Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fl-1 ta’ Lulju 2019 – Proċeduri kriminali kontra D. Oriol Junqueras Vies

(Kawża C-502/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo

Partijiet fil-proċeduri kriminali nazzjonali

Oriol Junqueras Vies

Partijiet oħra:

Ministerio Fiscal

Abogacía del Estado

Acusación popular ejercida por el partido político VOX

Domandi preliminari

L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea 1 japplika qabel il-bidu tal-“perijodu ta’ sessjonijiet” għal persuna akkużata b’reati serji li tkun f’detenzjoni provviżorja, ordnata b’mod ġudizzjarju għal fatti li ġraw qabel il-ftuħ ta’ proċess elettorali li fit-tmiem tiegħu l-imsemmija persuna ġiet iddikjarata eletta fil-Parlament Ewropew, iżda li ġiet irrifjutata, permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti, awtorizzazzjoni straordinarja sabiex toħroġ minn ħabs li tippermettiha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni elettorali nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8 tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva, jekk il-korp maħtur mil-leġiżlazzjoni elettorali nazzjonali kien informa lill-Parlament Ewropew li l-persuna eletta ma mhux ser tikseb il-pożizzjoni ta’ Membru tal-Parlament, minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-livell elettorali (impossibilità li tirriżulta mil-limitazzjoni tal-libertà ta’ moviment tiegħu bħala riżultat tad-detenzjoni provviżorja tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura għal reati serji), sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti, l-interpretazzjoni estensiva tat-terminu “perjodi tas-sessjonijiet” tinżamm, minkejja l-interruzzjoni temporanja tal-aspettattiva tal-persuna eletta li tieħu l-pussess tas-siġġu tagħha?

Jekk ir-risposta tikkonferma l-interpretazzjoni estensiva, fil-każ li l-persuna eletta tkun tinsab, ferm qabel il-ftuħ tal-proċedura elettorali, f’detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċeduri għal reati serji, l-awtorità ġudizzjarja li ordnat id-detenzjoni tkun marbuta, fid-dawl tal-frażi “waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew” fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, li tneħħi d-detenzjoni b’mod assolut, kważi awtomatiku, sabiex tippermetti l-formalitajiet u l-ivvjaġġar lejn il-Parlament Ewropew, jew għandu jintuża kriterju relattiv ta’ bbilanċjar, fuq bażi ta’ każ b’każ, minn naħa, tad-drittijiet u tal-interessi li jirriżultaw mill-interess tal-ġustizzja u ta’ proċedura regolari u, min-naħa l-oħra, ta’ dawk relatati mal-istabbiliment tal-immunità, kemm fir-rigward tal-osservanza tal-funzjonament u tal-indipendenza tal-Parlament kif ukoll tad-dritt tal-persuna eletta li teżerċita kariga pubblika?

____________

1 ĠU 2012, C 326, p. 266.