Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Marzu 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Ċipru

(Kawża C-248/19)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Triantafyllou u E. Manhaeve)

Konvenuta: Ir-Repubblika ta’ Ċipru

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li:

billi ma stabbilietx sistema ta’ ġbir fil-31 agglomerazzjoni (Aradippou, Ipsonas, Dali, Varoklini, Deryneia, Sotira, Xylofagou, Pervolia, Kolossi, Poli Chrysochous, Leivadia, Dromolaxia, Pera Chorio-Nisou, Liopetri, Avgorou, Paliometocho, Kiti, Frenaros, Ormideia, Kokkinotrimithia, Trachoni, Episkopi, Xylotympou, Pano Polemidia, Pyla, Lympia, Parekklisia, Kakopetria, Achna, Meneou u Pyrgos), skont l-Artikolu 3 u l-Anness I, Punt A tad-Direttiva 91/271/KEE 1 , u

billi ma assigurtatx illi fl-agglomerazzjonijiet iċċitati iktar ʼil fuq, l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir jiġi, qabel ma jintrema, suġġett għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti, skont l-Artikoli 4, 10 u 15 u l-Anness I, punti B u D, id-Direttiva 91/271/KEE,

ir-Repubblika ta’ Ċipru naqset milli twettaq l-obbligi tagħha abbażi tal-Artikoli 3, 4, 10 u 15 u tal-Anness I tad-Direttiva 91/271/KEE dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi;

tikkundanna lir-Repubblika ta’ Ċipru għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-assenza ta’ sistema ta’ ġbir integrata u operattiva, ir-Repubblika ta’ Ċipru ma osservatx it-terminu tal-31 ta’ Diċembru 2012 stabbilit mid-Direttiva 91/271/KEE dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (kif pprorogata permezz tat-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ Ċipru mal-Unjoni Ewropea) f’erba’ agglomerazzjonijiet li l-abitanti ekwivalenti tagħhom huma superjuri għal 10 000 f’dak li jikkonċerna l-ġbir (Artikolu 3) u, għaldaqstant, it-trattament sekondarju tal-ilma mormi (Artikolu 4) kif ukoll l-infrastruttura u s-sorveljanza marbuta ma’ dan it-trattament (Artikoli 10 u 15).

Fl-assenza ta’ sistema ta’ ġbir integrata u operattiva, ir-Repubblika ta’ Ċipru ma osservats it-terminu tal-31 ta’ Diċembru 2012 stabbilit mid-Direttiva 91/271/KEE dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (kif pprorogata permezz tat-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ Ċipru mal-Unjoni Ewropea) f’27 agglomerazzjoni li l-abitanti ekwivalenti tagħhom huma bejn 2 000 u 10 000 f’dak li jikkonċerna l-ġbir (Artikolu 3) u, għaldaqstant, it-trattament sekondarju tal-ilma mormi (Artikolu 4) kif ukoll l-infrastruttura u s-sorveljanza marbuta ma’ dan it-trattament (Artikoli 10 u 15).

____________

1 Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26).