Language of document : ECLI:EU:C:2018:617

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-25 ta’ Lulju 2018 (1)

Kawżi Magħquda C-297/17, C-318/17, C-319/17 u C-438/17

Bashar Ibrahim (C-297/17)

Mahmud Ibrahim (C‑318/17),

Fadwa Ibrahim (C‑318/17),

Bushra Ibrahim (C‑318/17),

Mohammad Ibrahim, rappreżentat legalment minn Fadwa u Mahmud Ibrahim (C‑318/17),

Ahmad Ibrahim, rappreżentat legalment minn Fadwa u Mahmud Ibrahim (C-318/17),

Nisreen Sharqawi (C‑319/17),

Yazan Fattayrji, rappreżentat legalment minn Nisreen Sharqawi (C‑319/17),

Hosam Fattayrji, rappreżentat legalment minn Nisreen Sharqawi (C‑319/17)

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

u

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

vs

Taus Magamadov (C-438/17)

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2013/32/UE – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Artikolu 52 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-direttiva –– Artikolu 33(2)(a) – Ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli meta tkun ingħatat protezzjoni sussidjarja qabel fi Stat Membru ieħor – Artikoli 4 u 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Nuqqasijiet sistemiċi tal-proċedura tal-ażil f’dak l-Istat Membru l-ieħor – Direttiva 2011/95/UE – Artikoli 20 et seq – Kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja f’dan l-aħħar Stat – Riskju reali u pprovat ta’ trattament inuman jew degradanti”






1.        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C-297/17, C‑318/17 u C-319/17 jirrigwardaw l-interpretazzjoni, minn naħa waħda, tal-Artikolu 33(2)(a) u l-Artikolu 52(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (2), kif ukoll tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u, min-naħa l-oħra, tal-Artikoli 20 et seq tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (3).

2.        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet kawżi bejn Bashar Ibrahim (Kawża C-297/17), Mahmud Ibrahim, Fadwa Ibrahim, Bushra Ibrahim, it-tfal minorenni Mohammad u Ahmad Ibrahim (Kawża C-318/17), kif ukoll Nisreen Sharqawi u t-tfal minorenni tagħha Yazan u Hosam Fattayrji (Kawża C-319/17), Palestinjani apolidi applikanti għall-ażil li għexu fis-Sirja, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u r-refuġjati, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) li ċaħħdulhom id-dritt għall-ażil minħabba li kienu ġejjin minn pajjiż terz sigur.

3.        It-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-438/17 tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(a) u l-Artikolu 52(1) tad-Direttiva 2013/32.

4.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Taus Magamadov, applikant għall-ażil ta’ nazzjonalità Russa li jqis lilu nnifsu Ċeċen u li għex fil-Polonja, dwar deċiżjoni adottata mill-Uffiċċju li rrifjutatlu d-dritt għall-ażil peress li kien ġej minn pajjiż terz sigur.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

1.      Il-Konvenzjoni ta’ Genèvè

5.        L-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genèvè fit-28 ta’ Lulju 1951 (4), li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954, kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genèvè”), intitolat “Akkomodazzjoni”, jistipula:

“F’dak li jirrigwarda l-akkomodazzjoni, l-Istati Kontraenti għandhom jagħtu lir-refuġjati li jirrisjedu legalment fit-territorji tagħhom trattament kemm jista’ jkun favorevoli, sa fejn din il-kwistjoni tkun irregolata minn liġijiet u regolamenti jew hija suġġetta għall-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi; dan it-trattament ma jistax ikun, fi kwalunkwe każ, inqas favorevoli minn dak mogħti fl-istess ċirkustanzi għall-barranin inġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2.      Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali

6.        L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura”, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi:

“Ħadd ma għandu jkun suġġett għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta

7.        Skont l-Artikolu 1 tal-Karta, intitolat “Id-dinjità tal-bniedem”:

“Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta”.

8.        L-Artikolu 4 tal-Karta, intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”, jiddikjara:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.”

L-Artikolu 18 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għall-asil” jipprovdi:

“Id-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus ta’ refuġjati u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea […]”.

9.        L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.”

10.      L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

2.      Id-Direttiva 2013/32

11.      L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jipprovdi:

“1.      Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.      L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

(a)      il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

[…]”

12.      L-Artikolu 40 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”, jipprevedi:

“[…]

2.      […] applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet ġodda dwar l-eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE.

3.      Jekk l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 2, jikkonkludi li jitfaċċaw jew jiġu preżentati mill-applikant elementi jew konklużjonijiet ġodda li jżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata ulterjorment skont il-Kapitolu II. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal raġunijiet oħrajn għal eżami ulterjuri ta’ applikazzjoni sussegwenti.

4.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-applikazzjoni tiġi eżaminata ulterjorament biss jekk l-applikant konċernat kien, mingħajr ħtija tiegħu, inkapaċi li jiddikjara s-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu fil-proċedura preċedenti, partikolarment billi jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv taħt l-Artikolu 46.

[…]”

13.      L-Artikolu 51(1) tal-imsemmija direttiva jiddikjara:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 30, mal-Artikolu 31(1), (2) u (6) sa (9), mal-Artikoli 32 sa 46, mal-Artikoli 49 u 50 u mal-Anness I l-iktar tard mill-20 ta’ Lulju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.”

14.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52, tad-Direttiva 2013/32:

“L-Istati Membi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati u fir-rigward ta’ proċeduri għall-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali li jkunu mibdija wara l-20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni. L-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 u l-proċeduri għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat mibdija qabel dik id-data għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi taħt id-Direttiva 2005/85/KE [tal-Kunsill, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (5)].”

C.      Id-dritt Ġermaniż

15.      L-Artikolu 29 tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-dritt għall-ażil), tat-2 ta’ Settembru 2008, kif emendata mill-Integrationsgesetz (il-Liġi dwar l-Integrazzjoni) tal-31 ta’ Lulju 2016, (BGBl. I S., p. 1939) (iktar ’il quddiem l-“AsylG”), jipprovdi:

“(1)      Applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta

1.      Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil

a)      skont ir-Regolament [Dublin III (6)] jew

b)      skont regoli oħra tal-Unjoni Ewropea jew ta’ ftehim internazzjonali

2.      Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea diġà ta l-protezzjoni internazzjonali msemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 1(1) lill-barrani […]”.

16.      L-Artikolu 77(1) tal-AsylG jipprovdi:

“Fil-kawżi rregolati minn din il-liġi, il-qorti għandha tibbaża fuq is-sitwazzjoni fil-fatt u fil-liġi li teżisti fil-mument tal-aħħar seduta; jekk qabel id-deċiżjoni ma jkunx hemm seduta, il-mument determinanti huwa dak ta’ meta tingħata d-deċiżjoni. […]”

II.    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A.      Il-kawżi C-297/17, C-318/17 u C-319/17

17.      Ir-rikorrent fil-Kawża C-297/17 (7), Bashar Ibrahim huwa t-tifel ta’ Mahmud Ibrahim u ta’ Fadwa Ibrahim u ħu t-tliet rikorrenti l-oħra (8) li, flimkien mal-ġenituri tagħhom, huma r-rikorrenti fil-Kawża C-318/17.

18.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’dawn il-kawżi telqu mis-Sirja fis-sena 2012 biex waslu fil-Bulgarija fejn, permezz tad-deċiżjonijiet tas-26 ta’ Frar u tas-7 ta’ Mejju 2013, ingħataw protezzjoni sussidjarja. F’Novembru 2013, huma komplew il-vjaġġ tagħhom mir-Rumanija, l-Ungerija u l-Awstrija biex waslu fil-Ġermanja fejn, fid-29 ta’ Novembru 2013, huma ppreżentaw applikazzjoni ġdida għall-ażil.

19.      Fit-22 ta’ Jannar 2014, l-Uffiċċju għamel talbiet lill-amministrazzjoni nazzjonali Bulgara biex tieħu lura lill-persuni kkonċernati. Din l-amministrazzjoni ċaħdet dawn it-talbiet permezz tal-ittri tat-28 ta’ Jannar u tal-10 ta’ Frar 2014 għar-raġuni li l-protezzjoni sussidjarja diġà mogħtija lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawżi C‑297/17 u C-318/17 fil-Bulgarija kienet tirrendi inapplikabbli f’dan il-każ l-iskema ta’ teħid lura tar-Regolament Dublin III. Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti Bulgara allegatament hija l-pulizija lokali tal-fruntieri.

20.      Permezz tad-deċiżjonijiet tas-27 ta’ Frar u tad-19 ta’ Marzu 2014, l-Uffiċċju ċaħad id-dritt għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali C-297/17 u C-318/17, mingħajr eżami tal-mertu tal-applikazzjonijiet tagħhom, minħabba li huma kienu waslu minn pajjiż terz sigur u ordna li jiġu akkumpanjati lura lejn il-fruntiera Bulgara.

21.      Permezz ta’ sentenzi mogħtija fl-20 ta’ Mejju u fit-22 ta’ Lulju 2014 rispettivament, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) ċaħdet l-appelli kontra dawn id-deċiżjonijiet.

22.      Permezz tas-sentenzi tat-18 ta’ Frar 2016, l-Oberverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Superjuri, il-Ġermanja) annullat l-ordnijiet ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera Bulgara iżda ċaħdet il-kumplament tat-talbiet. Skont din il-qorti, id-dritt għall-ażil fil-Ġermanja ġie ġustament miċħud lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali C-297/17 u C-318/17, peress li dawn tal-aħħar ġew minn pajjiż terz sigur. Madankollu, l-ordnijiet ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera Bulgara huma madankollu illegali peress li ma ġiex stabbilit li r-Repubblika tal-Bulgarija kienet għadha disposta tieħu l-inkarigu tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali C-297/17 u C-318/17.

23.      Dawn ir-rikorrenti ressqu appell għal reviżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) kontra dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda parzjali tat-talbiet tagħhom. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li s-sistema stabbilita mir-Regolament Dublin III tibqa’ tapplika wara l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja. Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju jsib li l-applikazzjonijiet għall-ażil issa huma inammissibbli skont il-punt 2 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 33(2)(a), tad-Direttiva 2013/32.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Id-dispożizzjoni tranżitorja tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32/UE tipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fejn, fl-implementazzjoni tal-awtorizzazzjoni, li hija iktar wiesgħa minn dik mogħtija preċedentement fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli meta l-applikant ingħata protezzjoni sussidjarja fl Stat Membru ieħor, sa fejn, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji nazzjonali, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika wkoll għall-applikazzjonijiet imressqa qabel l-20 ta’ Lulju 2015?

Id-dispożizzjoni tranżitorja tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32/UE tippermetti lill-Istati Membri, b’mod partikolari, li jimplementaw l-awtorizzazzjoni iktar wiesgħa fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE b’mod retroattiv, sabiex anki l-applikazzjonijiet għall-ażil issottomessi qabel it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ dik l-awtorizzazzjoni usa’, iżda li ma kinux għadhom ġew maqtugħa definittivament fil-mument tat-traspożizzjoni, huma inammissibbli?

2.      L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32/UE jagħti lill-Istati Membri d-dritt li jagħżlu li jiċħdu applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli għaliex taqa’ taħt responsabbiltà internazzjonali oħra (Regolament ta’ Dublin) jew taħt l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE?

3.      Fil-każ li r-risposta għad-domanda 2 tkun fl-affermattiv: id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li, fl-implementazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE, Stat Membru jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba protezzjoni sussidjarja li ngħatat minn Stat Membru ieħor, meta

a)      l-applikant jitlob it-tisħiħ tal-protezzjoni sussidjarja li ngħatatlu fi Stat Membru ieħor (rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat) u li l-proċedura ta’ ażil fl-Istat Membru l-ieħor kienet u għada vvizzjata minn nuqqasijiet sistemiċi

b)      il-mekkaniżmu tal-protezzjoni internazzjonali, u speċifikament il-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, fl-Istat Membru l-ieħor li jkun diġà ta lill-applikant protezzjoni sussidjarja

–        jikser l-Artikolu 4 tal-[Karta] u l-Artikolu 3 tal-KEDB, jew

–        ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20 et seq tad-Direttiva 2011/95/UE, iżda mingħajr ma jikser l-Artikolu 4 tal-[Karta] u l-Artikolu 3 tal-KEDB?

4.      Fil-każ li r-risposta għad-domanda 3(b) tkun fl-affermattiv, dan japplika wkoll meta l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja ma jirċievu l-ebda allowance għall-għajxien, jew f’livell nettament inqas meta mqabbel ma’ Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma jkunu ttrattati b’mod differenti, f’dan ir-rigward, miċ-ċittadini tal-Istat Membru inkwistjoni?

5.      Fil-każ li r-risposta għad-domanda 2 tkun fin-negattiv:

a)      Ir-Regolament Dublin III japplika fi proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, meta l-applikazzjoni għall-ażil tkun ġiet issottomessa qabel l-1 ta’ Jannar 2014, iżda t-talba għat-teħid lura tkun ġiet issottomessa wara din id-data u l-applikant ikun diġà kiseb qabel (fi Frar 2013) protezzjoni sussidjarja fl-Istat Membru mitlub?

b)      Ir-Regolamenti Dublin jġibu magħhom trasferiment – impliċitu – tar-responsabbiltà tal-Istat Membru li jitlob għat-teħid lura ta’ applikant, meta l-Istat Membru resposabbli mitlub ikun ċaħad it-talba għat-teħid lura, imressqa fit-terminu previst, skont id-dispożizzjonijiet ta’ Dublin u minflok invoka ftehim internazzjonali ta’ riammissjoni?”

B.      Il-Kawża C-438/17

25.      Fl-2007, T. Magamadov ressaq applikazzjoni għall-ażil fil-Polonja fejn, b’deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2008, huwa ngħata protezzjoni sussidjarja. F’Ġunju 2012, flimkien ma’ martu u ibnu/bintu, daħal fil-Ġermanja fejn, fid-19 ta’ Ġunju 2012, applika għall-ażil.

26.      Fit-13 ta’ Frar 2013, l-Uffiċċju indirizza talba għall-finijiet ta’ teħid lura lill-awtoritajiet Pollakki, li fit-18 ta’ Frar 2013 iddikjaraw li kienu lesti li jieħdu lura lil T. Magamadov u l-familja tiegħu.

27.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2013, l-Uffiċċju qies, mingħajr eżami tal-mertu, li l-applikazzjonijiet għall-ażil ta’ T. Magamadov u l-familja tiegħu kienu inammissibbli minħabba li r-Repubblika tal-Polonja hija l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet u ordna t-trasferiment tagħhom fil-Polonja. Peress li t-trasferiment ma seħħx fit-terminu stabbilit minħabba problemi mediċi li kellha l-mara ta’ T. Magamadov, b’deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2013, l-Uffiċċju rtira d-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2013, minħabba li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet saret l-Istat Membru responsabbli minħabba li skada dan it-terminu.

28.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2014, l-Uffiċċju ċaħad lir-rikorrent il-protezzjoni internazzjonali u d-dritt għall-ażil, għar-raġuni li kien ġie mill-Polonja u ordna li jintbagħat lura f’dak l-Istat Membru.

29.      B’sentenza tad-19 ta’ Mejju 2015, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni.

30.      Permezz tas-sentenza tal-21 ta’ April 2016, l-Oberverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Superjuri, il-Ġermanja) annullat id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tat-23 ta’ Ġunju 2014.

31.      L-Oberverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Superjuri, il-Ġermanja) ikkunsidrat li r-regola prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16a(2), tal-Grundgestez (il-Liġi Fundamentali Ġermaniża) li tgħid li d-dritt għall-ażil ma għandux jingħata lil ċittadin barrani li jkun ġej minn pajjiż sigur ma kinitx applikabbli fil-kawża prinċipali minħabba d-deroga prevista fit-tieni punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 26a(1) tal-AsylG, li skontu r-regola tal-pajjiż terz sigur ma tapplikax meta, bħal f’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja saret l-Istat Membru responsabbli taħt id-dritt tal-Unjoni. Peress li l-applikazzjoni għall-ażil inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ippreżentata qabel l-20 ta’ Lulju 2015, hija d-Direttiva 2005/85 li hija applikabbli. Madankollu, l-Artikolu 25(2) ta’ din id-Direttiva jippermetti li applikazzjoni għall-ażil tiġi miċħuda mingħajr eżami tal-mertu biss meta Stat Membru ieħor ikun irrikonoxxa l-istatus ta’ refuġjat tal-persuna kkonċernata.

32.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat appell għal reviżjoni ta’ din is-sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja). Hija ssostni b’mod partikolari li l-applikazzjoni għall-ażil inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inammissibbli skont il-punt 2 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 33(2)(a), tad-Direttiva 2013/32, peress li r-rikorrent ingħata protezzjoni internazzjonali fil-Polonja.

33.      T. Magamadov jikkunsidra li l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu li ressaq fid-19 ta’ Ġunju 2012 ma hijiex inammissibbli, peress li r-Repubblika tal-Polonja ma tatux l-istatus ta’ refuġjat iżda sempliċi protezzjoni sussidjarja.

34.      Il-Qorti tar-rinviju tirrileva li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tat-23 ta’ Ġunju 2014 ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/32 u li r-Regolament Dublin II u mhux ir-Regolament Dublin III huwa applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

35.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali). ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Id-dispożizzjoni tranżitorja tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32/UE tipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, fl-implementazzjoni tal-awtorizzazzjoni, iktar estiża minn dik preċedenti, mogħtija permezz tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE, li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli meta l-applikant ikun ingħata protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor, sa fejn, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji nazzjonali, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika wkoll għall-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015?

Dan japplika f’kull każ meta l-applikazzjoni għall-ażil tkun għadha taqa’ b’mod sħiħ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Dublin II] konformement mal-Artikolu 49 tar-Regolament [Dublin III]?

2.      Id-dispożizzjoni tranżitorja tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32/UE tippermetti lill-Istati Membri, b’mod partikolari, li jimplementaw retroattivament l-awtorizzazzjoni iktar estiża mogħtija permezz tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE, b’tali mod li anki applikazzjonjiet għall-ażil ippreżentati qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/32/UE u qabel it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ din l-awtorizzazzjoni iktar estiża, iżda li jkunu għadhom ma ġewx deċiżi b’mod definittiv fil-mument tat-traspożizzjoni, huma inammissibbli?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36.      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 2017, il-Kawżi C-297/17, C-318/17 u C-319/17 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza, peress li d-domandi preliminari f’dawn it-tliet kawżi huma l-istess.

37.      Il-Qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta tali kawżi għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Fl-14 ta’ Lulju 2017, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li ma kienx hemm lok li jingħata segwitu għal din it-talba.

38.      Il-Qorti tar-rinviju talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-kawża C-438/17 għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Fid-19 ta’ Settembru 2017, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li ma kienx hemm lok li jingħata segwitu għal din it-talba.

39.      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 2018, il-Kawżi C-297/17, C-318/17, C-319/17 u C-438/17 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza.

40.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern tal-Ġermanja, ta’ Franza u tal-Polonja kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawżi C-297/17, C-318/17 u C‑319/17.

41.      Il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Polonja u tal-Ungerija kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-Kawża C‑438/17.

42.      Waqt is-seduta magħquda, li saret fit-8 ta’ Mejju 2018, fil-Kawża C-163/17 u l-Kawżi Magħquda C-297/17, C-318/17, C-319/17 u C-438/17, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali f’dawn il-kawżi, l-Uffiċċju, il-Gvern Ġermaniż, Belġjan, Taljan, Olandiż, tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-ewwel domanda preliminari fil-Kawżi magħquda C297/17, C-318/17 u C-319/17, u ż-żewġ domandi fil-Kawża C-438/17

43.      L-ewwel domanda preliminari fil-Kawżi magħquda C-297/17, C‑318/17 u C-319/17 u ż-żewġ domandi preliminari fil-Kawża C-438/17 jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja tad-Direttiva 2013/32, jiġifieri l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tagħha. Huma intiżi sabiex jiddeterminaw, essenzjalment, liema waħda miż-żewġ Direttivi 2013/32 jew 2005/85 hija applikabbli għall-applikazzjoni għall-ażil tad-29 ta’ Novembru 2013 tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawżi magħquda C-297/17, C-318/17 u C-319/17 u għall-applikazzjoni għall-ażil tad-19 ta’ Ġunju 2012 tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C-438/17 (9).

44.      Skont il-qorti tar-rinviju, skont il-punt 2 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG, li jittrasponi l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli jekk Stat Membru ieħor tal-Unjoni jkun diġà ta lill-barrani protezzjoni internazzjonali. Hija żżid li l-Artikolu 77(1) tal-AsylG “huwa stess japplika l-Artikolu 29(1)(2) tal-AsylG għall-applikazzjonijiet imressqa qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu sakemm ikunu għadhom ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni mhux appellabbli […]. Il-fiduċja tal-partijiet interessati fil-persistenza tas-sistema legali antika għandha inqas piż, f’għajnejn il-qorti tar-rinviju, mill-għan tas-sistema l-ġdida li tiġi evitata migrazzjoni sekondarja wara li tinkiseb protezzjoni skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32”. (Ara l-punt 20 tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-297/17).

45.      Għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jiġifieri applikazzjoni intiża għall-ksib tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja meta l-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor (10).

46.      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85 (11), l-Istati Membri setgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli jekk l-istatus ta’ rifuġjat ikun ġie mogħti minn Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, applikazzjoni għal status ta’ refuġjat ma setgħetx titqies bħala inammissibbli jekk l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja kien ingħata minn Stat Membru ieħor (12).

47.      Minn dan isegwi li hemm distinzjoni ċara u netta bejn il-portata ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, minħabba li l-Istati Membri għandhom setgħat usa’ biex jiddikjaraw talba għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli b’applikazzjoni tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 milli b’applikazzjoni tal-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85 (13). Konsegwentement, fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, huwa importanti li wieħed ikun jaf liema minn dawn iż-żewġ direttivi hija applikabbli fil-kawża prinċipali.

48.      F’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 tipprovdi li l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu b’mod partikolari l-Artikolu 33 ta’ dik id-direttiva fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati u fir-rigward ta’ proċeduri għall-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali li jinbdew wara l-20 ta’ Lulju 2015 (14) “jew f’data aktar kmieni”.

49.      Mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-kliem “jew f’data aktar kmieni”, li ma humiex fit-test tal-Proposta tal-Kummissjoni (COM (2009) 554), ġew miżjuda mill-Kunsill fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 fl-ewwel qari (15).

50.      Din l-inklużjoni wasslet għal dawn it-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari. Għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni hija eżempju klassiku ta’ abbozzar leġiżlattiv ħażin jew ta’ indeċiżjoni li hija l-oriġini ta’ diversi rikorsi ġudizzjarji li joħolqu ħela enormi ta’ riżorsi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew mingħajr ma nqisu l-keded li jieħdu l-partijiet fil-kawża inkwistjoni li diġà jkollhom problemi oħrajn anki biss f’termini ta’ żmien.

51.      Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dawn it-termini, l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 tkun perfettament ċara u l-20 ta’ Lulju 2015, tkun l-unika data rilevanti biex jiġi deċiż liema direttiva hija applikabbli. Barra minn hekk, x’inhu l-iskop li jinżamm il-kliem “wara l-20 ta’ Lulju 2015”, jekk se jitqiesu wkoll l-applikazzjonijiet ippreżentati qabel dik id-data?

52.      Sabiex jiġi deċiż jekk id-data tal-20 ta’ Lulju 2015 hijiex rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2013/32, inqis, skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk u tal-Kummissjoni, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi moqri fit-totalità tiegħu.

53.      Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32, l-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 u l-proċeduri għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat mibdija qabel dik id-data għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi bis-saħħa tad-Direttiva 2005/85/KE.

54.      Minn din id-dispożizzjoni perfettament ċara u imperattiva, jirriżulta li l-applikazzjonijiet għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kollha ġew ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 huma rregolati bil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi adottati bis-saħħa tad-Direttiva 2005/85 (16). Jekk wieħed kellu jinterpreta l-kliem “jew f’data aktar kmieni” fl-aħħar tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 bħala li jħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2013/32 għall-applikazzjonijiet imressqa qabel l-20 ta’ Lulju 2015, tali interpretazzjoni tmur kompletament kontra t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 billi tgħawweġ is-sens ċar.

55.      Madankollu, ma narax għalfejn għandna “nissagrifikaw” is-sens ċar tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 biex tingħata tifsira lill-kliem “jew f’data aktar kmieni” li introduċew ambigwità, jekk mhux kontradizzjoni fl-ewwel sentenza tal-istess paragrafu. Peress li d-Direttiva 2013/32 hija iktar restrittiva mid-Direttiva 2005/85 fuq il-punt diskuss, l-argument tal-Kummissjoni li l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 tippermetti applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li huma iktar favorevoli għall-applikant għall-ażil (17) lanqas biss għandu jiġi eżaminat.

56.      Għalhekk, l-unika interpretazzjoni loġika tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 huwa li l-applikazzjonijiet ippreżentati wara l-20 ta’ Lulju 2015 u l-proċeduri għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat mibdija wara dik id-data għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi adottati biex jittrasponu d-Direttiva 2013/32.

57.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C-438/17, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’din il-kawża ppreżentata f’Ġunju 2012 tkun għadha taqa’ b’mod sħiħ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin II (18) huwiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li l-applikabbiltà tar-Regolament Dublin II f’dan il-każ, tista’ tipprekludi l-applikazzjoni retroattiva tar-regola nazzjonali (19) adottata fl-implimentazzjoni ta’ awtorizzazzjoni iktar estensiva mogħtija mill-Artikolu 33(2)(a) tal-imsemmija direttiva (20).

58.      Peress li jirriżulta mir-risposta tiegħi fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 ma għandux japplika qabel id-data tal-20 ta’ Lulju 2015, data li fiha r-Regolament Dublin III kien diġà fis-seħħ, ma hemmx kwistjoni ta’ jekk ir-Regolament Dublin II jipprekludix l-applikazzjoni retroattiva tar-regola nazzjonali adottata fl-implimentazzjoni ta’ awtorizzazzjoni iktar estensiva mogħtija mill-Artikolu 33(2)(a) tal-imsemmija direttiva.

59.      Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C-438/17, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 jippermettix li l-awtorizzazzjoni iktar estiża tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 tiġi implimentata retroattivament, fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-ażil li jkunu għadhom ma ġewx deċiżi fil-mument ta’ din l-implimentazzjoni u diġà introdotti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/32 (21).

60.      Peress li jirriżulta mir-risposta tiegħi fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 ma għandux japplika qabel id-data tal-20 ta’ Lulju 2015, lanqas ma hemm kwistjoni ta’ jekk l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 tippermettix li l-awtorizzazzjoni iktar estiża tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 tiġi implimentata retroattivament, fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-ażil li jkunu għadhom ma ġewx deċiżi fil-mument ta’ din l-implimentazzjoni u diġà ppreżentati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

61.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regolament nazzjonali li jittrasponi l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 u joħloq motiv ta’ inammissibbiltà għall-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015, meta tkun ġiet rikonoxxuta protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor lir-rikorrent. Il-fatt li l-applikazzjoni għall-ażil għadha taqa’ kompletament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin II skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Dublin III jew li l-applikazzjoni għall-ażil kienet ippreżentata qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/32 u qabel it-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali mhuwiex rilevanti.

62.      Għandu jiġi kkonstatat li r-risposta tiegħi għall-ewwel domanda preliminari fil-Kawżi C-297/17, C-318/17 u C-319/17 u għaż-żewġ domandi fil-Kawża C-438/17 telimina l-iskop tad-domandi preliminari l-oħra magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawżi C-297/17, C-318/17 u C-319/17. Għalhekk, ser neżaminahom biss fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix ir-risposta proposta għall-ewwel domanda.

B.      Fuq it-tieni domanda fil-Kawżi C-297/17, C-318/17 u C-319/17, Ibrahim

63.      Permezz ta’ din id-domanda preliminari, li tirrigwarda speċifikament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-Istati Membri għandhomx id-dritt li jagħżlu, jew li jiċħdu applikazzjoni skont ir-Regolament Dublin II u r-Regolament Dublin III, għar-raġuni li dawn ir-Regolamenti jindikaw Stat Membru bħala responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (22), jew li jiċħduha bħala inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 (23).

64.      Jidhirli li jirriżulta b’mod ċar mill-kliem stess tal-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32 u b’mod partikolari mill-kliem “[a]ddizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III]” li Stat Membru għandu d-dritt li jagħżel, jew, li ma jeżaminax applikazzjoni għall-ażil minħabba li Stat Membru ieħor huwa responsabbli, jew, li jiċħadha bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32.

65.      F’dan ir-rigward, inqis, skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni (24), li l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32 ma jistabbilixxi l-ebda prijorità jew ġerarkija bejn ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u r-raġunijiet għall-inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32. Minn dan isegwi li Stat Membru mhux obbligat li jeżamina qabel kollox jekk huwiex responsabbli jew le għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u jista’ jirrifjuta dik l-applikazzjoni għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet għall-inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32. Fin-nuqqas ta’ ebda prijorità jew ġerarkija bejn ir-regoli inkwistjoni, tali libertà tapplika wkoll għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-proċedura.

C.      Fuq it-tielet u r-raba’ domandi fil-Kawżi C297/17, C-318/17 u C-319/17

66.      Permezz tat-tielet domanda tagħha fil-Kawżi C‑297/17, C-318/17 u C-319/17, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 jipprekludix li Stat Membru jiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni għall-ażil li tkun ġiet ippreżentata minn applikant li jkun diġà ngħata protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru ieħor, minn naħa, meta l-proċedura ta’ ażil f’dan l-Istat Membru l-ieħor kienet u għadha affettwata minn nuqqasijiet sistemiċi, u, min-naħa l-oħra, meta l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja f’dan l-Istat Membru l-ieħor imorru kontra l-Artikolu 4 tal-Karta u l-Artikolu 3 tal-KEDB jew ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 20 et seq tad-Direttiva 2011/95, mingħajr ma madankollu ma jiksru l-Artikolu 4 tal-Karta.

67.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawżi C‑297/17, C-318/17 u C-319/17, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-applikazzjoni minn Stat Membru tar-raġuni ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta l-benefiċjarji ta’ din il-protezzjoni internazzjonali ma jirċievu l-ebda allowance għall-għajxien, jew f’livell nettament inqas meta mqabbel ma’ Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma jkunu ttrattati b’mod differenti, f’dan ir-rigward, miċ-ċittadini tal-Istat Membru inkwistjoni u mingħajr ma jikser l-Artikolu 4 tal-Karta.

68.      Għandu jiġi nnotat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda informazzjoni la dwar il-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fil-Bulgarija u lanqas il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru.

69.      Ser neżamina t-tieni parti tat-tielet domanda fil-Kawżi C-297/17, C-318/17 u C-319/17 flimkien mar-raba’ domanda u mbagħad l-ewwel parti tat-tielet domanda.

1.      Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda u fuq ir-raba’ domanda

70.      Permezz ta’ din id-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk “id-dritt tal-Unjoni jeħtieġx li tiġi eżaminata l-applikazzjoni sussegwenti ta’ persuna rikonoxxuta bħala benefiċjarja ta’ protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor minkejja l-eżistenza ta’ regola interna għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, meta l-kundizzjonijiet ta’ għajxien għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja jiksru l-Artikoli 3 […] tal-KEDB [u l-Artikolu 4 tal-Karta] jew ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa skont l-Artikoli 20 et seq tad-Direttiva 2011/95, għax huma taħt dak il-livell”.

a)      Osservazzjonijiet preliminari dwar l-Artikolu 4 tal-Karta

71.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati fir-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. Il-projbizzjoni tal-pieni jew ta’ trattamenti inumani jew degradanti, prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta, hija, f’dan ir-rigward, ta’ importanza fundamentali, sa fejn għandha natura assoluta peress li hija strettament marbuta mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha (25).

72.      Is-sistema Ewropea komuni ta’ ażil kienet żviluppata f’kuntest li jippermetti li jitqies li l-Istati kollha li ser jipparteċipaw fiha, kemm jekk Stati Membri u kemm jekk Stati terzi, ser jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet li l-bażi tagħhom tinsab fil-Konvenzjoni ta’ Genève u fil-Protokoll tal-1967, kif ukoll fil-KEDB, u li l-Istati Membri jistgħu juru fiduċja reċiproka f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kellu jiġi preżunt li l-ipproċessar irriżervat lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, mal-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll mal-KEDB (26).

73.      Minkejja din is-suppożizzjoni ta’ konformità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ma jistax jiġi eskluż li s-sistema Ewropea komuni tal-ażil tiltaqa’, fil-prattika, ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-funzjonament fi Stat Membru partikolari, b’tali mod li jkun hemm riskju serju li l-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil ikunu ttrattati, fil-każ li jiġu ttrasferiti lejn dan l-Istat Membru, b’mod li jkun inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħhom (27).

74.      Fil-punt 99 tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 N.S. et (C‑411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865) il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika b’mod ċar “li applikazzjoni tar-Regolament [Dublin III] fuq il-bażi ta’ preżunzjoni inkonfutabbli li d-drittijiet fundamentali tal-persuna li tkun qiegħda titlob ażil ser ikunu rrispettati fl-Istat Membru normalment responsabbli sabiex jipproċessa l-applikazzjoni tagħha hija inkompatibbli mal-obbligu tal-Istati Membri li jinterpretaw u japplikaw ir-Regolament [Dublin III] b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali”. Għaldaqstant, din hija preżunzjoni tal-konformità konfutabbli.

75.      Il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat ukoll fil-punti 86 sa 94 u 106 fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C-411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), li t-trasferiment tal-applikanti għall-ażil fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin jista’, f’ċerti ċirkustanzi, ikun inkompatibbli mal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta. Hija għalhekk iddeċidiet li l-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil tista’ taffaċċja riskju reali li tkun suġġetta għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens ta’ dan l-Artikolu, f’każ ta’ trasferiment lejn Stat Membru li fih ikun hemm lok għal tħassib serju dwar l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil. Konsegwentement, konformement mal-projbizzjoni prevista f’dan l-artikolu, l-Istati Membri huma obbligati li ma jwettqux trasferimenti fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin lejn Stat Membru meta huma ma jistgħux ma jkunux jafu bl-eżistenza, f’dan l-Istat Membru, ta’ tali difetti (28).

76.      Is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C-411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), seħħet f’sitwazzjoni simili għal dik fis-sentenza tal-Qorti EDB tal-21 ta’ Jannar 2011, M. S. S. vs Il‑Belġju u l-Greċja (29) u relatata mal-Artikolu 3 tal-KEDB, jiġifieri t-trasferiment mill-awtoritajiet Belġjani ta’ applikant għall-ażil lejn il-Greċja li kien l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu (30). Fil-punt 88 tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C-411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Qorti EDB iddeċidiet, b’mod partikolari, li r-Renju tal-Belġju kien kiser l-Artikolu 3 tal-KEDB, minn naħa, meta espona lir-rikorrent għar-riskji li kienu jirriżultaw min-nuqqasijiet fil-proċedura tal-ażil fil-Greċja, sa fejn l-awtoritajiet Belġjani kienu jafu jew kien imisshom kienu jafu li ma kien hemm ebda garanzija li l-applikazzjoni għall-ażil tiġi eżaminata serjament mill-awtoritajiet Griegi u, min-naħa l-oħra, meta espona lir-rikorrent, b’għarfien sħiħ tas-sitwazzjoni, għal kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u ta’ għajxien li kienu jikkostitwixxu trattamenti degradanti (31).

77.      Għalkemm il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 N.S. et (C-411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865) dwar l-eżistenza fl-Istat Membru rikjest ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti ġiet ikkodifikata fl-2013, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li minn dan ma setgħax jiġi konkluż li kull ksur ta’ dritt fundamentali mill-Istat Membru responsabbli jaffettwa l-obbligi tal-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III (32). Fil-fatt, ma jkunx kompatibbli mal-għanijiet u mas-sistema tar-Regolament Dublin III jekk l-iċken ksur tar-regoli li jirregolaw is-sistema komuni tal-ażil ikun biżżejjed sabiex jipprekludi kull trasferiment ta’ persuna li tkun qiegħda tfittex ażil lejn l-Istat Membru li normalment ikun kompetenti (33).

78.      Fir-rigward tar-riskji assoċjati mat-trasferiment innifsu ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 65 tas-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127), li seta’ jseħħ unikament f’kundizzjonijiet li jeskludu li dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali li l-persuna kkonċernata tissubixxi trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa partikolarment gravi tal-parti kkonċernata (34) li seta’ jwassal biex ma jiġix trasferit lejn Stat Membru ieħor u dan anki fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istat Membru responsabbli.

79.      Fil-fatt, fil-punt 91 tas-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C.K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127) il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li hija biss l-eżistenza ta’ difetti sistemiċi fl-Istat Membru responsabbli li tista’ taffettwa l-obbligu ta’ trasferiment ta’ applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli (35).

80.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura ġenerali tal-Artikolu 4 tal-Karta li jipprojbixxi t-trattamenti inumani jew degradanti fil-forom kollha tagħhom u l-fatt li jkun manifestament inkompatibbli man-natura assoluta ta’ din il-projbizzjoni li l-Istati Membri jistgħu ma jqisux riskju reali u kkonfermat ta’ trattamenti inumani jew degradanti li jaffettwaw applikant għall-ażil bil-pretest li dan ma jirriżultax minn difett sistemiku fl-Istat Membru responsabbli (36).

81.      Il-punt 95 tas-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017 C.K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127), jispeċifika li l-impossibbiltà li jitwettaq t-trasferiment fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni f’din il-kawża “tosserva għalkollox il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka peress li, mhux talli ma taffettwax l-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali f’kull Stat Membru, din tiżgura li s-sitwazzjonijiet eċċezzjonali maħsuba f’din is-sentenza huma debitament meħuda inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri. Barra minn hekk, jekk Stat Membru kellu jipproċedi għat-trasferiment ta’ applikant għall-ażil f’tali sitwazzjonijiet, it-trattament inuman jew degradanti li jirriżulta minn dan ma jkunx imputabbli, direttament jew indirettament, lill-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli, iżda unikament lill-ewwel Stat Membru” (37).

82.      Dan l-approċċ prudenti, li jiffoka fuq il-ħarsien tal-prinċipji fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem, jirrifletti wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Fil-fatt, fil-punt 126 tas-sentenza tagħha tal-4 ta’ Novembru 2014, Tarakhel vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2014:1104JUD002921712, il-Qorti EDB tfakkar “li l-ilment ta’ persuna li t-trasferiment tagħha lura lejn Stat terz jesponiha għal trattamenti pprojbiti mill-Artikolu 3 tal-[KEDB] għandu assolutament jiġi kkontrollat bir-reqqa minn awtorità nazzjonali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

83.      Kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi preżenti, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C-411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) u tas-16 ta’ Frar 2017, C.K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127) li kienu jirrigwardaw, fl-ewwel każ, nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti, u fit-tieni każ, it-trasferiment innifsu ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali, il-Kawżi C-297/17, C-318/17 u C-319/17 jinvolvu l-ikkunsidrar tas-sitwazzjoni li tista’ tirriżulta wara l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru responsabbli.

84.      Barra minn hekk, dawn id-domandi preliminari ma jirrigwardawx ir-Regolament Dublin III iżda l-motiv ta’ inammissibbiltà previst fl-Artikolu 33(2)(a), tad-Direttiva 2013/32.

85.      Dawn iċ-ċirkustanzi ġodda għadhom ma ġewx indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

b)      L-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta

86.      L-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprovdi li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

87.      Fil-fehma tiegħi, l-osservanza tal-Artikolu 4 tal-Karta, dwar il-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti, li hija ta’ natura assoluta, tapplika għall-Istati Membri meta japplikaw raġuni ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 33(2)(a), tad-Direttiva 2013/32 (38).

88.      Skont il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka, għandu jiġi preżunt li l-ipproċessar irriżervat lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, mal-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll mal-KEDB (39). Din il-preżunzjoni ta’ konformità hija msaħħa jekk l-Istat Membru jittrasponi de jure (40)kif ukoll de facto d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII intitolat “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, tad-Direttiva 2011/95 li jipprevedi livell ta’ protezzjoni soċjali tal-benefiċjarju inkwistjoni li hija ekwivalenti jew superjuri għal dak previst mill-Konvenzjoni ta’ Genève.

89.      Madankollu, kif diġà indikajt fil-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-preżunzjoni ta’ konformità, b’mod partikolari fl-Artikolu 4 tal-Karta, ma hijiex inkonfutabbli.

90.      Nikkunsidra li jirriżulta b’analoġija mill-punti 253 u 254 tas-sentenza tal-Qorti EDB tal-21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u l‑Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD003069609 u mill-punt 80 tas-sentenza tat-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C-411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865) li Stat Membru jikser l-Artikolu 4 tal-Karta jekk benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, totalment dipendenti fuq l-għajnuna pubblika, kienu jħabbtu wiċċhom mal-indifferenza tal-awtoritajiet b’tali mod li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ privazzjoni jew ta’ nuqqas tant gravi li jkun inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem.

91.      Fi kliem ieħor, sabiex jiġi kkunsidrat li hemm raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali se jkollhom riskju reali li jiġu suġġetti għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba l-kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament Dublin III, iridu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni partikolarment gravi (41) li tirriżulta minn nuqqasijiet sistemiċi fir-rigward tagħhom f’dak l-Istat Membru.

92.      F’tali sitwazzjoni totalment eċċezzjonali, Stat Membru ma jistax japplika r-raġuni ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u għandu jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ġiet ippreżentata lilu.

93.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal u, b’mod partikolari, in-natura assoluta tal-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti, prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta, inqis li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ raġuni ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fejn il-kundizzjonijiet ta’ eżistenza tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja mogħtija minn Stat Membru ieħor imorru kontra l-Artikolu 4 tal-Karta.

c)      Applikazzjoni tal-Artikoli 20 et seq tad-Direttiva 2011/95

94.      Il-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95 dwar il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali jipprovdi b’mod partikolari dispożizzjonijiet dwar l-aċċess tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għax-xogħol (42), għall-edukazzjoni (43), għall-protezzjoni soċjali (44) u għall-kura tas-saħħa (45) li jirrikjedu trattament identiku għal dak mogħti liċ-ċittadini tal-Istat Membru.

95.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2011/95, l-benefiċjarji għandhom jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħra residenti legalment fit-territorji tagħhom (46).

96.      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95 ma jipprevedux livell jew limitu minimu ta’ benefiċċji soċjali li għandhom ikunu mogħtija lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, minbarra t-trattament nazzjonali jew, eċċezzjonalment, trattament ekwivalenti għal dak li jgawdu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħrajn residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru (47).

97.      Fin-nuqqas ta’ politika ġenwina dwar il-protezzjoni internazzjonali fi ħdan l-Unjoni, iffinanzjata mill-baġit tagħha stess, li tiżgura kundizzjonijiet minimi ta’ għajxien u uniformi għall-benefiċjarji ta’ din il-protezzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95 jirriflettu l-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5(3) TUE sa fejn huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod ċar l-eżistenza ta’ livelli differenti ta’ benefiċċji soċjali fl-Istati Membri.

98.      Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet fejn huwa allegat ksur tal-Artikoli 20 et seq tad-Direttiva 2011/95, mingħajr madankollu ma jkun hemm ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta, inqis bħall-Gvern Franċiż, li l-impożizzjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ażil li jivvalutaw il-livell u l-kundizzjonijiet għall-aċċess tal-protezzjoni internazzjonali, tmur kontra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu hija bbażata s-sistema komuni Ewropea tal-ażil inklużi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 (48).

99.      Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ raġuni ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, meta l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali ma jirċievu l-ebda benefiċċju ta’ sussistenza jew benefiċċji sostanzjalment inqas milli fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma jiġu ttrattati b’mod differenti, f’dan ir-rigward, miċ-ċittadini tal-Istat Membru inkwistjoni u mingħajr ma madankollu ma jinkiser l-Artikolu 4 tal-Karta. Il-premessa 41 tad-Direttiva 2011/95 tipprevedi li “[s]abiex jiġi mtejjeb l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet u l-benefiċċji stabbiliti f’din id-Direttiva mill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, hu neċċessarju li jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u l-isfidi partikolari tal-integrazzjoni li magħhom jħabbtu wiċċhom. Tali kunsiderazzjoni normalment ma għandhiex tirriżulta fi trattament aktar favorevoli milli dak pprovdut lil ċittadini nazzjonali tagħhom stess mingħajr preġudizzju għall-possibilità għall-Istati Membri li jintroduċu jew iżommu standards aktar favorevoli” (49).

100. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri li effettivament jirrispettaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva 2011/95 fir-rigward tal-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali jew li jagħtu benefiċċji soċjali pjuttost ġenerużi jistgħu jiġu ppenalizzati.

101. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, inqis li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni minn Stat Membru tar-raġuni ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta l-Istat Membru li jkun diġà ta protezzjoni sussidjarja lill-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 20 et seq tad-Direttiva 2011/95 (50), mingħajr madankollu ma jikser l-Artikolu 4 tal-Karta jew meta l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali ma jirċievu l-ebda benefiċċju ta’ sussistenza, jew benefiċċji sostanzjalment inqas minn dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma jiġu ttrattati b’mod differenti, f’dan ir-rigward, miċ-ċittadini tal-Istat Membru inkwistjoni.

2.      Fuq l-ewwel parti tat-tielet domanda

102. Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ “jekk u f’liema kundizzjonijiet, id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 18 tal-Karta u tal-Artikolu 78 TFUE jistgħu jordnaw li Stat Membru jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minkejja l-eżistenza ta’ regola interna għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 33(2)(a), tad-Direttiva 2013/32 meta l-applikant ikun diġà ġie rrikonoxxut fi Stat Membru status ta’ protezzjoni sussidjarja, iżda mhux bħala refuġjat” minħabba nuqqasijiet fil-proċedura tal-ażil f’dan l-aħħar Stat Membru.

103. Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju talludi għan-nuqqasijiet fil-proċedura tal-ażil fil-Bulgarija, li tagħti “protezzjoni sussidjarja, tirrifjuta r-rikonoxximent, aktar sostanzjali, tal-kwalità ta’ refuġjat b’mod (prevedibbli) […] jew […] ma teżaminax ulterjorment applikazzjonijiet sussegwenti minkejja elementi jew fatti ġodda li jżidu b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li dan l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ refuġjat [skont l-Artikolu 40(3) [tad-Direttiva 2013/32]”. (Il-punt 32 tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑297/17).

a)      Il-kummenti tal-partijiet

104. Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li sa fejn “jeżisti obbligu li jiġu eżaminati n-nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil ta’ Stat Membru ieħor, dan għandu għall-inqas ikun imsemmi fid-Direttiva 2013/32. [Huwa jinnota li] dan madankollu ma huwiex il-każ u [li għall-kuntrarju,] id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jagħti protezzjoni internazzjonali għandha ċerta awtorità” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 62 tal-osservazzjonijiet tiegħu). Skont dan il-Gvern, huwa biss il-leġiżlatur tal-Unjoni li jista’ jistabbilixxi tali obbligu fid-dritt pożittiv u nuqqas ta’ konformità ma’ dan l-obbligu impost mid-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi kkonstatat biss wara proċedura ta’ ksur kontra dan l-Istat.

105. Il-Gvern Franċiż jikkunsidra li huwa biss jekk jirriżulta li l-protezzjoni internazzjonali diġà mogħtija minn Stat Membru ieħor ma hijiex effettiva, jiġifieri jekk ikun hemm riskju li l-persuna kkonċernata fl-Istat Membru li jkun taha protezzjoni tiġi esposta għal persekuzzjoni jew perikolu serju (51) fis-sens tad-Direttiva 2011/95, li l-Istat Membru fejn tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni l-ġdida għandu jivverifika jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ refuġjat, qabel ma jeżamina l-eliġibbiltà tiegħu għal protezzjoni sussidjarja.

106. Skont il-Gvern Pollakk, l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li l-applikant li jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru għandu jkun protett adegwatament, biex l-Istati Membri l-oħra jkunu jistgħu jikkunsidraw it-talba tiegħu bħala inammissibbli u jiċħduha mingħajr ma jeżaminawha fil-mertu. Huwa jqis li l-fatt li awtorità nazzjonali kompetenti ssib li applikant igawdi minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor għandu fil-prinċipju jippermettilu li ma jeżaminax l-applikazzjoni fuq il-mertu. Huwa jżid li huwa biss f’ċirkustanzi verament eċċezzjonali li l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata tiftaħ proċedura biex teżamina t-talba fuq il-mertu. Skont dan il-gvern, hija l-awtorità nazzjonali kompetenti jew il-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk każ konkret ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fi Stat Membru partikolari jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta, li jiġġustifika obbligu li talba għal tisħiħ tal-protezzjoni internazzjonali tiġi eżaminata fuq il-mertu.

107. Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel Stat Membru (jiġifieri, f’dan il-każ, il-Ġermanja) jista’ jinjora n-nuqqasijiet fil-proċeduri tal-ażil tal-Istat Membru l-ieħor fl-analiżi tiegħu. Hi tqis li wara li tingħata l-protezzjoni sussidjarja fl-Istat B u tiġi miċħuda t-talba għal tisħiħ bħala inammissibbli fl-Istat A, il-proċedura tal-ażil tkun intemmet. Skont il-Kummissjoni, il-persuna kkonċernata għandha tkun għaldaqstant ittrattata skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (52). Hija tqis li l-persuna kkonċernata qed tissoġġorna illegalment fl-Istat Membru A, iżda tibbenefika fl-Istat Membru B minn awtorizzazzjoni ta’ residenza bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja.

b)      Analiżi

108. Din id-domanda preliminari tirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ talba għal “tisħiħ” għal protezzjoni sussidjarja mogħtija minn Stat Membru permezz tar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor. Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri jistgħu (53) jikkunsidraw bħala inammissibbli applikazzjoni intiża għall-ksib tal-istatus ta’ rifuġjat, meta l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jkun ingħata minn membru ieħor.

109. F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt li l-kundizzjonijiet biex wieħed jitqies bħala refuġjat (Kapitolu III tad-Direttiva 2011/95) huma ferm differenti mill-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni sussidjarja (Kapitolu V tad-Direttiva 2011/95), l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja huwa, bħala prinċipju (54), inqas minn dak tal-istatus ta’ refuġjat speċjalment fir-rigward tad-dritt ta’ residenza (55) u l-protezzjoni soċjali (56). Din id-distinzjoni bejn iż-żewġ status ta’ protezzjoni internazzjonali hija msaħħa mill-istess kliem tal-Artikolu 78 TFUE (57).

110. Nirrileva li, fid-dawl ta’ din id-distinzjoni bejn iż-żewġ status, l-Artikolu 46(1)(a)(i) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandu dritt għal rimedju effettiv fl-Istat Membru responsabbli, quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru li jippermettilu jikkontesta d-deċiżjonijiet li jikkunsidraw applikazzjoni għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja bħala infondata (58).

111. Fil-fatt, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li “fejn l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja mogħtija minn Stat Membru joffri l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk offruti mill-istatus ta’ rifuġjat taħt il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, dak l-Istat Membru jista’ jqis appell kontra deċiżjoni li tikkunsidra applikazzjoni bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat bħala inammissibbli għar-raġuni li m’hemmx biżżejjed interess min-naħa tal-applikant biex jibqgħu għaddejjin il-proċedimenti” (59).

112. Isegwi li l-istatus ta’ refuġjat huwa biss eċċezzjonalment interkambjabbli mal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

113. Is-sistema Ewropea komuni ta’ ażil kienet żviluppata f’kuntest li jippermetti li jitqies li l-Istati kollha li ser jipparteċipaw fiha, kemm jekk Stati Membri u kemm jekk Stati terzi, ser jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-ażil stabbilit mill-Artikolu 18 tal-Karta u li l-Istati Membri jistgħu juru fiduċja reċiproka f’dan ir-rigward (60).

114. Fil-fehma tiegħi, l-adozzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 hija bbażata fuq dan il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tevita l-ħela tar-riżorsi u “jiġi evitat xogħol żejjed għas-sistema minħabba l-obbligu tal-awtoritajiet Statali li jipproċessaw applikazzjonijiet multipli ppreżentati mill-istess persuna li tkun qiegħda tfittex ażil, […] u b’hekk li jiġi evitat forum shopping, u dan kollu fid-dawl tal-għan prinċipali li jitħaffef l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet fl-interess kemm tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil u kif ukoll fl-interess tal-Istati parteċipanti” (61).

115. Fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawn il-kawżi, il-fiduċja reċiproka timplika li l-Istati Membri għandhom id-dritt li wieħed jassumi li l-Istati Membri jittrattaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali skont il-liġi tal-Unjoni u skont ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Genève u jagħtu, jew l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, meta l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ dawn l-istatus jeżiġu dan fid-dawl tal-kriterji komuni stabbiliti mid-Direttiva 2011/95. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jassumu li l-Istati Membri l-oħrajn għandhom jagħtu l-istatus (ogħla) ta’ refuġjat u mhux l-istatus (aktar baxx) ta’ protezzjoni sussidjarja meta ċ-ċirkustanzi jeħtieġu u jitolbu hekk u viċe versa.

116. Madankollu diġà nnotajt li l-preżunzjoni kienet konfutabbli. Fil-fatt, għandu jkun enfasizzat li d-dritt għall-ażil huwa dritt fundamentali garantit mill-Artikolu 18 tal-Karta “b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus ta’ refuġjati u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”. Minn dan isegwi li, minkejja l-obbligu ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, il-persuna kkonċernata għandu jkollha l-possibbiltà li turi li hemm nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil, li jikkonsistu partikolarment minn prattika mifruxa li jingħata b’mod inġust l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja pjuttost milli l-istatus ta’ refuġjat. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil ma tistax tkun limitata għall-fatt li l-persuna kkonċernata tista’ tiġi esposta għal persekuzzjoni jew perikolu serju, kif jippretendi l-Gvern Franċiż (62).

117. Il-verifika tal-eżistenza jew le ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil fl-Istat Membru responsabbli hija bbażata biss fuq evalwazzjoni konkreta tal-fatti u taċ-ċirkustanzi. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-evidenza kollha mogħtija mill-parti kkonċernata fuq il-fatti kollha rilevanti dwar l-allegati nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil.

118. Ksur iżolat fl-ebda każ ma huwa suffiċjenti sabiex tiġi kkontestata s-sistema komuni Ewropea tal-ażil (63), b’mod partikolari, l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 u biex l-Istati Membri jiġu obbligati jikkunsidraw applikazzjoni intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat bħala ammissibbli, anki jekk l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ġiet mogħti minn Stat Membru ieħor.

119. Barra minn hekk, peress li skont l-Artikolu 46(1)(a)(i) tad-Direttiva 2013/32, l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandu dritt għal rimedju effettiv fl-Istat Membru responsabbli, quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru li jippermettilu jikkontesta b’mod partikolari d-deċiżjonijiet li jikkunsidraw applikazzjoni infondata għall-istatus ta’ refuġjat, irid juri wkoll li dan id-dritt għal rimedju effettiv huwa ineżistenti jew ivvizzjat b’nuqqasijiet sistemiċi.

120. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, inqis li d-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 18 tal-Karta jipprekludi l-applikazzjoni minn Stat Membru tal-motiv ta’ inammissibbiltà previst fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, meta l-applikant permezz ta’ talba għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru jfittex it-tisħiħ tal-protezzjoni sussidjarja li tkun ingħatatlu fi Stat Membru ieħor, u li l-proċedura ta’ ażil f’dan l-aħħar Stat Membru kienet u għadha vvizzjata b’nuqqasijiet sistemiċi.

D.      Fuq il-ħames domanda fil-Kawżi C-297/17, C318/17 u C-319/17

121. Il-ħames domanda fil-Kawżi magħquda C-297/17, C-318/17 u C‑319/17 saret biss f’każ li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva (64). Permezz ta’ din id-domanda, li hija maqsuma f’żewġ domandi sekondarji, il-qorti tar-rinviju tistaqsi minn naħa, jekk iċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux ratione temporis taħt ir-Regolament Dublin II jew ir-Regolament Dublin III u, min-naħa l-oħra, jekk ir-Regolament Dublin II u/jew ir-Regolament Dublin III għandux japplika meta protezzjoni sussidjarja tkun diġà ngħatat lill-applikant fi Stat Membru ieħor.

122. Billi fuq il-bażi tar-risposta tiegħi għat-tieni domanda, Stat Membru mhux obbligat li jeżamina qabel kollox jekk huwiex responsabbli jew le għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u jista’ jirrifjuta dik it-talba għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32, il-ħames domanda saret mingħajr skop.

V.      Konklużjoni

123. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li, għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), tirrispondi bil-mod li ġej:

1)      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali jipprekludi l-applikazzjoni fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 li toħloq raġuni għal inammissibbiltà fejn l-applikant ikun ingħata l-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor. Il-fatt li l-applikazzjoni għall-ażil għadha taqa’ kompletament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin II skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Dublin III jew li l-applikazzjoni għall-ażil kienet ippreżentata qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/32 u qabel it-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali mhuwiex rilevanti.

2)      L-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32 ma jistabbilixxi l-ebda prijorità jew ġerarkija bejn ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u r-raġunijiet għall-inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32. Minn dan isegwi li Stat Membru mhux obbligat li jeżamina qabel kollox jekk huwiex responsabbli jew le għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u jista’ jirrifjuta dik l-applikazzjoni għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet għall-inammissibbiltà previsti mill-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32. Fin-nuqqas ta’ ebda prijorità jew ġerarkija bejn ir-regoli inkwistjoni, tali libertà tapplika wkoll għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-proċedura.

3)      Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ raġuni ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fejn il-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja mogħtija minn Stat Membru ieħor imorru kontra l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4)      Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni minn Stat Membru tar-raġuni ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta l-Istat Membru li jkun diġà ta protezzjoni sussidjarja lill-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 20 et seq tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, mingħajr madankollu ma jikser l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew meta l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali ma jirċievu l-ebda benefiċċju ta’ sussistenza jew benefiċċji sostanzjalment inqas minn dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma jiġu ttrattati b’mod differenti, f’dan ir-rigward, miċ-ċittadini tal-Istat Membru inkwistjoni.

5)      Id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprekludi l-applikazzjoni minn Stat Membru tar-raġuni ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jekk l-applikant permezz ta’ talba ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru jfittex it-tisħiħ tal-protezzjoni sussidjarja li tkun ingħatatlu fi Stat Membru ieħor, u jekk il-proċedura ta’ ażil f’dan l-aħħar Stat Membru kienet u għadha vvizzjata b’nuqqasijiet sistemiċi.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2013, L 180, p. 60.


3      ĠU 2011, L 337, p. 9.


4      Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 189, p. 50, Nru 2545 (1954).


5      ĠU 2006, L 175M, p. 168.


6      Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013 L 180, p. 31). Ara, ukoll, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Dublin II”).


7      Iċ-ċirkustanzi fattwali fil-kawża C-319/17 huma, essenzjalment, analogi għal dawk li taħthom taqa’ t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-297/17. Barra minn hekk, il-motivazzjoni u d-domandi preliminari huma identiċi għal dawk tat-talba għal deċiżjoni preliminari C-297/17.


8      Jiġifieri Bushra, Mohammad u Ahmad Ibrahim.


9      Il-Qorti tar-rinviju tosserva li “[f]l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-fatt wessa’ l-possibbiltà lil kienet diġà prevista fl-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85 li applikazzjoni għall-ażil tiġi miċħuda bħala inammissibbli, billi issa jippermetti lill-Istati Membri jikkunsidraw applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli fejn Stat Membru ieħor ikun ta protezzjoni sussidjarja”. (Ara l-punt 15 tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-297/17). Waqt is-seduta magħquda tat-8 ta’ Mejju 2018, il-Gvern tar-Renju Unit ikkontesta l-interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju tal-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85. Huwa sostna b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/85, meta Stat Membru juża proċedura komuni għall-applikazzjonijiet għall-ażil u għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja, għandu japplika din id-Direttiva matul il-proċedura kollha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern tar-Renju Unit sostna li l-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jikkunsidra applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli fejn Stat Membru ieħor ikun ta protezzjoni sussidjarja. Jiena ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 25(2)(a), tad-Direttiva 2005/85 jirreferi espressament għall-istatus ta’ refuġjat, inqis li l-Gvern tar-Renju Unit qed ifixkel il-proċedura għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja fl-Istati Membri mal-istatus ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja.


10      Skont il-punt 43 tas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Mirza (C-695/15 PPU, EU:C:2016:188), l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 “huwa intiż biex iħaffef l-obbligu tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi jiddefinixxi każijiet li fihom tali applikazzjoni titqies li hija inammissibbli”. Il-motiv ta’ inammissibbiltà stabbilit fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, jippermetti lill-Istati Membri li jirrifjutaw, mingħajr eżami tal-mertu, l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.


11      Id-Direttiva 2005/85 tħassret b’effett mill-21 ta’ Lulju 2015 permezz tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/32.


12      Il-qorti tar-rinviju tosserva li għalkemm il-punt 2 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, “huwa irrikonċiljabbli” fuq dan il-punt mal-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, “[l]-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli […] jekk […] l-istatus ta’ rifuġjat ikun ġie mogħti minn Stat Membru ieħor”.


13      Il-Gvern Pollakk isostni li jirriżulta b’mod ċar minn paragun taż-żewġ dispożizzjonijiet, jiġifieri l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85 li d-Direttiva 2013/32 wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat li għandu Stat Membru biex jikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli. Huwa jinnota li attwalment, applikazzjoni tista’ tiġi ddikjarata bħala inammissibbli mhux biss meta l-applikant ikun ingħata l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll meta huwa jgawdi minn protezzjoni sussidjarja hemmhekk. Min-naħa l-oħra, skont dan l-istess gvern, bis-saħħa tad-Direttiva 2005/85, applikazzjoni tista’ biss tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli jekk l-applikant ikun ingħata l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor.


14      Għandu jiġi nnotat li skont l-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2013/32, l-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva kellu jiġi traspost mhux iktar tard mill-20 ta’ Lulju 2015. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 53 tal-istess direttiva, id-Direttiva 2005/85 tħassret b’effett mill-21 ta’ Lulju 2015. Fil-kawżi prinċipali, il-protezzjoni sussidjarja ngħatat u l-applikazzjonijiet għal status ta’ refuġjat ġew sottomessi qabel l-20 ta’ Lulju 2015.


15      Ara l-Artikolu 52 tal-Pożizzjoni (UE) Nru 7/2013 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (Riformulazzjoni) adottata mill-Kunsill fis-6 ta’ Ġunju 2013 (C 179E, p. 27).


16      Fid-dawl tan-natura obbligatorja tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32, id-dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 77(1) tal-AsylG ma jistgħux jiddeterminaw il-portata ratione temporis tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 u tal-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85.


17      Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32 u l-miżuri nazzjonali tat-traspożizzjoni tagħha jistgħu japplikaw għal applikazzjonijiet ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 biss jekk ikunu iktar favorevoli għall-applikant għall-ażil minn dawk tad-Direttiva 2005/85 u li għaldaqstant huma konformi mal-prinċipju tat-trattament l-aktar favorevoli previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/85. Skont il-Kummissjoni, għalhekk huwa biss f’każijiet bħal dawn li l-kliem “jew f’data aktar kmieni” jista’ jkollu sinjifikat prattiku. Waqt is-seduta tat-8 ta’ Mejju 2018, l-avukat ta’ T. Magamadov (C-438/17) indika li l-kliem “jew f’data aktar kmieni” kien qed jirreferi għat-traspożizzjoni bikrija tad-Direttiva 2013/32.


18      Ir-Regolament Dublin III daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014.


19      Jiġifieri il-punt 2 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG.


20      Skont il-qorti tar-rinviju, “ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ fil-fatt tkun (issir) internazzjonalment responsabbli skont ir-regoli ta’ Dublin biex teżamina l-mertu u tiddeċiedi fuq applikazzjoni (ġdida) għall-ażil biex tinkiseb protezzjoni (msaħħa) ta’ refuġjat, liema applikazzjoni ma jkollhiex għalfejn teżamina l-mertu u lanqas tiddeċiedi dwarha skont id-dispożizzjoni li tittrasponi b’mod retroattiv l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE. Il-kliem tal-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32/UE, li jirreferi biss għar-Regolament Dublin III, jista’ jimmilita fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata għal każijiet li għadhom jaqgħu kompletament taħt ir-Regolament Dublin II”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Punt 16 tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-438/17).


21      Il-qorti tar-rinviju għamlet din id-domanda fid-dawl tal-fatt li, kuntrarjament għall-applikazzjonijiet għall-ażil fil-Kawżi C-297/17, C-318/17 u C-319/17 li ġew ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2013, l-applikazzjoni għall-ażil ta’ T. Magamadov tad-19 ta’ Ġunju 2012 ġiet ippreżentata qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/32. Skont l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2013/32, din id-Direttiva “għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”. Id-Direttiva 2013/32 ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Ġunju 2013.


22      Ninnota fil-punt 42 tad-Digriet tal-5 ta’ April 2017, Ahmed (C-36/17, EU:C:2017:273), li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet “li d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tar-Regolament [Dublin III] li jirregolaw, b’mod dirett jew indirett, it-termini ta’ tressiq ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid lura ma humiex applikabbli f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru wara li jkun ingħata l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru ieħor.” Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx f’dan id-digriet jekk l-Istati Membri għandhomx id-dritt li jagħżlu jew li ma jeżaminawx applikazzjoni għall-ażil skont ir-Regolament Dublin III, jew, li jiċħduha bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32.


23      Skont il-Kummissjoni, il-kwistjoni “hija dovuta għall-fatt li d-dritt Ġermaniż jipprevedi, fl-Artikolu 29(1)(1)(a) tal-AsylG, raġuni għal inammissibilità fejn Stat Membru ieħor huwa responsabbli, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Dublin III], mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil” (punt 22 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u korsiv miżjud minni).


24      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawżi magħquda C-297/17, C-318/17 u C‑319/17 jikkunsidraw li r-Regolament Dublin ma jistax jibqa’ jgħodd meta, bħal fil-kawża preżenti, l-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament Dublin II, irrifjuta li jassumi r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata. Il-Gvern Ġermaniż iqis li r-Regolament Dublin III ma jibqax japplika ladarba r-refuġjati diġà rċevew protezzjoni internazzjonali. Huwa jqis li l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ xenarji li fihom applikazzjoni għall-ażil ma tiġix eżaminata fuq il-mertu: minn naħa, l-inammissibbiltà skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III u, min-naħa l-oħra, l-inammissibbiltà għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva. Skont dan il-gvern, għalhekk ma hemmx kompetizzjoni bejn il-leġiżlazzjonijiet u lanqas il-fakultà ta’ għażla.


25      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C.K. et (C-578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta tikkorrispondi ma’ dik stabbilita fl-Artikolu 3 tal-KEDB u sa hawnhekk, is-sens u l-portata tagħha huma, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess bħal dawk li tagħtiha din il-konvenzjoni (sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C-578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 67). Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 15(2) tal-KEDB, li l-ebda deroga ma hija possibbli mill-Artikolu 3 tal-KEDB u l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB kellha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta (sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C-578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 68).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 N.S. et (C-411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 78 sa 80).


27      Ara, s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 N.S. et (C-411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 81).


28      Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C.K. et (C-578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      CE:ECHR:2011:0121JUD003069609.


30      Ta’ min jinnota li, fl-eżami tagħha tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fil-Greċja, il-Qorti EDB ħadet inkunsiderazzjoni l-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet Griegi bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101) li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (Qorti EDB, 21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punt 263).


31      Fis-sentenza tagħha, il-Qorti EDB iddeċidiet li sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali severa setgħet tqajjem problema fid-dawl tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Il-Kummissjoni mbagħad ikkonstatat li s-sitwazzjoni li fiha kien jinsab ir-rikorrent inkwistjoni kienet partikolarment gravi. Il-Qorti EDB osservat li “[ir-rikorrent kien spjega] li għex għal xhur sħaħ f’miżerja totali u li lanqas seta’ jlaħħaq mal-ħtiġijiet l-aktar bażiċi: jiekol, jinħasel u jsib fejn joqgħod. Ma’ dan kien hemm il-biża’ kontinwa li jiġi attakkat u misruq kif ukoll l-assenza totali ta’ tama li s-sitwazzjoni tiegħu tista’ titjieb” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Qorti EDB, 21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punti 252 sa 254). Fil-punt 263 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti EDB tqis li l-awtoritajiet Griegi “ma kkunsidrawx debitament il-vulnerabbiltà tar-rikorrent bħala applikant għall-ażil u li għandhom ikunu responsabbli, minħabba l-passività tagħhom, tal-kundizzjonijiet li huwa sab ruħu fihom għal xhur sħaħ, li għex fit-triq, mingħajr riżorsi, mingħajr aċċess għal faċilitajiet sanitarji, u mingħajr ebda mezz sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet essenzjali tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rikorrent kien il-vittma ta’ trattament umiljanti li juri nuqqas ta’ rispett għad-dinjità tiegħu u li din is-sitwazzjoni kienet, mingħajr dubju, qajmet fih sentimenti ta’ biża’, ta’ ansjetà jew ta’ inferjorità li jwasslu għad-disperazzjoni. Hija tqis li dawn il-kundizzjonijiet ta’ għajxien, ikkombinati mal-inċertezza prolongata li baqa’ fiha u n-nuqqas totali ta’ prospett li s-sitwazzjoni titjieb, laħqu l-livell ta’ gravità meħtieġ mill-Artikolu 3 tal-[KEDB]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


32      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 N.S. et (C-411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865, punt 82).


33      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 N.S. et (C-411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865, punt 84).


34      F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx hemm raġunijiet serji li wieħed jemmen fl-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza ta’ applikanti għall-ażil fl-Istat Membru responsabbli. Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jistax jiġi eskluż li t-trasferiment innifsu ta’ applikant għall-ażil li l-istat ta’ saħħa tiegħu huwa partikolarment gravi jista’, waħdu, iwassal, għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti għall-persuna kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, u dan indipendentement mill-kwalità tal-akkoljenza u tal-kura disponibbli fl-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, f’ċirkustanzi li fihom it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil, li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi, iwassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, dan it-trasferiment jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru li għandhom jipproċedu bit-trasferiment u, jekk ikun il-każ, il-qrati tiegħu, li għandhom jeliminaw kwalunkwe dubju serju dwar l-impatt tat-trasferiment fuq l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, billi jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex it-trasferiment tagħha jseħħ f’kundizzjonijiet li jippermettu li jitħares b’mod xieraq u suffiċjenti l-istat ta’ saħħa ta’ din il-persuna. Fl-ipoteżi fejn, fid-dawl tal-gravità partikolari tal-kundizzjoni tal-applikant għall-ażil ikkonċernat, it-teħid ta’ dawn il-prekawzjonijiet ma jkunx biżżejjed sabiex jiġi żgurat li t-trasferiment tiegħu ma jwassalx għal riskju reali ta’ aggravazzjoni sinjifikattiva u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu, huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jissospendu l-eżekuzzjoni tat-trasferiment tal-persuna kkonċernata, u dan għal tant żmien li l-istat tagħha ma jagħmilhiex kapaċi għal tali trasferiment. Sentenza tas-16 ta’ Frar 2017 C.K. et (C-578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 71, 73 u 96).


35      Ninnota li fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Novembru 2014, Tarahkel vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2014:1104JUD002921712, il-Qorti EDB iddeċidiet li, sabiex tivverifika jekk it-trasferiment ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali skont is-sistema ta’ Dublin kienx jikkostitwixxi trattament inuman jew degradanti, kien hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-mekkaniżmu ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istat Membru responsabbli u tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti, jeżistux raġunijiet serji u pprovati biex wieħed jemmen li f’każ ta’ rinviju lejn l-Italja ir-rikorrenti jirriskjaw li jsofru trattament li jmur kontra l-Artikolu 3 tal-KEDB. Il-Qorti EDB iddeċidiet li f’dak iż-żmien rilevanti, is-sitwazzjoni tal-Italja bl-ebda mod ma kienet simili għas-sitwazzjoni tal-Greċja fi żmien is-sentenza tal-Qorti EDB tal-21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u l-Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD003069609 u li l-approċċ f’din il-kawża ma setax ikun l-istess bħal dak li ta lok għas-sentenza tal-Qorti EDB tal-21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u l-Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD003069609. Madankollu, il-Qorti EDB iddeċidiet li kieku r-rikorrenti (koppja b’sitt itfal minorenni li kienu jibbenefikaw minn protezzjoni speċjali fid-dawl tal-ħtiġijiet speċifiċi u l-vulnerabbiltà estrema tagħhom), kellhom jintbagħtu lura lejn l-Italja mingħajr ma l-awtoritajiet Svizzeri jiksbu, minn qabel, garanzija individwali mill-awtoritajiet Taljani li, minn naħa, it-tfal jingħataw kura adattata għall-età tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-familja tinżamm magħquda, ikun hemm ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB.


36      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017 C.K. et (C-578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 93).


37      Enfasi miżjud minni.


38      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 N.S. et (C-411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 64 sa 69).


39      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 N.S. et (C-411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865, punti 78 sa 80).


40      Fil-fatt, skont l-Artikolu 288 TFUE, l-Istat Membru huwa marbut, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb.


41      Ara l-Qorti EDB, tal-21 ta’ Jannar 2011 M.S.S. vs Il-Belġju u Il‑Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punt 254.


42      Ara l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2011/95. Ara wkoll l-Artikoli 17 sa 19 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.


43      Ara l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.


44      Ara l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95. Skont l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva 2011/95, “[b’]deroga mir-regola ġenerali stipulata fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għajnuna soċjali mogħtija lil benefiċjarji bi status ta’ protezzjoni sussidjarja għal benefiċċji bażiċi li mbagħad jiġu provduti fl-istess livelli u bl-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibilità bħalma jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali.” Ara wkoll l-Artikoli 23 u 24 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.


45      Ara l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2011/95. Ara wkoll l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.


46      Ara wkoll l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.


47      Fil-każ tal-aċċess għall-akkomodazzjoni.


48      Għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda informazzjoni dwar jekk il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fil-Bulgarija jkunux iddiskriminati meta mqabbla maċ-ċittadini nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali.


49      Enfasi miżjud minni.


50      Huwa importanti li jiġi enfasizzat li ksur tal-Artikoli 20 et seq tad-Direttiva 2011/95 jista’ jagħti lok għal rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 258 TFUE. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jinvokaw id-drittijiet li huma jgawdu bis-saħħa tal-Artikoli 20 et seq tad-Direttiva 2011/95 quddiem il-qrati u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.


51      Ara l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95.


52      ĠU 2008, L 348, p. 98.


53      Din hija għażla.


54      Fil-fatt, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, bit-titolu “Standards stabbiliti aktar favorevoli”, jipprovdi li “[l]-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva”.


55      Ara l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95.


56      Ara l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95.


57      L-Artikolu 78(1) TFUE jipprovdi li “[l]-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Din il-politika trid tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 u mal-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, kif ukoll ma’ trattati oħra rilevanti.” Enfasi miżjud minni. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 78(2) TFUE jipprevedi li “[g]ħall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa dwar sistema komuni Ewropea ta’ asil li tinkludi: a) status uniformi ta’ asil għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha; b) status uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, mingħajr ma jiksbu asil Ewropew, jeħtieġu protezzjoni internazzjonali”. Enfasi miżjud minni.


58      Fil-punt 51 tas-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall (C-239/14, EU:C:2015:824), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “il-karatteristiċi partikolari tar-rimedju previst fl-Artikolu [46 tad-Direttiva 2013/32] għandhom jiġu ddeterminati konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta li jikkostitwixxi riaffermazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li jipprovdi li kull persuna li ġġarrab ksur tad-drittijiet jew tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandu jkollha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu”.


59      Enfasi miżjud minni.


60      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C-411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865 il-punt 78).


61      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 N.S. et (C-411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865, punt 79).


62      Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi enfasizzat li d-dritt għall-ażil ma huwiex limitat għar-rispett tal-prinċipju ta’ non-refoulement kif jixhdu id-drittijiet mogħtija mill-Artikoli 20 et seq tad-Direttiva 2011/95.


63      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 N.S. et C-411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 82 u 84.


64      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawżi magħquda C-297/17, C-318/17 u C‑319/17 iqisu li “jirriżulta mill-Artikolu 49(2) tar-Regolament Dublin III, li dan japplika biss għal applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati wara l-1 ta’ Jannar 2014. Ir-riżerva li r-Regolament Dublin III huwa applikat għat-talbiet kollha biex tittieħed responsabbiltà mibgħuta wara l-1 ta’ Jannar 2014, indipendentement mill-mument li fih saret l-applikazzjoni, ma jfissirx […] li r-Regolament Dublin III japplika fit-totalità tiegħu, fatt li jmur kontra d-dispożizzjoni ċara tal-Artikolu 49(2), u lanqas li, jekk ir-Regolament Dublin II għadu japplika għall-bqija, iż-żmien biex titressaq talba għall-finijiet ta’ teħid lura għandu jiġi rrispettat. Ir-Regolament Dublin II ma kien jipprovdi ebda terminu f’dan ir-rigward”. Il-Gvern Ġermaniż iqis li, fid-dawl tar-risposti tiegħu għad-domandi preliminari l-oħra magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda. Il-Kummissjoni tqis li “minħabba li l-ħames domanda preliminari, fid-dawl [tar-risposti tagħha] għall-ewwel u t-tieni domandi, issir doppjament irrilevanti, il-Kummissjoni tqis li huwa improbabbli ħafna li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżaminaha”. Il-Gvern Franċiż u dak Pollakk ma għamlux osservazzjonijiet dwar din id-domanda preliminari.