SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)
28 ta’ Ġunju 2011
Kawża F-128/10
Aurora Mora Carrasco et
vs
Il-Parlament Ewropew
“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Trasferiment interistituzzjonali matul il-proċedura ta’ promozzjoni li matulha l-uffiċjal kien ġie promoss fl-istituzzjoni tiegħu ta’ oriġini — Istituzzjoni kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni tal-uffiċjal ittrasferit”
Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M. Carrasco, S. Jimenez u M. Görlitz jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma tippromovihomx rispettivament għall-gradi AST 8, AST 5 u AD 7 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2009.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Parlament Ewropew għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż tar-rikorrenti.
Sommarju
Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Trasferiment interistituzzjonali matul il-proċedura ta’ promozzjoni — Kompetenza tal-istituzzjoni ta’ oriġini sabiex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)
Skont l-eżiġenzi tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta uffiċjal ikun jista’ jiġi promoss matul is-sena li matulha jiġi ttrasferit, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni tiegħu hija dik tal-istituzzjoni ta’ oriġini.
L-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża li l-promozzjoni ssir wara eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni u li, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-rapporti dwar l-uffiċjali.
Issa, sabiex tiddeċiedi jekk uffiċjal għandux jiġi promoss b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar tas-sena N (u anki b’mod iktar ġenerali matul is-sena N), l-Awtorità tal-Ħatra tista’ biss, fil-prattika, tagħmel eżami komparattiv tal-merti passati tal-uffiċjali, b’mod partikolari matul is-sena N-1 (u fid-dawl tar-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ kif dawn l-uffiċjali wettqu x-xogħol tagħhom matul is-snin N-1 u dawk preċedenti). F’dan ir-rigward, fil-fatt huwa neċessarju li jsir paragun tal-merti tal-uffiċjali ttrasferiti ma’ dawk tal-uffiċjali li kienu għadhom kollegi tagħhom matul is-sena li ppreċediet it-trasferiment tagħhom, liema evalwazzjoni tista’ ssir b’mod utli biss mill-istituzzjoni ta’ oriġini.
(ara l-punti 34, 35 u 39)