Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Satversmes tiesa (il-Latvja) fit-30 ta’ Ġunju 2020 – AS Latvijas Gāze vs Latvijas Republikas Saeima, Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija

(Kawża C-290/20)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Satversmes tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AS Latvijas Gāze

Partijiet oħra fil-proċedura: Latvijas Republikas Saeima, Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija

Domandi preliminari

L-Artikoli 23 u 32(1) tad-Direttiva 2009/73/KE 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri għandhom l-obbligu jadottaw leġiżlazzjoni skont liema, minn naħa, kull klijent finali jista’ jagħżel ma’ liema tip ta’ network – network ta’ trasport jew ta’ distribuzzjoni – jiġi konness u, min-naħa l-oħra, l-operatur tan-network huwa obbligat jippermettilu jiġi konness man-network li jagħżel?

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2009/73/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati jadottaw leġiżlazzjoni skont liema huwa unikament permess jiġi konness man-network ta’ trasport ta’ gass naturali klijent finali mhux domestiku (jiġifieri, unikament klijent industrijali)?

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2009/73/KE, b’mod partikolari l-kunċett ta’ “klijent industrijali [ġdid]”, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-artikolu jistabbilixxi l-obbligu li l-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni skont liema huwa unikament permess jiġi konness man-network ta’ trasport ta’ gass naturali klijent finali mhux domestiku (jiġifieri, unikament klijent industrijali) li ma kienx diġà konness preċedentement man-network ta’ distribuzzjoni?

Il-punt 3 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2009/73/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru skont liema t-trasport ta’ gass naturali jinkludi t-trasport ta’ gass naturali direttament għas-sistema ta’ provvista ta’ gass naturali tal-klijent finali.

____________

1 Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 12, Vol. 5, p. 39).