Language of document : ECLI:EU:C:2019:267

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

28 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet pubbliċi, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18/KE – Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) – Sitwazzjoni personali tal-kandidat jew tal-offerent – Possibbiltà għall-Istati Membri li jeskludi mill-parteċipazzjoni fis-suq pubbliku kwalunkwe operatur li huwa s-suġġett ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-esklużjoni ta’ persuni li kontrihom proċedura għad-dikjarazzjoni ta’ arranġament mal-kredituri hija ‘pendenti’, ħlief fil-każ fejn il-pjan ta’ arranġament mal-kredituri jipprevedi t-tkomplija tal-attività – Operatur li ppreżenta rikors talba għal arranġament mal-kredituri, filwaqt li jirriżerva l-possibbiltà li jippreżenta pjan li jipprevedi t-tkomplija tal-attività”

Fil-Kawża C‑101/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

Idi Srl

vs

Agenzia Regionale Campana Difesa Suolo (Arcadis),

fil-preżenza ta’:

Regione Campania,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Idi Srl, minn L. Lentini, avvocato,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn V. Fedeli u C. Colelli, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u P. Ondrůšek kif ukoll minn L. Haasbeek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Idi Srl u l-Agenzia Regionale Campana Difesa Suolo (Arcadis) (l-Aġenzija Reġjonali ta’ Campania għall-Protezzjoni tal-Ħamrija, l-Italja), fir-rigward tal-esklużjoni tal-grupp temporanju ta’ impriżi (iktar ’il quddiem il-“GTI”), li Idi kienet il-mandatarja tagħhom, mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti għal kuntratt ta’ servizz pubbliku.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Sitwazzjoni personali tal-kandidat jew ta’ min jixħet l-offerta”, jistabbilixxi fil-paragrafu 2 tiegħu li:

“Kull operatur ekonomiku jista’ jkun eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt fejn dak l-operatur eknomiku:

a)      huwa fallut jew se jagħlaq in-negozju tiegħu, fejn l-affarijiet tiegħu qed jiġu amministrati mill-qorti, fejn hu jkun daħal f’arranġament ma’ kredituri, fejn hu jkun issospenda l-attivitajiet tan-negozju jew qiegħed fi kull sitwazzjoni analoga ikkawżata minn proċedura simili taħt il-liġijiet nazzjonali u regolamenti;

b)      hu s-suġġett ta’ proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ falliment, għal ordni ta’ egħluq obbligatorju ta’ negozju jew amministrazzjoni mill-qorti ta’ arranġament ma’ kredituri jew ta’ kull proċeduri oħra simili taħt il-liġijiet nazzjonali u regolamenti;

[…]

Stati Membri għandhom jispeċifikaw, skond il-liġi nazzjonali tagħhom u b’rigward għal-liġi tal-Kommunità, il-kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għal dan il-paragrafu.”

4        Id-Direttiva 2004/18 tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mit‑18 ta’ April 2016, permezz tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), li madankollu ma hijiex applikabbli fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

5        L-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Raġunijiet għall-esklużjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 4 tiegħu li:

“L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)      fejn l-operatur ekonomiku jkun fallut jew huwa soġġett għal proċeduri ta’ insolvenza jew stralċ, fejn l-assi tiegħu qed jiġu amministrati minn likwidatur jew mill-qorti, fejn jinsab fi ftehim ma’ kredituri, fejn l-attivitajiet kummerċjali tiegħu huma sospiżi jew qiegħed fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili taħt il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali;

[…]”

 Id-dritt Taljan

6        L-Artikolu 38(1) tad-decreto legislativo n. 163 – Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163, dwar il-Ħolqien ta’ Kodiċi dwar Kuntratti Pubbliċi għal Xogħlijiet, għal Servizzi u għal Provvisti skont id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE) tat‑12 ta’ April 2006 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 100 tat‑2 ta’ Mejju 2006) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), jipprevedi:

“1.      Huma esklużi mill-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti ta’ konċessjonijiet u ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi, ma jistgħux jingħataw kuntratti ta’ subappalt u ma jistgħux jikkonkludi kuntratti relatati, il-persuni li:

a)      li huma fi stat ta’ falliment, ta’ stralċ mandatorju, ta’ arranġament mal-kredituri, ħlief fil-każ previst fl-Artikolu 186a tad-Digriet Irjali Nru 267 tas‑16 ta’ Marzu 1942, jew li fir-rigward tagħhom proċedura għad-dikjarazzjoni ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet hija pendenti.

[…]”

7        L-Artikolu 161 tal-legge fallimentare (il-Liġi dwar il-Fallimenti), approvata bir-regio decreto n. 267 (id-Digriet Irjali Nru 267), tas-16 ta’ Marzu 1942 (GURI Nru 81 tas‑6 ta’ April 1942, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Fallimenti”), intitolat “Talba għal arranġament mal-kredituri”, jipprevedi:

“1.      It-talba għal ammissjoni fil-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri hija proposta permezz ta’ rikors, iffirmat mid-debitur, fil-qorti tal-post fejn l-impriża għandha s-sede prinċipali tagħha; it-trasferiment tas-sede matul is-sena qabel il-preżentata tar-rikors huwa irrilevanti għad-determinazzjoni tal-kompetenza.

2.      Id-debitur irid jehmeż mar-rikors:

[…]

e)      pjan li jkun fihom deskrizzjoni analitika tal-modalitajiet u t-termini ta’ eżekuzzjoni tal-proposta; fi kwalunkwe każ, il-proposta għandha tindika l-benefiċċju speċifikament individwalizzat u li jista’ jiġi evalwat ekonomikament li l-awtur tal-proposta jintrabat li jiżgura għal kull wieħed mill-kredituri.

[…]

6.      L-imprenditur jista’ jippreżenta r-rikors li fih it-talba għal arranġament mal-kredituri u jehmeż miegħu il-karti tal-bilanċ tal-aħħar tliet snin finanzjarji u l-lista nominattiva tal-kredituri bl-indikazzjoni tal-krediti rispettivi, u jirriżerva l-possibbiltà li jressaq il-proposta, il-pjan u d-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi artikolu f’terminu ffissat mill-qorti, bejn sittin u mija u għoxrin jum li jista’ jiġi estiż, meta jkun hemm raġunijiet iġġustifikati, f’terminu massimu ta’ sittin jum. […]. Permezz ta’ deċiżjoni motivata li tistabbilixxi t-terminu msemmi fl-ewwel sentenza, il-qorti tista’ taħtar il-kummissarju ġudizzjarju msemmi fl-Artikolu 163(2)(3). L-Artikolu 170(2) japplika. […]

7.      Wara l-preżentata tar-rikors […], id-debitur jista’ jieħu l-miżuri urġenti ta’ amministrazzjoni straordinarja fuq awtorizzazzjoni minn qabel tal-qorti, li tista’ tiġbor informazzjoni fil-qosor u għandha tinkiseb l-opinjoni tal-kummissarju ġudizzjarju, jekk ikun inħatar. Fl-istess ħin u fl-istess terminu, id-debitur jista’ wkoll jieħu l-miżuri ta’ amministrazzjoni ordinarja. […]”

8        L-Artikolu 168 tal-Liġi dwar il-Fallimenti, intitolat “Effetti tal-preżentata tar-rikors”, jipprevedi:

“1.      Wara l-pubblikazzjoni tar-rikors fir-reġistru tal-kumpanniji u sad-data meta d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-ftehim mal-kredituri ssir definittiva, il-kredituri li t-titolu jew il-kawża tagħhom tkun preċedenti ma jistgħux, taħt piena ta’ nullità, jibdew jew ikomplu b’azzjonijiet eżekuttivi u kawtelatorji fuq il-patrimonju tad-debitur.

[…]

3.      Il-kredituri ma jistgħux jiksbu drittijiet ta’ prelazzjoni fir-rigward ta’ kredituri konkorrenti, sakemm dawn ikunu permess mill-qorti fil-każijiet previsti fl-artikolu preċedenti. L-ipoteki ġudizzjarji rreġistrati fi żmien 90 jum qabel id-data tal-pubblikazzjoni tar-rikors fir-reġistru tal-impriżi huma mingħajr effett fir-rigward tal-kredituri preċedenti għall-arranġament mal-kredituri.”

9        L-Artikolu 186a tal-Liġi dwar il-Fallimenti, intitolat “Arranġament tal-kredituri għat-tkomplija tal-operat”, jipprevedi:

“1.      Meta l-abbozz ta’ arranġament mal-kreditur previst fl-Artikolu 161(2)(e) jipprevedi t-tkomplija tal-attività tal-impriża mid-debitur, it-trasferiment tal-impriża lil kumpannija waħda jew iktar, ukoll dawk ikkostitwiti ġodda, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. Il-pjan jista’ jipprevedi l-likwidazzjoni tal-attivi li ma jkunux neċessarji għall-attività tal-impriża.

[…]

4.      Wara l-preżentata tar-rikors, il-parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandha tkun awtorizzata mill-qorti, wara li jinstema’ l-kummissarju ġudizzjarju jekk ikun inħatar, fl-assenza ta’ tali ħatra, tiddeċiedi l-qorti.

5.      L-ammissjoni tal-applikazzjoni għall-arranġament mal-kredituri ma tipprekludix il-parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta l-impriża tipprovdi fl-offerta:

a)      rapport ta’ professjonist li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 67(3)(d) li jiċċertifika li l-parteċipazzjoni hija konformi mal-pjan u li eventwali kuntratt jista’ raġonevolment jiġi eżegwit;

b)      id-dikjarazzjoni ta’ operatur ieħor li jissodisfa r-rekwiżiti ġenerali, ta’ kapaċità finanzjarja, teknika, ekonomika kif ukoll ta’ ċertifikazzjoni rikjesti għall-għoti tal-kuntratt, li jkun intrabat rigward l-offerent u l-awtorità kontraenti li jagħmel disponibbli, matul it-tul tal-kuntratt, ir-riżorsi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u sabiex jissurroga ruħu fl-impriża megħjuna fil-każ li din tfalli matul is-sejħa għal offerti jew wara l-firma tal-kuntratt, jew ma tibqax f’pożizzjoni, għal kwalunkwe raġuni, li tiżgura l-eżekuzzjoni regolari tal-kuntratt. L-Artikolu 49 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 tat‑12 ta’ April 2006 għandu japplika.

6.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, l-impriża b’ arranġament mal-kredituri tista’ wkoll tipparteċipa fi ħdan grupp temporanju ta’ impriżi, sakemm ma jkollhiex il-kwalita’ ta’ mandatarju u jekk l-impriżi l-oħra li membri ta’ dan il-grupp ma jkunux suġġetti għal proċedura ta’ insolvenza. F’tali każ, id-dikjarazzjoni prevista fil-paragrafu 4(b) tista’ ssir ukoll minn operatur li jifforma parti mill-grupp.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Mill-proċess disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, permezz ta’ avviż tal‑24 ta’ Lulju 2013, Arcadis nediet sejħa għal offerti bil-għan li tingħata kuntratt pubbliku ta’ servizzi dwar it-tmexxija ta’ xogħlijiet, il-kejl u l-kontabbiltà, l-għajnuna sabiex isiru x-xogħlijiet u l-koordinazzjoni dwar is-sigurtà u s-saħħa. Il-valur stmat ta’ dan il-kuntratt ta’ servizzi kien jammonta għal EUR 1 028 096.59.

11      TEI Srl, bħala mandatarja tal-GTI, ippreżentat, fl‑14 ta’ Ottubru 2013, talba għall-parteċipazzjoni għas-sejħa għall-offerti msemmija fil-punt preċedenti.

12      Fid‑29 ta’ April 2014, il-kuntratt pubbliku ta’ servizzi ġiet provviżorjament allokat lil GTI.

13      Fit‑18 ta’ Ġunju 2014, TEI ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale di Milano (il-Qorti ta’ Milan, l-Italja) talba intiża sabiex tikseb il-benefiċċju ta’ arranġament mal-kredituri, filwaqt li rriżervat, skont l-Artikolu 161(6) tal-Liġi dwar il-Fallimenti, il-possibbiltà li tressaq sussegwentement pjan ta’ tkomplija tal-attività.

14      Permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata fid‑9 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ esklużjoni”), Arcadis eskludiet lil GTI mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku. Arcadis, f’dan ir-rigward, ibbażat ruħha fuq il-fatt li, konformement mal-Artikolu 38(1) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, il-preżentata permezz ta’ rikors sabiex tkun ammessa għall-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri tostakola l-parteċipazzjoni tagħha fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, ħlief fl-ipoteżi, distinta minn dik ta’ din il-kawża, fejn id-debitur ppreżentat mat-talba pjan li jipprevedi t-tkomplija tal-attività (concordato in continuità aziendale).

15      Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ April 2015, it-Tribunale amministrativo regionale per la Campania (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Campania, l-Italja) ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Idi kontra d-deċiżjoni ta’ esklużjoni. Din il-qorti kkunsidrat li l-introduzzjoni minn TEI ta’ rikors sabiex tiġi ammessa fil-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri kienet ammissjoni min-naħa tagħha li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ kriżi, li ġġustifika l-esklużjoni tal-GTI minn kull parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

16      Idi ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja).

17      Din il-qorti tirrileva li d-deċiżjoni ta’ esklużjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tagħha.

18      Skont din il-ġurisprudenza, operatur ekonomiku li jkun ippreżenta rikors sabiex jiġi ammess fil-proċedura tal-arranġament mal-kredituri jista’ jipparteċipa fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi biss fil-każ fejn huwa jibbenefika minn arranġament mal-kredituri għat-tkomplija tal-attività, previst fl-Artikolu 186a tal-Liġi dwar il-Falliment, jew li, peress li talab il-benefiċċju ta’ din l-aħħar proċedura, ġie awtorizzat mill-qorti kompetenti sabiex jieħu sehem fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

19      Min-naħa l-oħra, dejjem skont din il-ġurisprudenza, huwa eskluż mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi kull operatur li r-rikors sabiex jiġi ammess għall-proċedura tal-arranġament mal-kredituri ma huwiex akkumpanjat minn pjan li jipprevedi espressament it-tkomplija tal-operat. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, magħrufa bħala “arranġament mal-kredituri b’riżerva” (concordato in bianco), l-assenza ta’ tali pjan tikkostitwixxi ammissjoni min-naħa tal-operatur li jkun qed jgħaddi minn diffikultajiet ekonomiċi.

20      Il-qorti tar-rinviju żżid li l-“arranġament mal-kredituri b’riżerva”, li huwa arranġament mal-kredituri “taħt riżerva”, fis-sens tal-Artikolu 161(6) tal-Liġi dwar il-Fallimenti, jippermetti, minn naħa, li “jiffriża” temporanjament (normalment bejn 30 u 120 jum) it-talbiet ta’ falliment imressqa minn kredituri u, min-naħa l-oħra, jippermetti lir-rikorrenti tagħżel bejn il-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ arranġament jew ftehim għar-ristrutturazzjoni tal-impriża, u dan sabiex tirrinvija din l-għażla wara negozjar mill-ġdid mal-massa tal-kredituri.

21      Madankollu din il-qorti esprimiet id-dubji tagħha dwar il-konformità ta’ tali ġurisprudenza mal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18.

22      F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, meta l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza hija mitluba mill-kredituri, tali proċedura għandha tiġi kkunsidrata bħala “miftuħa” ladarba l-qorti kompetenti kkonstatat l-istat ta’ falliment tad-debitur. Min-naħa l-oħra, meta operatur ekonomiku jitlob il-benefiċċju ta’ “arranġament mal-kredituri b’riżerva”, il-proċedura għandha titqies bħala “miftuħa” sa mill-preżentata tar-rikors.

23      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jkopru s-sitwazzjoni ta’ operatur ekonomiku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkun ippreżenta rikors sabiex jiġi ammess fil-proċedura ta’ “arranġament mal-kredituri b’riżerva”.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-fatt li s-sempliċi talba għal arranġament mal-kredituri, imressqa quddiem il-qorti kompetenti mid-debitur, titqies li hija ‘proċedura pendenti’ huwa kompatibbli mal-[punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-]Artikolu 45(2)[…] tad-Direttiva 2004/18 […]?

2)      Il-fatt li l-ammissjoni tad-debitur li jinsab fi stat ta’ insolvenza u li jixtieq iressaq talba għal arranġament mal-kredituri ‘b’riżerva’ (li l-karatteristiċi tiegħu ġew ippreċiżati iktar ’il fuq) titqies li hija raġuni ta’ esklużjoni mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, b’interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ ‘proċedura pendenti’ fis-sens tal-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni] (Artikolu 45 tad-Direttiva [2004/18]) u nazzjonali (Artikolu 38 [tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi]) iċċitati iktar ’il fuq, huwa kompatibbli mal-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni] msemmija iktar ’il fuq?”

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

25      Il-Gvern Taljan iqajjem dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

26      Qabel kollox, il-Gvern Taljan josserva li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) sempliċement, fid-deċiżjoni tar-rinviju, fakkar il-kontenut tal-ġurisprudenza tiegħu dwar l-effetti ta’ talba għal “arranġament mal-kredituri b’riżerva” fuq il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi kif ukoll jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, mingħajr ma jesponi r-raġunijiet li għalihom din il-qorti tiddubita l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ dan l-Artikolu 45.

27      Imbagħad, il-Gvern Taljan isostni li d-domandi magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) huma ipotetiċi. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-parteċipazzjoni ta’ TEI fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet irrifjutata minħabba li t-Tribunale di Milano (il-Qorti ta’ Milano), li quddiemha hija kienet ippreżentat talba għal arranġament mal-kredituri, ma kinitx awtorizzatha tipparteċipa fil-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt. Dan jimplika li “[il-]kawża għall-esklużjoni [minn tali parteċipazzjoni] teżisti irrispettivament […] mid-data li minnha l-proċedura kollettiva tista’ titqies [bħala li hija] pendenti”.

28      F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha, u dan jimplika li l-qorti nazzjonali tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi li tistaqsi jew li, tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt, C‑221/15, EU:C:2016:704, punt 14, kif ukoll tal‑31 ta’ Mejju 2018, Zheng, C‑190/17, EU:C:2018:357, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, u kif jikkonfermaw l-osservazzjonijiet żviluppati mill-Gvern Taljan fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju jippermettu li wieħed jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

30      Barra minn hekk, fir-rigward tan-natura allegatament ipotetika tad-domandi magħmula, għandu jiġi kkonstatat li l-legalità tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi neċessarjament mir-risposta għad-domanda magħmula. Fil-fatt, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, li jirrikonoxxu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jeskludu mill-parteċipazzjoni għall-kuntratti pubbliċi l-operaturi fi stat ta’ arranġament mal-kredituri jew li huma s-suġġett ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri, ikoprux is-sitwazzjoni ta’ kumpannija li ppreżentat rikors għall-finijiet ta’ ammissjoni għall-“arranġament mal-kredituri b’riżerva”. Issa, mill-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li GTI ġiet eskluż peress li, preċiżament TEI kienet tinsab f’sitwazzjoni bħal din.

31      Minn dan isegwi li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

32      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tirreferi, fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha, kemm għall-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) kif ukoll għall-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18.

33      Minħabba li l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tista’ taqa’ biss taħt il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) jew il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, hemm lok li jitqies li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-kawża prinċipali, hija rilevanti biss l-aħħar waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz taż-żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-esklużjoni minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ operatur ekonomiku li, fid-data tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni, ippreżenta rikors sabiex jikseb il-benefiċċju ta’ arranġament mal-kredituri, filwaqt li rriżerva l-possibbiltà li jippreżenta pjan li jipprevedi t-tkomplija tal-attività.

35      Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, l-Artikolu 45(2) tagħha jħalli l-applikazzjoni tas-seba’ każijiet ta’ esklużjoni li huwa jsemmi, li jirrigwardaw l-onestà professjonali, is-solvibbiltà jew l-affidabbiltà tal-applikanti għal kuntratt, għall-evalwazzjoni tal-Istati Membri, kif tixhed l-espressjoni “jista’ jkun eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt” li tinsab fil-bidu ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, Connexxion Taxi Services, C‑171/15, EU:C:2016:948, punt 28).

36      Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tal-imsemmija id-direttiva jippermetti, b’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata s-solvenza tal-kokontraent tal-awtorità kontraenti, li jiġi eskluż mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku kull operatur ekonomiku li huwa b’mod partikolari s-suġġett ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri.

37      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw, konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom u fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu. Minn dan jirriżulta li l-kunċetti li jinsabu fl-imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2), fosthom l-espressjoni “fejn hu jkun daħal f’arranġament ma’ kredituri” jistgħu jiġu speċifikati u spjegati fid-dritt nazzjonali, fl-osservanza madankollu tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Esaprojekt, C‑387/14, EU:C:2017:338, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, kif jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari mill-Artikolu 168 tal-Liġi fuq il-Fallimenti, il-preżentata ta’ rikors bil-għan li jinkiseb il-benefiċċju ta’ arranġament mal-kredituri, il-kredituri ma jitħallewx, għal perijodu speċifikat mil-Liġi dwar il-Fallimenti, jibdew proċeduri kontra l-patrimonju tad-debitur u tillimita d-drittijiet tar-rikorrent dwar l-assi tiegħu, peress li, wara l-preżentata tar-rikors, huwa ma jistax jieħu waħdu, jiġifieri mingħajr awtorizzazzjoni minn qorti, miżuri ta’ amministrazzjoni straordinarja fuq dan il-patrimonju.

39      B’hekk, il-preżentata ta’ tali rikors jipproduċi effetti ġuridiċi fuq id-drittijiet u l-obbligi kemm tar-rikorrent kif ukoll tal-kredituri. Dan ifisser li l-preżentata ta’ dan ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat, qabel kwalunkwe deċiżjoni tal-qorti kompetenti, bħala l-punt tat-tluq tal-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 u, konsegwentement, bħala l-att li beda din il-proċedura.

40      Din il-konklużjoni hija ġġustifikata wkoll mis-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-applikant. Fil-fatt, billi għamel tali rikors, l-operatur ekonomiku rrikonoxxa li jinsab fi stat ta’ diffikultà finanzjarja, li jista’ jikkontesta l-affidabbiltà ekonomika tiegħu. Issa, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-kawża ta’ esklużjoni fakultattiva msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 hija intiża preċiżament sabiex tiżgura lill-awtorità kontraenti li huwa ser jikkuntratta ma’ operatur ekonomiku li għandu affidabbiltà ekonomika suffiċjenti.

41      Minn dan isegwi li, sa mill-preżentata tar-rikors, l-operatur ekonomiku għandu jitqies bħala li huwa suġġett għal proċedura ta’ arranġament mal-kredituri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

42      Iċ-ċirkustanza li, fir-rikors tiegħu f’arranġament mal-kredituri, l-operatur ekonomiku rriżerva l-possibbiltà li jippreżenta pjan ta’ kontinwazzjoni tal-attività tiegħu ma hijiex tali li tbiddel din il-konstatazzjoni.

43      Ċertament, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li operatur ekonomiku li jkun ressaq talba għal arranġament mal-kredituri, li tinkludi pjan sabiex ikompli l-attività tiegħu jista’, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi nazzjonali, jieħu sehem fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni Taljana tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn l-operaturi ekonomiċi li ppreżentaw rikors għal arranġament mal-kredituri, rigward il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, skont jekk dawn l-operaturi ekonomiċi kinux jew le inkludewx jew le fir-rikors tagħhom għal arranġament mal-kredituri, pjan li jipprevedi t-tkomplija tal-attività tagħhom.

44      Madankollu, din id-differenza fit-trattament ma tmurx kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

45      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 ma jipprevedix uniformità ta’ applikazzjoni tar-raġunijiet ta’ esklużjoni indikati fih fuq livell tal-Unjoni, sa fejn l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li ma japplikaw b’ebda mod dawn ir-raġunijiet għal esklużjoni, jew inkella li jintegrawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’livell ta’ rigorożità li jista’ jvarja każ b’każ, skont kunsiderazzjonijiet legali, ekonomiċi jew soċjali li jipprevalu fuq livell nazzjonali. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jħaffu jew li jiffaċilitaw il-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, Connexxion Taxi Services, C‑171/15, EU:C:2016:948, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan il-każ, l-Istat Membru kkonċernat huwa intitolat ukoll li jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom l-esklużjoni fakultattiva ma tapplikax (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Impresa di Costruzioni Ing. E. Mantovani u Guerrato, C‑178/16, EU:C:2017:1000, punt 41).

47      B’hekk, kif enfasizza l-Gvern Taljan, il-fatt li operatur ekonomiku jkun suġġett għal proċedura ta’ arranġament mal-kredituri, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 ma jipprekludix b’hekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata milli tawtorizza lil dan l-operatur ekonomiku milli jieħu sehem fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, skont il-kundizzjonijiet li din il-leġiżlazzjoni tiddefinixxi.

48      Huwa ugwalment konformi mad-dritt tal-Unjoni u b’mod speċjali mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku operatur ekonomiku li ressaq talba għal “arranġament mal-kredituri b’riżerva” li ma jiġix eskluż.

49      Barra minn hekk, is-sitwazzjoni li fiha l-imsemmi operatur ma jimpenjax ruħu, fid-data meta d-deċiżjoni ta’ esklużjoni tkun adottata, li jagħmel arranġament mal-kredituri sabiex titkompla l-attività tiegħu ma hijiex paragunabbli, fir-rigward tal-affidabbiltà ekonomika, mas-sitwazzjoni ta’ operatur ekonomiku li jimpenja ruħu f’dik id-data li jkompli bl-attività ekonomika tiegħu.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li jiġi eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku operatur ekonomiku li, fid-data tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni, ippreżenta rikors sabiex jikseb il-benefiċċju ta’ arranġament mal-kredituri, filwaqt li jirriżerva l-possibbiltà li jippreżenta pjan li jipprevedi t-tkomplija tal-attività tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li jiġi eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku operatur ekonomiku li, fid-data tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni, ippreżenta rikors sabiex jikseb il-benefiċċju ta’ arranġament mal-kredituri, filwaqt li jirriżerva l-possibbiltà li jippreżenta pjan li jipprevedi t-tkomplija tal-attività tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.