Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2019 minn Sigma Alimentos Exterior, S.L. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-15 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-239/11, Sigma Alimentos Exterior vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-50/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Sigma Alimentos Exterior, S.L. (rappreżentant: M. Muñoz Pérez, abogado)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa dan l-appell;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Novembru 2018, mogħtija fil-Kawża T-239/11 1 ;

tannulla l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/282/UE tat-12 ta’ Jannar 2011 2 ;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-parti l-oħra fil-kawża għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell huwa bbażat fuq żewġ aggravji, u t-tieni wieħed huwa maqsum fi tliet partijiet:

-    Interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza World Duty Free 3 , li tistabbilixxi kriterji ta’ komparabbiltà żbaljati li jwasslu, imbagħad, għal evalwazzjoni żbaljata tal-eżistenza tas-selettività u, konsegwentement, għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna illegali, u b’hekk tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107 TFUE;

-     Żball meta kkonstatat li l-evalwazzjoni possibbli tal-ostakoli ġuridiċi għal kombinazzjonijiet transkonfinali ma tipprekludix li l-miżura kkontestata tkun selettiva, abbażi ta’ analiżi żbaljata tal-metodu ta’ tliet stadji użat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ għajnuna illegali. Is-sentenza għaldaqstant hija żbaljata fl-aspetti li ġejjin:

o    Żball fl-identifikazzjoni tal-iskema fiskali nazzjonali komuni, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107 TFUE relatat mal-kklassifikazzjoni ta’ għajnuna illegali mill-Istat;

o     Żball meta ma kkunsidratx li l-miżura eżaminata kienet miżura ġenerali, u b’hekk kisret ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107 TFUE;

o    Żball fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ eċċezzjoni għall-iskema nazzjonali komuni bħala qafas ta’ riferiment, bi ksur tal-Artikolu 107 TFUE.

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea wettqet diversi ksur tal-Artikolu 107 (1) TFUE u tal-prinċipju tan-newtralità fiskali u li, f’diversi aspetti, hija essenzjalment ikkompletat jew saħansitra issostitwiet ir-raġunament stabbilit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata b’raġunament tagħha, liema fatt, fih innifsu, jikkostitwixxi raġuni fondata għall-annullament tas-sentenza appellata.

____________

1 Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, Sigma Alimentos Exterior vs Il-Kummissjoni (T-239/11, mhux ippubblikata, EU:T:2018:781).

2 Deċiżjoni tal-Kummissjonissjoni tat-12 ta’ Jannar 2011dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin Nru C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 135, p. 1)

3 Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981).