Language of document : ECLI:EU:F:2012:182

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

11 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑107/11

Ioannis Ntouvas

vs

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u 1-Kontroll tal-Mard (ECDC)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Eżerċizzju ta’ evalwazzjoni 2010 — Talba għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu I. Ntouvas jitlob, essenzjalment, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2010.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-ECDC.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Interess ġuridiku — Rikors għall-annullament ta’ rapport ta’ evalwazzjoni — Membru tal-persunal bil-kuntratt li ma jaħdimx iżjed fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata — Assenza ta’ xandir tal-imsemmi rapport lil terzi — Żamma tal-interess ġuridiku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43; Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikolu 87)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Att preparatorju — Abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni inizjali stabbilit mill-evalwatur u l-validatur u opinjoni tal-kumitat konġunt tal-evalwazzjonijiet — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      Indipendentement mill-utilità futura tiegħu, ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt jikkostitwixxi prova bil-miktub u formali fir-rigward tal-kwalità tax-xogħol imwettaq mill-persuna kkonċernata. Din l-evalwazzjoni ma hijiex purament deskrittiva tal-kompiti mwettqa matul il-perijodu kkonċernat, iżda tinkludi b’mod partikolari evalwazzjoni tal-kwalitajiet li l-persuna evalwata wriet waqt l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha. Għalhekk, kull membru tal-persunal għandu dritt li x-xogħol tiegħu jiġi evalwat permezz ta’ evalwazzjoni stabbilita b’mod ġust u ekwu. Konsegwentement, b’mod konformi mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi rikonoxxut lil membru tal-persunal id-dritt li jikkontesta rapport ta’ evalwazzjoni li jikkonċernah minħabba l-kontenut tiegħu jew minħabba l-fatt li ma ġiex stabbilit skont ir-regoli preskritti mir-Regolamenti tal-Persunal.

B’hekk, il-fatt li membru tal-persunal, wara li ppreżenta rikors li jikkontesta rapport ta’ evalwazzjoni, iħalli l-istituzzjoni kkonċernata u li r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu ma jiġix imxandar lil terzi ma huwiex tali li jneħħilu l-interess ġuridiku tiegħu li jikkontesta l-imsemmi rapport.

(ara l-punti 35 u 36)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il‑Parlament, F‑93/08, punti 46 u 47

2.      Fil-każ ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’numru ta’ fażijiet, b’mod partikolari fi tmiem ta’ proċedura interna, huma biss il-miżuri li jiffissaw definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, ħlief fil-każ tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament. B’hekk fir-rigward ta’ rikorsi ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal, l-atti preparatorji ta’ deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, inkwantu dawn ma humiex miżuri, minn naħa, li jipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu, b’mod evidenti, is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni.

F’dan ir-rigward, meta t-tfassil tar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ membru tal-persunal ta’ aġenzija Ewropea ssir f’numru ta’ fażijiet fit-tmiem ta’ proċedura interna u dan isir definittiv, fil-każ ta’ kontestazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni inizzjali, stabbilit mill-evalwatur u l-validatur, biss permezz ta’ deċiżjoni tad-direttur tal-aġenzija kkonċernata, wara l-opinjoni tal-kumitat konġunt tal-evalwazzjonijiet, huwa biss ir-rapport ta’ evalwazzjoni definittiv stabbilit mid-direttur li jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju li jista’ jiġi kkontestat. Min-naħa l-oħra, ir-rapport ta’ evalwazzjoni inizzjali stabbilit mill-evalwatur u l-validatur, kif ukoll l-opinjoni tal-kumitat konġunt tal-evalwazzjonijiet jikkostitwixxu biss miżuri preparatorji li ma jikkawżawx preġudizzju lill-membru tal-persunal u ma humiex tali li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors għal annullament, fejn it-talbiet li jikkonċernaw dawn l-atti huma inammissibbli.

(ara l-punti 42 sa 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Settembru 1993, Yorck von Wartenburg vs Il‑Parlament, T‑57/92 u T‑75/92, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata; 6 ta’ Frar 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, T‑246/04 u T‑71/05, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il‑Parlament, F‑71/08, punti 27 sa 30

3.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu ma’ dik tal-persuni inkarigati bl-evalwazzjoni tax-xogħol tal-persuna evalwata, inkwantu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jevalwaw ix-xogħol tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tagħhom. B’hekk, ħlief fil-każ ta’ żball ta’ fatt, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter, it-Tribunal ma jistax jistħarreġ il-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni fuq l-attitudnijiet professjonali ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal meta din ikollha ġudizzji valutattivi kumplessi li, min-natura tagħhom stess, ma humiex suġġetti għal verifika oġġettiva.

(ara l-punt 78)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Ottubru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑96/04, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Settembru 2011, Nastvogel vs Il-Kunsill, F‑4/10, punt 32