsignore, Claudio Azzolini, Vincenzo Aita, Mario Mantovani, Vincenzo Mattina, Romano Maria La Russa, Giorgio Carollo, Fiammetta Cucurnia, f’isimha stess u fil-kapaċità tagħha bħala eredi ta’ Giulietto Chiesa, Roberto Costanzo, Giorgio Gallenzi, fil-kapaċità tiegħu bħala eredi ta’ Giulio Cesare Gallenzi, Vitaliano Gemelli, Pasqualina Napoletano, Ida Panusa (rappreżentanti: M. Merola, avvocato)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata;

tirrinvija l-kawża T-453/19, Panusa vs Il-Parlament, quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżaminaha fuq il-mertu;

tannulla d-deċiżjonijiet appellati fir-rigward tal-appellanti l-oħra;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż relatati maż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju, ir-rikorrenti jeċċepixxu żball ta’ liġi inkwantu d-deċiżjonijiet ikkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali tqiesu li ma kellhomx rabta mad-dritt għal pensjoni u li ma kellhomx effett fuq dan id-dritt, fejn għaldaqstant tqiesu li kienu konformi mal-prinċipji ġenerali u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-iżball jirriżulta mill-fatt li saret distinzjoni b’mod astratt u arbitrarju bejn id-dritt għall-pensjoni u d-dritt għall-benefiċċji tal-pensjoni. Id-deċiżjonijiet ikkontestati ppreġudikaw id-dritt għall-pensjoni nnifsu fejn b’dan il-mod ma kisrux biss ir-regoli li jinsabu fil-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew iżda wkoll id-dritt ta’ proprjetà, filwaqt li tqiegħdu f’kunflitt mal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Permezz tat-tieni aggravju, ir-rikorrenti jsostnu numru ta’ żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-motivi ta’ natura proċedurali mressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, b’mod partikolari b’riferiment għall-identifikazzjoni tal-bażi legali korretta tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għall-kompetenza tal-Kap ta’ Diviżjoni li adotta l-att u għal nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali jmissha kkonstatat li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma bbażati fuq dispożizzjoni li ġiet imħassra u, ladarba huma kklassifikati bħala atti ta’ amministrazzjoni straordinarja, imisshom ġew adottati mill-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali estendiet b’mod eċċessiv il-possibbiltà ta’ motivazzjoni per relationem. Fil-fatt il-motivazzjoni ma tinsabx fid-deċiżjonijiet ikkontestati iżda biss f’parir tas-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew fejn lanqas ma hemm riferiment espliċitu għalih fid-deċiżjonijiet ikkontestati u fl-atti preparatorji.

Permezz tat-tielet aggravju, ir-rikorrenti fil-Kawża T-453/19 issostni żball ta’ liġi fid-dikjarazzjoni ta’ ammissibbiltà tal-kawża tagħha minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku. Fil-fatt il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-possibbiltà li l-benefiċċji tal-pensjoni li tirċievi r-rikorrenti huma bbażati fuq bażi legali differenti, minkejja li s-suġġett ġie diskuss waqt is-seduta. Peress li tali bażi legali differenti tiggarantixxi benefiċċju ogħla lir-rikorrenti l-eżistenza ta’ interess ġuridiku ma tistax tiġi miċħuda.

____________