Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Monomeles Protodikeio Serron (il-Greċja) fit-8 ta’ Frar 2019 – WP vs Trapeza Peiraios AE

(Kawża C-105/19)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Monomeles Protodikeio Serron (il-Greċja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: WP

Konvenuta: Trapeza Peiraios AE

Domandi preliminari

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jistabbilixxi regola proċedurali ta’ ordni pubbliku li tobbliga lill-qrati nazzjonali li jieħdu inkunsiderazzjoni ex officcio, anki fl-istadju tat-talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas, in-natura inġusta ta’ klawżola stabbilita bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, b’kont meħud b’mod partikolari: tal-fatt li fl-ordinament ġuridiku Grieg, skont l-Artikoli 623, 624, 628 u 629 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (kodikas politikis dikonomias), mhux talli tali obbligu ma jeżistix, iżda, apparti hekk, l-ordni ta’ ħlas tinħareġ fil-kuntest ta’ proċedura mhux kuntradittorja, wara verifika formali tad-dokumenti li fosthom hemm inkluż il-kuntratt ta’ kreditu; tal-fatt li l-ġurisdizzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas tispetta lill-qorti tal-Istat Grieg; u tal-fatt li l-ordni ta’ ħlas tikkostitwixxi titolu eżekuttiv immedjat, li bis-saħħa tiegħu il-bejjiegħ jew fornitur jista’, malli jiskadu tlett’ijiem mill-ħruġ tiegħu, jiftaħ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata li ma tistax tiġi sospiża?

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jistabbilixxi regola proċedurali ta’ ordni pubbliku li tobbliga lill-qrati nazzjonali li jiddeżistu mill-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas meta jintwera bi prova dokumentali, quddiem il-qorti li toħroġ l-ordni ta’ ħlas, li l-kreditu jirriżulta minn kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali (KĠK) li diġà ġew iddikjarati nulli, peress li inġusti, minn sentenzi b’awtorità ta’ res judicata mogħtija fi proċeduri ta’ inibizzjoni ppreżentati minn għaqdiet tal-konsumaturi kontra bejjiegħa jew fornituri u li huma elenkati fid-Deċiżjoni Ministerjali Z1-798/25-06-2008 (FEK B 1353/11-07-2008), li fih reġistru nazzjonali ta’ klawżoli inġusti [fil-verżjoni tagħha emendata u kkompletata bid-Deċiżjoni Ministerjali Z1-21/17-01-2011 li ġiet iddikjarata legali bis-sentenza Nru 1210/2010 tal-Kunsill tal-Istat Elleniku (Symvoulio tis Epikrateias), wara li dan ħa inkunsiderazzjoni wkoll, minn naħa waħda, is-sentenzi Nri 1219/2001 u 430/2005 tal-Qorti tal-Kassazzjoni Ellenika (Areios Pagos)], is-sentenzi Nri 5253/2003 u 6291/2000 tal-Qorti tal-Appell ta’ Ateni (Efeteio Athinon), is-sentenzi Nri 1119/2002 u 1208/1998 tal-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni) li għaddew b’ġudikat u s-sentenza Nru 961/2007 tal-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni) li wkoll għaddiet b’ġudikat kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-effetti tal-awtorità ta’ res judicata ta’ dawn id-deċiżjonijiet huma ta’ interess pubbliki maġġuri għall-funzjonament tajjeb tas-suq u għall-protezzjoni tal-konsumaturi (Artikolu 10(2) tal-Liġi 2251/1994); b’tali deċiżjoni ministerjali ġiet stabbilita “il-projbizzjoni li jiġu inklużi, fil-kuntratti konklużi bejn l-istabbiliment ta’ kreditu u l-konsumaturi, il-kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali li ġew iddikjarati inġusti b’deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fil-kuntest ta’ kawżi ppreżentati minn għaqdiet tal-konsumaturi” u din id-deċiżjoni telenka l-KĠK li ġew iddikjarati nulli, peress li inġusti, wara kawżi kollettivi ppreżentati minn għaqdiet tal-konsumaturi kontra banek meqjusa bħala bejjiegħa jew fornituri], b’kont meħud b’mod partikolari tal-fatt li fil-Greċja, il-kompetenza għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas tispetta lill-qrati – b’mod iktar preċiż lill-Eirinodikeia (il-Qorti Konċiljatorja) u lill-Protodikeia (il-Qorti tal-Ewwel Istanza) – u tal-fatt li l-ordni ta’ ħlas jikkostitwixxi titolu eżekuttiv immedjat, li bis-saħħa tiegħu il-bejjiegħ jew fornitur jista’, malli jiskadu tlett’ijiem mill-ħruġ tiegħu, jiftaħ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata li ma tistax tiġi sospiża?

L-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità tar-res judicata naxxenti minn sentenzi li jilqgħu rikorsi għal inibizzjoni ppreżentati minn għaqdiet tal-konsumaturi kontra bejjiegħa jew fornituri tobbliga, bħala kundizzjoni supplimentari sabiex l-effetti tagħha jkollhom portata erga omnes (konformement mal-Artikolu 10(20) tal-Liġi 2251/1994), identiċità tal-partijiet u identiċità tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi – kif rikjest mid-dritt proċedurali nazzjonali permezz tal-Artikolu 324 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (kodikas politikis dikonomias) – b’tali mod li huwa possibbli li l-awtorità tar-res judicata naxxenti minn rikorsi kollettivi għal inibizzjoni li ġew milqugħa tista’ ma tkunx estendibbli u applikabbli għal kull każ li fih qorti nazzjonali tkun adita b’rikors eżerċitat minn konsumatur kontra bejjiegħ jew fornitur?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)