Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2018 minn The Goldman Sachs Group Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-419/14, The Goldman Sachs Group vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-595/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: The Goldman Sachs Group Inc. (rappreżentanti: A. Mangiaracina, avvocatessa, J. Koponen, advokat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Prysmian SpA, Prysmian Cavi e Sistemi Srl

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla, b’mod sħiħ jew parzjalment (pereżempju, minn Mejju jew minn Novembru 2007, meta GS Group u l-entitajiet affiljati kellhom rispettivament bejn wieħed u ieħor 45% u 26% tal-ishma ta’ Prysmian) l-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 2139 1 tat-2 ta’ April 2014 safejn jikkonċernaw lir-rikorrenti; u / jew

tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 2139 tat-2 ta’ April 2014; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: Il-Qorti Ġenerali applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament 1/2003 2 billi żammet lir-rikorrenti responsabbli għal ksur imwettaq minn Prysmian matul il-perijodu mid-29 ta’ Lulju 2005 u t-3 ta’ Mejju 2007 (“il-perijodu qabel l-IPO”).

It-Tieni aggravju : ir-rikorrenti ma eżerċitatx influwenza deċiżiva fis-sens meħtieġ mill-ġurisprudenza matul il-perijodu bejn it-3 ta’ Mejju 2007 u t-28 ta’ Jannar 2009 (“il-perijodu ta’ wara l-IPO”).

It-Tielet aggravju: Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħtiha kwalunkwe benefiċċju ta’ tnaqqis tal-multa mogħti lil Prysmian.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39610 — Kejbils tal-Elettriku) (notifikat bid-dokument C(2014) 2139 finali) (ĠU 2014, C 319, p. 10).

2 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).