Language of document : ECLI:EU:C:2020:1042

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Diċembru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 4a(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Motivi ta’ nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni – Eċċezzjonijiet – Eżekuzzjoni obbligatorja – Piena imposta in absentia – Ħarba tal-persuna investigata – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikoli 8 u 9 – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċeduri kriminali kontra tiegħu – Rekwiżiti f’każ ta’ kundanna in absentia – Verifika waqt il-konsenja tal-persuna kkundannata”

Fil-Kawża C‑416/20 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa fil-konfront ta’

TR

fil-preżenza ta’:

Generalstaatsanwaltschaft Hamburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Novembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, minn J. Fröhlich, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u F. Halabi, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, L.-E. Batagoi u A. Wellman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M.B. Majczyna u J. Sawicka, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Ladenburger, M. Wasmeier u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni, fil-Ġermanja, ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa fis‑7 ta’ Ottubru 2019 mill-Judecătoria Deva (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Deva, ir-Rumanija) u fl‑4 ta’ Frar 2020 mit-Tribunalul Hunedoara (il-Qorti tal-Kontea ta’ Hunedoara, ir-Rumanija) għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà li TR ġie kkundannat għalihom fl-assenza tiegħu minn qrati Rumeni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI

3        Il-premessi 1, 5 sa 7, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”) huma redatti kif ġej:

“(1)      Skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, u partikolarment il-punt 35 tagħhom, il-proċedura formali tal-estradizzjoni għandha tkun abolita fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ persuni li qed jaħarbu mill-ġustizzja wara li jkunu ġew mogħtija sentenza finali u proċeduri tal-estradizzjoni għandhom jiġu mħeffin fir-rigward ta’ persuni suspettati li wettqu offiża.

[…]

(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Qafas hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-‘punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.

(7)      Billi l-iskop tat-tibdil tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq b’mod sodisfaċjenti mill-Istati Membri qed jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà msejjaħ fl-Artikolu 2 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu tal-aħħar, din id-Deċiżjoni Qafas ma tmurx ’il hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

[…]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ vjolazzjoni serja u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, determinati mill-Kunsill skont l-artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

[…]

(12)      Din id-Deċiżjoni Qafas hi in konformità mad-drittijiet fondamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta ta’ Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, partikolarment il-Kapitolu VI tiegħu. […]”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jiddisponi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.

3.      Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-Trattat [UE].”

5        L-Artikolu 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment”, jipprovdi:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:

(a)      fi żmien debitu,

(i)      jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

(ii)      kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;

jew

(b)      konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;

jew

(ċ)      wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament dwar id-dritt kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali:

(i)      iddikjarat espressament li huwa jew hija ma tikkontestax id-deċiżjoni;

jew

(ii)      ma talbitx kawża [proċeduri] mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli;

jew

(d)      ma kinitx notifikata personalment bid-deċiżjoni iżda:

(i)      ser tkun innotifikata personalment biha mingħajr dewmien wara ċ-ċediment u ser tkun infurmata espressament dwar id-dritt tiegħu jew tagħha kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;

u

(ii)      ser ikun infurmat bil-perijodu taż-żmien li fih huwa għandu jitlob din il-kawża mill-ġdid jew l-appell, kif imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew rilevanti.

2.      F’każ li l-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-fini tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni taħt il-kondizzjonijiet tal-paragrafu (1)(d) u l-persuna konċernata ma tkunx irċeviet minn qabel xi informazzjoni uffiċjali dwar l-eżistenza tal-proċedimenti kriminali kontriha, huwa jew hija tista’, meta tiġi infurmata bil-kontenut tal-mandat ta’ arrest Ewropew, titlob biex tirċievi kopja tas-sentenza qabel ma tiġi kkonsenjata. Minnufih wara li tkun ġiet infurmata bit-talba, l-awtorità emittenti għandha tipprovdi lill-persuna rikjesta l-kopja tas-sentenza permezz tal-awtorità tal-eżekuzzjoni. It-talba tal-persuna rikjesta m’għandha la ddewwem il-proċedura ta’ ċediment u lanqas iddewwem id-deċiżjoni li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew. Il-forniment tas-sentenza lill-persuna konċernata hu għal finijiet biss ta’ informazzjoni; la għandu jitqies bħala notifika formali tas-sentenza u lanqas ma jistabbilixxi xi limiti ta’ żmien applikabbli biex jintalab proċess ġdid jew appell.

3.      F’każ li persuna tiġi kkonsenjata skond il-kondizzjonijiet tal-paragrafu (1)(d) u huwa jew hija tkun talbet għal proċess ġdid jew appell, id-detenzjoni ta’ dik il-persuna li tkun qed tistenna dan il-proċess ġdid jew l-appell għandha, sakemm jintemmu dawn il-proċedimenti, tiġi riveduta skond il-liġi tal-Istat Membru emittenti, fuq bażi regolari jew fuq talba tal-persuna konċernata. Reviżjoni bħal din għandha b’mod partikolari tinkludi l-possibbiltà tas-sospensjoni jew l-interruzzjoni tad-detenzjoni. Il-proċess ġdid jew l-appell għandu jibda fi żmien dovut wara ċ-ċediment.”

 Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299

6        Il-premessa 1 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Qafas 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009, L 81, p. 24) tiddikjara:

“(1)      Id-dritt tal-akkużat li jkun preżenti waqt il-kawża huwa inkluż fid-dritt għal proċess ġust previst fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Qorti ddikjarat ukoll li dan id-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-kawża mhuwiex assolut u li taħt ċerti kondizzjonijiet l-akkużat jista’, bil-volontà tiegħu, espressament jew taċitament iżda inekwivokabbilment, jirrinunzja dak id-dritt.”

 Id-Direttiva 2016/343

7        Skont il-premessi 33 u 35 tad-Direttiva 2016/343:

“(33)      Id-dritt għal proċess ġust huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi f’soċjetà demokratika. Id-dritt ta’ persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess huwa bbażat fuq dak id-dritt u għandu jiġi żgurat fl-Unjoni kollha.

[…]

(35)      Id-dritt tal-persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess mhuwiex assolut. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-persuni suspettati u akkużati għandhom ikunu jistgħu, espressament jew taċitament, iżda inekwivokabbilment, jirrinunzjaw għal dak id-dritt.”

8        L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, huwa redatt kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

(a)      il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

(b)      il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.

3.      Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata.

4.      Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9.

5.      Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jipprevedu li l-imħallef jew il-qorti kompetenti jistgħu jeskludu lil persuna suspettata jew akkużata temporanjament mill-proċess fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-proċedimenti kriminali jitmexxew korrettament, sakemm dan jikkonforma mad-drittijiet tad-difiża.

6.      Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jipprovdu biex il-proċedimenti jew ċerti stadji tagħhom isiru bil-miktub, sakemm dan jikkonforma mad-dritt ta’ proċess ġust.”

9        L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dritt għal proċess mill-ġdid”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża.”

 Id-dritt Ġermaniż

10      L-Artikolu 83 tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali), tat-23 ta’ Diċembru 1982 (BGBl.1982 I, p. 2071), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis‑27 ta’ Ġunju 1994 (BGBl. 1994 I, p. 1537), jipprovdi:

“(1) L-estradizzjoni hija eskluża meta

[…]

3)      fil-każ ta’ talba għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, il-persuna kkundannata ma dehritx personalment waqt is-seduta fil-proċeduri li wasslu għall-kundanna […]

(2)      Minkejja l-punt 3 tal-paragrafu 1, l-estradizzjoni hija legali jekk

1.      il-persuna kkundannata,

a)      fi żmien utli,

aa)      kienet personalment imħarrka sabiex tidher fil-proċeduri li wasslu għas-sentenza jew

bb)      ġiet informata uffiċjalment u effettivament b’mezzi oħra bid-data u l-post stabbiliti għal dawn il-proċeduri, b’tali mod li ġie stabbilit b’mod inekwivoku li l-persuna kkundannata kienet konxja mill-proċeduri previsti; u

b)      kienet informata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-proċeduri,

2.      il-persuna kkundannata, li kienet konxja mill-proċeduri li kienet suġġetta għalihom u li fiha pparteċipa avukat, ostakolat it-taħrika tagħha personalment billi ħarbet jew

3.      il-persuna kkundannata, li kienet konxja mill-proċeduri previsti, tat mandat lil avukat sabiex jiddefendiha fil-proċeduri, u kienet effettivament difiża minn dan l-avukat matul il-proċeduri.

[…]

(4)      Minkejja l-paragrafu 1(3), l-estradizzjoni hija wkoll legali jekk il-persuna kkundannata tirċievi s-sentenza personalment mingħajr dewmien wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru rikjedenti u jekk hija tiġi informata espressament bid-dritt tagħha għal proċeduri mill-ġdid jew għal proċedura ta’ appell, imsemmija fit-tieni sentenza tal-paragrafu 3, kif ukoll bit-termini stabbiliti għal dan il-għan.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja) hija adita b’żewġ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mill-awtoritajiet Rumeni, rispettivament, fis‑7 ta’ Ottubru 2019 u fl‑4 ta’ Frar 2020, intiżi għall-konsenja ta’ TR, ċittadin Rumen, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà li għalihom ġie kkundannat fl-assenza tiegħu minn qrati Rumeni. TR bħalissa huwa miżmum taħt arrest għall-estradizzjoni f’Hamburg (il-Ġermanja) u ilu hekk miżmum mill‑31 ta’ Marzu 2020.

12      TR huwa suġġett:

–        għall-ewwel kundanna definittiva in absentia, mill-qrati Rumeni, għal tliet reati ta’ theddid u delitt ta’ għoti ta’ nar volontarju, għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ 6 snin u 6 xhur u 1 832 jum ta’ priġunerija, imnaqqsa bil-perijodu diġà skontat mill-1 ta’ Jannar 2016 sal‑14 ta’ April 2017 kif ukoll bi 48 jum addizzjonali, minħabba li wettaq ir-reati ta’ rikatt u ta’ distruzzjoni (fi stat ta’ reċidività);

–        għat-tieni kundanna in absentia, għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ 4 snin li minnha għadu jrid jiskonta 2 snin u 4 xhur, miżjuda bil-perijodu rimanenti tal-piena ta’ 1 786 jum li tirriżulta minn kundanna oħra, talli wettaq ir-reati ta’ assoċjazzjoni kriminali, ta’ traffikar ta’ drogi narkotiċi relatati ma’ assoċjazzjoni kriminali, żewġ reati fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq u għal offiżi u feriti.

13      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li TR ħarab fix-xahar ta’ Ottubru 2018 sabiex imur il-Ġermanja sabiex jevita l-proċeduri kriminali mibdija kontrih fir-Rumanija u li wasslu għall-kundanni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

14      Wara talba għal informazzjoni, l-awtoritajiet Rumeni informaw lill-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali ta’ Hamburg li, fir-rigward tal-kundanni kriminali li kienu s-suġġett tal-mandati ta’ arrest Ewropej tas‑7 ta’ Ottubru 2019 u tal‑4 ta’ Frar 2020, il-persuna mfittxija ma setgħetx tiġi mħarrka personalment fl-indirizz tad-domiċilju magħruf fir-Rumanija. Kien minħabba f’din ir-raġuni li, konformement mad-dritt Rumen, kull darba tħalliet notifika uffiċjali fl-indirizz tal-persuna mfittxija, peress li d-dritt Rumen jipprevedi li, fl-iskadenza ta’ terminu ta’ għaxart ijiem, it-taħrikiet jitqiesu li ġew innotifikati.

15      L-awtoritajiet Rumeni żiedu li, fiż-żewġ proċeduri li wasslu għall-imsemmija kundanni, il-persuna akkużata kienet irrappreżentata, fl-ewwel istanza, minn avukati tal-għażla tagħha, u li, fl-appell, hija kienet hekk irrappreżentata minn avukati maħtura ex officio mill-qrati.

16      Mill-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Judecătoria Deva (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Deva, ir-Rumanija) kif ukoll mill-informazzjoni addizzjonali pprovduta fl‑20 ta’ Mejju 2020, jirriżulta li, minkejja li kien jaf bil-proċeduri li kien suġġett għalihom, TR la deher fil-proċedura tal-ewwel istanza quddiem dik il-qorti, u lanqas fil-proċedura tal-appell quddiem il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija), iżda li, wara li kien kiseb konjizzjoni tal-proċedura prevista quddiem il-Judecătoria Deva (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Deva), TR kien ta mandat lil avukata tal-għażla tiegħu li kienet effettivament iddefendietu fl-ewwel istanza. Matul il-proċedura tal-appell, TR kien irrappreżentat minn avukata maħtura ex officio.

17      Madankollu, l-awtoritajiet Rumeni rrifjutaw li jilqgħu t-talba tal-awtoritajiet Ġermaniżi intiża sabiex jinkisbu garanziji fir-rigward tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali msemmija, peress li TR kien ġie validament imħarrek u għalhekk il-kundanni kriminali ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ reviżjoni skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Rumen.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Mejju 2020, il-qorti tar-rinviju, konformement mal-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli, awtorizzat il-konsenja ta’ TR lir-Repubblika tar-Rumanija b’eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej tas‑7 ta’ Ottubru 2019 u tal‑4 ta’ Frar 2020. Għal dan il-għan, hija qieset li, għalkemm il-konsenja ta’ persuna għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena hija ċertament fil-prinċipju eskluża meta din il-persuna ma tkunx dehret personalment waqt is-seduta fil-proċeduri li wasslu għall-kundanna, TR kien ostakola t-taħrika tiegħu personalment fir-Rumanija billi ħarab lejn il-Ġermanja. Barra minn hekk, huwa kien jaf bil-proċeduri li jikkonċernawh, li fihom huwa kien irrappreżentat minn avukat.

19      TR oġġezzjona għall-estradizzjoni tiegħu u oppona l-estradizzjoni ssemplifikata prevista fl-Artikolu 41 tal-Liġi dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali.

20      Huwa jikkontesta d-deċiżjoni tat‑28 ta’ Mejju 2020 li tordna l-estradizzjoni tiegħu minħabba li l-konsenja tiegħu lir-Repubblika tar-Rumanija hija illegali minħabba l-assenza ta’ garanzija min-naħa tal-awtoritajiet Rumeni fir-rigward tad-dritt tiegħu għal ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali msemmija, peress li tali assenza ta’ garanzija hija inkompatibbli mal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar l-estradizzjoni għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali kontra persuna kkundannata fil-kontumaċja minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lejn Stat Membru ieħor, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/343, b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-legalità tal-estradizzjoni, b’mod partikolari fil-każ tal-hekk imsejħa “ħarba”, tiddependi mill-osservanza, mill-Istat li jagħmel it-talba, tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

22      Il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din it-talba għal deċiżjoni preliminari tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda kemm l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/343, li tagħmel parti mill-oqsma previsti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konsegwentement, dan ir-rinviju jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

24      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju marbut mal-urġenza, jeħtieġ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija attwalment imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha taħt detenzjoni tiddependi fuq l-eżitu tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Spetsializirana prokuratura, C‑653/19 PPU, EU:C:2019:1024, punt 22).

25      F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li l-urġenza fis-sens tal-Artikolu 107(2) tar-Regoli tal-Proċedura tirriżulta mill-konsegwenzi eventwalment gravi li deċiżjoni tardiva jista’ jkollha fuq il-persuna suġġetta għall-mandati ta’ arrest Ewropej, li l-qorti tar-rinviju hija mitluba teżegwixxi, b’mod partikolari minħabba ċ-ċaħda tal-libertà subita mit-tqegħid tagħha taħt arrest għall-estradizzjoni f’Hamburg mill-31 ta’ Marzu 2020 u li l-konsenja tagħha lir-Repubblika tar-Rumanija jew il-ħelsien tagħha jiddependu mir-risposta għad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fit-23 ta’ Settembru 2020, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domanda preliminari

27      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew ippreżentati lilha (sentenza tat-2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar il-legalità tal-konsenja ta’ TR lill-awtoritajiet Rumeni abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 83 tal-Liġi dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali li jimplimentaw l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt Ġermaniż.

29      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kundizzjonijiet neċessarji għal tali konsenja huma ssodisfatti sa fejn, minn naħa, din il-persuna evitat, b’għarfien sħiħ tal-fatti, il-proċeduri li taw lok għall-mandati ta’ arrest Ewropej li dik il-qorti għandha teżegwixxi billi ħarbet lejn il-Ġermanja u b’hekk ostakolat it-taħrika tagħha personalment u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija persuna kienet irrappreżentata fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, fl-ewwel istanza, minn avukata tal-għażla tagħha u, fl-appell, minn avukata maħtura ex officio. Min-naħa l-oħra, quddiem dik il-qorti, TR sostna li din il-konsenja ma hijiex legali fid-dawl tar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343, għar-raġuni li ma kien hemm ebda garanzija ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali kontra tiegħu fir-Rumanija.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li d-domanda tal-qorti tar-rinviju tinftiehem bħala li tirrigwarda l-punt dwar jekk l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li ċċaħħad il-libertà, meta l-persuna kkonċernata tkun ostakolat it-taħrika tagħha personalment u ma tkunx dehret personalment fil-proċeduri minħabba li din il-persuna tkun ħarbet lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, minħabba s-sempliċi fatt li din il-persuna ma jkollhiex il-garanzija li, f’każ li tiġi kkonsenjata lill-Istat Membru tal-ħruġ, sejjer jiġi rrispettat id-dritt tagħha għal proċeduri mill-ġdid kif iddefinit fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha l-għan, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, moqri fid-dawl tal-premessi 5 u 7 tagħha, li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit‑13 ta’ Diċembru 1957, b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew tat-tressiq ta’ proċeduri kriminali, liema sistema tal-aħħar hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2013, Radu, C‑396/11, EU:C:2013:39, punt 33, u tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għalhekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża li tistabbilixxi sistema ġdida ssemplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati bi ksur tal-liġi kriminali, sabiex tiġi ffaċilitata u aċċellerata l-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni li ssir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi tiġi bbażata fuq il-grad ta’ fiduċja għolja li għandha teżisti bejn l-Istati Membri (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 37, u tal-24 ta’ Settembru 2020, Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità), C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tagħha, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas li jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet tal-istess deċiżjoni qafas, l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat ħlief fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, previsti fl-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar kif ukoll fil-każijiet ta’ nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni elenkati fl-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Barra minn hekk, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tissubordina l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew biss għall-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għaldaqstant, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-każ fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun jirrigwarda piena stabbilita permezz ta’ deċiżjoni in absentia, il-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fil-verżjoni inizjali tiegħu, kien jipprevedi r-regola li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni seta’ f’dan il-każ, jissubordina l-konsenja tal-persuna kkonċernata għall-kundizzjoni li tkun iggarantita proċeduri mill-ġdid li jiġu eżegwita fil-preżenza tal-istess persuna fl-Istat Membru emittenti (sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 52).

36      Din id-dispożizzjoni tħassret bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299 u ġiet issostitwita, fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, bl-Artikolu 4a ġdid li jillimita l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew billi jelenka, b’mod speċifiku u uniformi, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fi tmiem proċeduri li għalihom il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment ma jistgħux jiġu rrifjutati (sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għal dan il-għan, din id-deċiżjoni qafas tfittex armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ ta’ kundanna in absentia, li tirrifletti l-kunsens milħuq mill-Istati Membri kollha dwar il-portata li għandha tingħata, taħt id-dritt tal-Unjoni, lid-drittijiet proċedurali li jgawdu minnhom persuni kkundannati in absentia li jkunu suġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 62).

38      Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċeduri li jkunu wasslu għad-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunx jindika li l-kundizzjonijiet stabbiliti, rispettivament fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa intiż li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni u li jippermetti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni tipproċedi bil-konsenja tal-persuna kkonċernata minkejja l-assenza tagħha fil-proċeduri li jkunu wasslu għall-kundanna tagħha, filwaqt li jiġu osservati bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 58).

40      Kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta soluzzjoni li tikkonsisti f’li jiġu stabbiliti b’mod eżawrjenti l-każijiet li fihom l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija in absentia għandha titqies li ma tippreġudikax id-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 44).

41      Minn dan isegwi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija marbuta li tipproċedi bl-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minkejja l-assenza tal-parti kkonċernata fil-proċeduri li wasslu għad-deċiżjoni, ladarba tkun ivverifikata l-eżistenza ta’ waħda miċ-ċirkustanzi previsti fil-paragrafu 1(a), (b), (ċ) jew (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 55).

42      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 la jikser id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq u lanqas id-drittijiet tad-difiża ggarantiti rispettivament mill-Artikolu 47 u mill-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li għalhekk huwa kompatibbli mar-rekwiżiti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punti 53 u 54).

43      Fir-rigward tad-Direttiva 2016/343, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi d-dritt tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati li jkunu preżenti fil-proċeduri li jikkonċernawhom. Madankollu, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċeduri li jistgħu jagħtu lok għal deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna ssuspettata jew akkużata jistgħu jsir fl-assenza tagħha, sakemm ikunu osservati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu.

44      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew akkużati, meta dawn ma kinux preżenti fil-proċeduri tagħhom u meta ma kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, ikollhom id-dritt għal proċeduri mil-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ provi ġodda, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali.

45      Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tinkludi dispożizzjoni speċifika, jiġifieri l-Artikolu 4a, li tirrigwarda, preċiżament, l-ipoteżi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà, fir-rigward ta’ persuna kkonċernata li ma tkunx dehret personalment fil-proċeduri li jkunu wasslu għad-deċiżjoni li biha tkun ġiet imposta din il-piena jew din il-miżura.

46      F’dan il-kuntest, eventwali nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru emittenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tista’ twassal għal rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

47      Fil-fatt, il-fatt li jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva sabiex tiġi ostakolata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jippermetti li tiġi evitata s-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li tipprovdi b’mod eżawrjenti r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li d-Direttiva 2016/343 ma tinkludix dispożizzjonijiet applikabbli għall-ħruġ u għall-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej, kif essenzjalment ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 u 63 tal-konklużjonijiet tiegħu.

48      Barra minn dan, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi l-Istat Membru emittenti ppreveda proċeduri kriminali li jinkludu diversi gradi ta’ qorti u li għalhekk jistgħu jirriżultaw f’diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji suċċessivi li minn tal-inqas waħda minnhom ingħatat fl-assenza tal-persuna kkonċernata, il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda biss l-istanza li fi tmiemha tkun ingħatat id-deċiżjoni li ddeċidiet b’mod finali fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata kif ukoll fuq il-kundanna tagħha għal piena, bħalma hija miżura li ċċaħħad il-libertà, wara eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża fil-fatt u fid-dritt (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 98).

49      F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li jqajmu dubju li ma setax jitwarrab mir-risposti rċevuti għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, huma dawk tal-informazzjoni uffiċjali u effettiva lil TR kif ukoll tal-mandat mogħti minn TR lill-avukati maħtura ex officio mill-qrati Rumeni. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-mandati ta’ arrest Ewropej imsemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza nħarġu wara żewġ sentenzi fl-appell. TR ma deherx waqt il-proċeduri tal-appell u kien irrappreżentat minn avukata maħtura ex officio. Min-naħa l-oħra, minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta li, fir-rigward ta’ mill-inqas waħda mill-proċeduri fl-ewwel istanza, TR kellu għarfien tal-proċeduri previsti, ta mandat lil konsulent legali maħtur minnu stess sabiex jiddefendih fil-proċeduri u effettivament ġie difiż minn dan il-konsulent matul il-proċeduri.

50      Minn dan isegwi li l-qorti tar-rinviju, li għandha tivverifika jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fil-kawża li hija adita biha, għandha, qabel kollox, tiddetermina jekk humiex il-proċeduri kontra TR fl-ewwel istanza jew fl-appell li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u sussegwentement teżamina jekk l-imsemmija kundizzjonijiet humiex issodisfatti fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri.

51      Fil-każ li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li l-kundizzjonijiet, stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 4a(1)(a) jew (b) li jostakolaw il-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma humiex issodisfatti, b’dan l-istess Artikolu 4a jipprevedi każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv ta’ dan il-mandat, l-imsemmija qorti tista’, fi kwalunkwe każ, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li jippermettulha tiżgura ruħha li l-konsenja tal-persuna kkonċernata ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u tipproċedi għall-konsenja tiegħu lill-Istat Membru emittenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 50).

52      Fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ b’hekk tieħu inkunsiderazzjoni l-imġiba murija mill-persuna kkonċernata. Fil-fatt huwa f’dan l-istadju tal-proċedura ta’ konsenja li tista’ tingħata attenzjoni partikolari lill-fatt li l-persuna kkonċernata ppruvat tevita n-notifika tal-informazzjoni indirizzata lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 51) jew anki li ppruvat tevita kull kuntatt mal-avukati maħtura ex officio mill-qrati Rumeni.

53      Bl-istess mod, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, invokat fit-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li TR appella mid-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza, fatt li jikkonferma l-eżistenza ta’ mandat ta’ avukat validu fid-dritt Rumen.

54      Jekk jirriżulta li huma l-proċeduri fl-ewwel istanza u mhux fl-appell li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mill-indikazzjonijiet miġbura fil-qosor fil-punt 49 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jidhru, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li huma ssodisfatti, fir-rigward ta’ mill-inqas deċiżjoni waħda li sservi bħala bażi għal wieħed mill-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex il-fakultà li tirrifjuta, abbażi tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest.

55      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-impossibbiltà li tiġi invokata d-Direttiva 2016/343 sabiex tiġi prekluża l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minbarra fil-każ ta’ raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, bl-ebda mod ma taffettwa l-obbligu assolut tal-Istat Membru emittenti li josserva fi ħdan l-ordinament ġuridiku tiegħu d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, inkluża d-Direttiva 2016/343. Jekk ikun il-każ, peress li t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva skada, il-persuna kkonċernata tista’, fil-każ tal-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, tinvoka quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru dawk id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li jidhru li huma, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, jekk dan l-Istat ikun naqas milli jittrasponi l-istess direttiva fit-termini stabbiliti jew ikun għamel traspożizzjoni inkorretta tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2017, British Film Institute, C‑592/15, EU:C:2017:117, punt 13, u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N, C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 47).

56      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà, meta l-persuna kkonċernata tkun ostakolat it-taħrika tagħha personalment u ma tkunx dehret personalment fil-proċeduri minħabba li tkun ħarbet lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għas-sempliċi raġuni li hija ma għandhiex il-garanzija li, f’każ ta’ konsenja lill-Istat Membru emittenti, sejjer jiġi rrispettat id-dritt ta’ din il-persuna għal proċeduri mill-ġdid, kif iddefinit fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà, meta l-persuna kkonċernata tkun ostakolat it-taħrika tagħha personalment u ma tkunx dehret personalment fil-proċeduri minħabba li tkun ħarbet lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għas-sempliċi raġuni li hija ma għandhiex il-garanzija li, f’każ ta’ konsenja lill-Istat Membru emittenti, sejjer jiġi rrispettat id-dritt ta’ din il-persuna għal proċeduri mill-ġdid, kif iddefinit fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.