Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fit-18 ta’ Ottubru 2019 – Bundesrepublik Deutschland vs SE

(Kawża C-768/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bundesrepublik Deutschland

Konvenut: SE

Parti oħra: Ir-rappreżentant tal-Interess Federali fil-Bundesverwaltungsgericht

Domandi preminari

Fil-każ ta’ applikant għall-ażil li, qabel l-età maġġoreni tal-wild tiegħu, li flimkien miegħu kienet diġà ġiet stabbilita familja fil-pajjiż tal-oriġini u li kien ingħata l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja wara li laħaq l-età maġġoreni (iktar ’il quddiem, il-“benefiċjarju tal-protezzjoni”), abbażi ta’ applikazzjoni għal protezzjoni ppreżentata qabel ma ntlaħqet l-età maġġoreni, daħal fl-Istat Membru ospitanti tal-benefiċjarju tal-protezzjoni u hemmhekk ippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem, l-“applikant għall-ażil”), u fil-każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirreferi għall-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija 1 , sabiex tikkonferixxi dritt għall-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja dderivat mill-benefiċjarju tal-protezzjoni, huwa rilevanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-benefiċjarju tal-protezzjoni huwiex “minuri” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument fejn tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil tal-applikant għall-ażil jew inkella mument preċedenti, b’mod partikolari l-mument fejn

il-benefiċjarju tal-protezzjoni jkun ingħata l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja,

l-applikant għall-ażil ikun ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu,

l-applikant għall-ażil ikun daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jew

il-benefiċjarju tal-protezzjoni jkun ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu?

Fis-sitwazzjoni fejn

huwa deċiżiv il-mument li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-ażil:

Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal protezzjoni bil-miktub, orali jew b’forma oħra, li ġiet innotifikata biha l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tal-ażil (talba għall-ażil) jew il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali?

huwa deċiżiv il-mument li fih l-applikant għall-ażil ikun daħal fit-territorju jew il-mument li fih dan ikun ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu:

Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ma kinitx għadha ngħatat deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni tal-benefiċjarju tal-protezzjoni futur?

a)    Fis-sitwazzjoni deskritta fl-ewwel domanda, taħt liema kundizzjonijiet l-applikant għall-ażil ikun “membru tal-familja” (Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95) preżenti “fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” bħal dak li fih huwa preżenti l-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li miegħu “familja tkun diġa’ eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini”? Dan jeżiġi, b’mod partikolari, li l-ħajja tal-familja msemmija fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tkun issoktat bejn il-benefiċjarju tal-protezzjoni u l-applikant għall-ażil fl-Istat Membru ospitanti jew is-sempliċi preżenza simultanja tal-benefiċjarju tal-protezzzjoni u tal-applikant għall-ażil tkun biżżejjed għal dan il-għan? Ġenitur huwa wkoll membru tal-familja meta, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, id-dħul fit-territorju ma kienx intiż għall-eżerċizzju effettiv ta’ responsabbiltà fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 fil-konfront ta’ persuna benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali li għadha minorenni u li mhux miżżewġa?

b)    Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tat-tielet domanda tkun li l-ħajja tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandha tkun issoktat bejn il-benefiċjarju tal-protezzjoni u l-applikant għall-ażil fl-Istat Membru ospitanti, il-mument li fih il-ħajja tal-familja tkun issoktat huwa rilevanti? Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward il-fatt dwar jekk il-ħajja tal-familja tkunx issoktat f’ċertu perijodu wara d-dħul tal-applikant għall-ażil fit-territorju, jew fil-mument fejn l-applikant għall-ażil ikun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu jew fil-mument fejn il-benefiċjarju tal-protezzjoni kien għadu minorreni?

4.    L-istatus ta’ applikant għall-ażil bħala membru tal-familja fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 jintemm meta l-benefiċjarju tal-protezzjoni jilħaq l-età maġġorenni u ma tibqax teżisti r-responsabbiltà lejn persuna minorenni u mhux miżżewġa? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda: dan l-istatus ta’ membru tal-familja (u d-drittijiet derivati minnu) jibqa’ jeżisti lil hinn mid-data għal żmien illimitat jew jintemm wara ċertu perijodu (fl-affermattiv, liema perijodu?) jew mas-seħħ ta’ ċerti avvenimenti (fl-affermattiv: liema avvenimenti?)

____________

1     ĠU 2011, L 337, p. 9.