Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Roma (l-Italja) fit-12 ta’ Diċembru 2018 – Società Italiana degli Autori ed Editori (S.I.A.E.) vs Soundreef Ltd

(Kawża C-781/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale ordinario di Roma

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Società Italiana degli Autori ed Editori (S.I.A.E.)

Konvenuta: Soundreef Ltd

Domandi preliminari

Id-Direttiva 2014/26/UE 1 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi liġi nazzjonali li tirriżerva l-aċċess għas-suq tal-intermedjazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, jew fi kwalunkwe każ il-konċessjoni tal-liċenzji lill-utenti, biss lil suġġetti kwalifikabbli, skont id-definizzjoni tal-istess direttiva, bħala organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, filwaqt li teskludi dawk kwalifikabbli bħala entità ta’ mmaniġġjar indipendenti, ikkostitwiti kemm fl-istess Stat kif ukoll fi Stati Membri oħra?

____________

1 Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72).