Language of document : ECLI:EU:F:2014:197

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tielet Awla)

10 ta’ Settembru 2014

Kawża F‑120/13

KE

vs

L-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (AFE)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Persunal ta’ aġenzija — Tnaqqis tal-ħaddiema — Qafas finanzjarju multiannwali tal-AFE — Tneħħija ta’ żewġ pożizzjonijiet mit-tabella tal-ħaddiema — Osservanza tal-formalitajiet essenzjali — Dritt ta’ smigħ — Direttivi interni — Interess tas-servizz”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu KE titlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (AFE jew iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”), tat-22 ta’ Marzu 2013, li biha dan ikkonferma lir-rikorrenti li l-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju kien ser jiskadi fid-data prevista f’dan il-kuntratt, jiġifieri fit-30 ta’ Settembru ta’ wara.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata għan-nofs l-ispejjeż sostnuti minn KE. KE għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Adozzjoni ta’ direttivi interni li jagħtu lill-membru tal-persunal il-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni — Effetti legali

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Adozzjoni ta’ direttivi interni li jagħtu lill-membru tal-persunal il-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni — Modalitajiet tad-djalogu mal-membru tal-persunal

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Adozzjoni ta’ direttivi interni li jistabbilixxu proċedura għad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-tiġdid — Nuqqas ta’ osservanza mill-amministrazzjoni tat-termini indikattivi previsti fihom — Konsegwenzi

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47)

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata — Tneħħija ta’ pożizzjonijiet għal raġunijiet ta’ baġit

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47)

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-membru tal-persunal ikkonċernat — Limiti

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 8 u 47)

1.      Għalkemm huwa minnu li l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, b’mod partikolari l-Artikolu 47 tagħhom, ma jipprevedux proċedura speċifika bl-għan li tippermetti li membru tal-persunal temporanju impjegat għal żmien determinat jinstema’ kif xieraq qabel ma tiġi adottata kontrih deċiżjoni li l-kuntratt tiegħu ma jiġġeddidx, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-assenza ta’ testi statutorji, istituzzjoni jew aġenzija tista’ tipprevedi proċeduri u modalitajiet interni li jippermettu li l-membru tal-persunal temporanju jinstema’ qabel ma jiġi deċiż il-futur tal-impjieg tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta’ direttivi interni, sakemm l-użu ta’ tali possibbiltà ma jwassalx għal deroga minn regola espliċita tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-imsemmija Kondizzjonijiet.

F’dan ir-rigward, tali direttivi interni jistgħu, f’qasam li fih l-istituzzjoni jew l-aġenzija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal, tieħu l-forma ta’ deċiżjoni kkomunikata lill-persunal kollu u intiża sabiex tiggarantixxi trattament identiku lill-uffiċjali u l-membri tal-persunal ikkonċernati kollha. Meta istituzzjoni jew aġenzija tadotta tali deċiżjoni, din għandha, bħala tali, titqies li hija regola ta’ kondotta indikattiva li l-amministrazzjoni timponi fuqha nnifisha u li hija ma tistax tinjora mingħajr ma tispeċifika r-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel hekk, taħt piena li tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

(ara l-punti 46 sa 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Louwage vs Il-Kummissjoni, 148/73, EU:C:1974:7, punt 12; u Lux vs Il-Qorti tal-Awdituri, 129/82 u 274/82, EU:C:1984:391, punt 20

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Schneider vs Il‑Kummissjoni, T‑54/92, EU:T:1994:283, punt 19; u Monaco vs Il-Parlament, T‑92/96, EU:T:1997:105, punt 46

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Petrilli vs Il-Kummissjoni, F‑98/07, EU:F:2009:7, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata; u Bernard vs Europol, F‑99/07 u F‑45/08, EU:F:2009:84, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-linji gwida ta’ aġenzija tal-Unjoni li jikkonċernaw il-proċedura ta’ tiġdid ta’ kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat, b’mod partikolari id-djalogu li għandu jkun hemm bejn l-aġenzija u l-membru tal-persunal ikkonċernat rigward il-possibbiltajiet li l-kuntratt tiegħu jiġġedded, l-aġenzija għandha tiżgura li l-membru tal-persunal ikkonċernat ikun informat b’mod ċar, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ linji gwida, bis-suġġett tal-laqgħa tiegħu mas-superjur ġerarkiku tiegħu, sabiex ikun jista’ juri b’mod effettiv il-fehma tiegħu qabel ma tiġi adottata deċiżjoni li taffettwah b’mod safavorevoli għal dak li jikkonċerna l-iskadenza tal-kuntratt tiegħu ta’ impjieg. Għaldaqstant, anki jekk il-linji gwida ma jimponux il-forma bil-miktub għad-djalogu previst bejn is-superjur ġerarkiku u l-membru tal-persunal ikkonċernat u li, għaldaqstant, informazzjoni dwar l-intervista tista’ tkun orali u tirriżulta mill-kuntest li fih din tiżvolġi, konvokazzjoni tal-persuna kkonċernata bil-miktub tista’ tkun iktar xierqa.

(ara l-punt 55)

3.      Fl-ipoteżi li t-termini indikattivi previsti fid-direttivi interni ta’ aġenzija tal-Unjoni li jikkonċernaw il-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat ma humiex osservati, xorta hemm bżonn li tali irregolarità jista’ jkollha konsegwenza fuq il-kontenut ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid.

F’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni fejn l-impjieg inkwistjoni huwa ddestinat li jiġi eliminat, l-impatti tal-baġit, previsti f’termini ta’ nfiq għall-baġit tal-funzjonament tal-aġenzija, ta’ proposta intiża sabiex ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tal-membru tal-persunal li jokkupa dan l-impjieg, huma effettivament newtrali peress li tali deċiżjoni sempliċement tikkonferma l-assenza ta’ użu ta’ fondi li ġew annullati għas-sena baġitarja li jmiss. Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda rekwiżit fid-direttivi interni għal konsultazzjoni tad-dipartiment tar-riżorsi umani tal-aġenzija qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid, sa fejn l-imsemmi dipartiment jista’ ma jagħmel ebda kumment fir-rigward ta’ proposta ta’ deċiżjoni li, preċiżament, ma tista’ tiġġenera ebda konsegwenza baġitarja, eventwali konsultazzjoni, anki jekk issir fit-termini previsti, ma jistax ikollha konsegwenzi fuq il-kontenut u, għalhekk fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid.

(ara l-punti 67, 69 u 70)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, T‑246/04 u T-71/05, EU:T:2007:34, punt 149, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      L-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ dipartiment huma l-kompetenza esklużiva tal-istituzzjoni, u hija l-awtorità ġerarkika li hija l-unika responsabbli mill-organizzazzjoni tad-dipartimenti. Hija r-responsabbiltà tagħha biss li tevalwa l-bżonnijiet tad-dipartiment billi tassenja, konsegwentement, il-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħha.

L-istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni għandhom ukoll il-libertà li jistrutturaw id-diviżjonijiet amministrattivi tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni serje ta’ fatturi, bħan-natura u l-portata tal-kompiti mogħtija lilhom u l-possibbiltajiet baġitarji. Issa, din il-libertà tinvolvi dik li jitneħħew impjiegi u li tinbidel l-attribuzzjoni tal-kompiti, bil-għan li jkun hemm iktar effikaċja fl-organizzazzjoni tax-xogħlijiet jew sabiex jiġu ssodisfatti rekwiżiti baġitarji ta’ tneħħija ta’ pożizzjonijiet imposti mill-organi politiċi tal-Unjoni, kif ukoll is-setgħa li jiġu assenjati mill-ġdid kompiti li qabel kienu eżerċitati mill-persuna impjegata fil-pożizzjoni mneħħija, mingħajr ma din it-tneħħija tal-impjieg tkun neċessarjament suġġetta għall-kundizzjoni li l-kompiti kollha imposti jitwettqu minn numru iżgħar ta’ persuni minn dak ta’ qabel l-organizzazzjoni mill-ġdid. Barra minn hekk, tneħħija ta’ impjieg mhux neċessarjament tinvolvi l-eliminazzjoni tal-kompiti li kien jinkludi.

Konsegwentement, billi tiddeċiedi, għal raġunijiet imperattivi baġitarji, li tneħħi pożizzjonijiet ta’ assistenti, minflok ta’ pożizzjonijiet ta’ amministraturi, u billi tidentifika u tagħżel, fost il-pożizzjonijiet ta’ assistenti okkupati minn membri tal-persunal temporanji li l-kuntratti tagħhom jiskadu matul is-sena, pożizzjoni waħda li t-tneħħija tagħha jkollha l-inqas impatt fuq l-operat, l-istituzzjoni tibqa’ fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam.

(ara l-punti 81 sa 83)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Labeyrie vs Il-Kummissjoni, 16/67, EU:C:1968:37, p. 455; Geist vs Il-Kummissjoni, 61/76, EU:C:1977:127, punt 38; u Bellardi-Ricci et vs Il-Kummissjoni, 178/80, EU:C:1981:310, punt 19

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Scheuer vs Il-Kummissjoni, T‑108/89, EU:T:1990:45, punt 41; Pitrone vs Il-Kummissjoni, T‑46/89, EU:T:1990:62, punt 60; Sebastiani vs Il-Parlament, T‑163/89, EU:T:1991:49, punt 33; Lacruz Bassols vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑109/92, EU:T:1994:16, punt 88; Cesaratto vs Il-Parlament, T‑108/96, EU:T:1997:115, punti 48 sa 51; u Karatzoglou vs AER, T‑471/04, EU:T:2008:540, punt 59

5.      Għalkemm l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jipprevedi l-possibbiltà ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, dan ma huwiex każ ta’ dritt, iżda sempliċi possibbiltà li taqa’ fid-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li huwa previst għall-uffiċjali, ma jeżistix dritt ta’ prijorità tal-membru tal-persunal temporanju, impjegat għal żmien determinat u li l-kuntratt tiegħu jiskadi, li jippermettilu, wara tmiem l-impjieg tiegħu, li jiġi reintergrat fi kwalunkwe impjieg ieħor tal-istess grupp ta’ funzjonijiet li jsir vakanti jew li jkun inħoloq fl-istituzzjoni jew fl-aġenzija li kienet impjegatu.

Għaldaqstant, u barra minn hekk, f’kuntest ta’ rekwiżiti politiċi globali li għandhom l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li jnaqqsu gradwalment u ta’ kull sena l-persunal tagħhom, l-awtorità responsabbli sabiex tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg ma tistax tiġi kkritikata li injorat id-dmir ta’ premura billi ma tkunx ipproċediet, minħabba t-tneħħija ta’ pożizzjonijiet fil-baġit tagħha, għal tiġdid għal żmien indeterminat tal-impjieg ta’ membru tal-persunal.

Dan jgħodd iktar meta, fi kwalunkwe każ, ir-rapporti tas-servizz tal-membru tal-persunal ikkonċernat ma jiżvelawx merti partikolari fl-eżekuzzjoni tal-kompiti attribwiti reċentement. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess personali ta’ membru tal-persunal, li s-servizzi professjonali tiegħu tqiesu li kienu insuffiċjenti, ma jistax iwassal sabiex l-awtorità kompetenti tiġi pprojbita milli ma ġġeddidlux il-kuntratt tiegħu għal żmien determinat minkejja l-oppożizzjoni ta’ dan il-membru tal-persunal, meta l-interess tas-servizz jirrikjedi dan.

(ara l-punti 91, 92, 95 u 96)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Nebe vs Il-Kummissjoni, 176/82, EU:C:1983:214, punt 18; u Lux vs Il-Qorti tal-Awdituri, 69/83, EU:C:1984:225, punt 17

Il-Qorti Ġenerali: sentenzi Potamianos vs Il-Kummissjoni, T‑160/04, EU:T:2008:438, punt 30 u ETF vs Michel, T‑108/11 P, EU:T:2013:625, punt 88

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Klug vs EMEA, F‑35/07, EU:F:2008:150, punt 79; AI vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑85/10, EU:F:2012:97, punti 167 u 168; u Solberg vs OEDT, F‑124/12, EU:F:2013:157, punt 45