Language of document : ECLI:EU:C:2018:990

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali – Direttiva 2005/36/KE – Rikonoxximent ta’ kwalifiki ta’ taħriġ miksuba fi tmiem perijodi ta’ taħriġ parzjalment sovrapposti – Setgħat ta’ verifika tal-Istat Membru ospitanti”

Fil-Kawża C‑675/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura

Ministero della Salute

vs

Hannes Preindl

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala president tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen (Relatur), M. Safjan, u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal H. Preindl, minn M. Schullian u C. Senoner, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn A. Gavela Llopis, sussegwentement minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 21, 22 u 24 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Ministero della Salute (il-Ministeru għas-Saħħa, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) u min-naħa l-oħra, Hannes Preindl dwar ir-rifjut, minn dan il-Ministeru, tar-rikonoxximent ta’ kwalifika ta’ taħriġ bħala tabib maħruġ mill-awtorità kompetenti Awstrijaka.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 1 u 19 tad-Direttiva 2005/36 huma fformulati kif ġej:

“(1)      Skond l-Artikolu 3(1)(ċ) [KE], l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri, ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi huwa wieħed mill-għanijiet tal-[Unjoni Ewropea]. Għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, din tinkludi, b’mod partikolari, id-dritt li wieħed jeżerċita professjoni, għal rasu jew bħala impjegat, fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn ikun kiseb il-kwalifiki professjonali tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 47(1) [KE] jistabbilixxi li għandhom jiġu ppubblikati direttivi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali.

[…]

(19)      Il-libertà tal-moviment u r-rikonoxximent reċiproku tal-provi ta’ kwalifiki formali ta’ tobba, infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, tobba dentisti, kirurgi veterinarji, qwiebel, spiżjara u periti għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju fundamentali tar-rikonoxximent awtomatiku tal-provi ta’ kwalifiki formali abbażi ta’ kondizzjonijiet minimi kordinati għat-taħriġ. Barra minn dan, aċċess fl-Istati Membri għall-professjonijiet ta’ tobba, infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, tobba dentisti, kirurgi veterinarji, qwiebel u spiżjara għandhom ikunu ikkondizzjonati fuq il-pussess ta’ kwalifika speċifika li tassigura li l-persuna konċernata tkun għamlet taħriġ li jissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti. Din is-sistema għandha tkun supplimentata b’numru ta’ drittijiet miksuba li minnhom jibbenefikaw professjonisti kwalifikati taħt ċerta kondizzjonijiet.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn il quddiem imsejħa “l-Istat Membru ospitanti”) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Istat Membru ta’ l-oriġini”) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni.”

5        L-Artikolu 21(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prinċipji ta’ rikonoxximent awtomatiku”, jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi bħala provi ta’ kwalifiki formali ta’ tabib li jagħti aċċess għal attivitajiet professjonali ta’ tabib b’taħriġ bażiku u tabib speċjalizzat, bħala infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, bħala dentist, bħala dentist speċjalizzat, bħala kirurgu veterinarju, bħala spiżjar u bħala perit, elenkati fl-Anness V, punti 5.1.1, 5.1.2, 5.2.2, 5.3.2, 5.3.3, 5.4.2, 5.6.2 u 5.7.1 rispettivament, dawk il-provi li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ imsemmija fl-Artikoli 24, 25, 31, 34, 35, 38, 44 u 46 rispettivament, u għandu, għall-finijiet ta’ aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali, jagħti dawn il-provi l-istess effett fuq it-territorju tiegħu bħala provi ta’ kwalifiki formali li joħroġ huwa stess.

Din il-prova tal-kwalifiki formali għandha tinħareġ mill-korpi kompetenti fl-Istati Membri u tkun akkumpanjata, fejn xieraq, miċ-ċertifikati elenkati fl-Anness V, punti 5.1.1, 5.1.2, 5.2.2, 5.3.2, 5.3.3, 5.4.2, 5.6.2, u 5.7.1 rispettivament.

[…]”

6        L-Artikolu 22(a) tal-istess direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni dwar it-taħriġ”, huwa fformulat kif ġej:

“Rigward it-taħriġ imsemmi fl-Artikoli 24, 25, 28, 31, 34, 35, 38, 40, 44 u 46:

(a)      l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw taħriġ fuq bażi part-time taħt kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti; dawk l-awtoritajiet għandhom jassiguraw li l-perijodu, livell u kwalità globali ta’ dan it-taħriġ mhumiex aktar baxxi minn dak ta’ taħriġ kontinwu fuq bażi full-time”.

7        L-Artikolu 24(2) u (3), tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Taħriġ mediku bażiku”, jipprevedi:

“2.      It-taħriġ mediku bażiku għandu jinkludi total ta’ mhux inqas minn sitt snin ta’ studju jew 5 500 siegħa ta’ taħriġ teoretiku u prattiku provdut minn università jew taħt is-superviżjoni tagħha.

[…]

3.      It-taħriġ mediku bażiku għandu jipprovdi assigurazzjoni li l-persuna konċernata kisbet l-għarfien u l-ħiliet li ġejjin:

(a)      għarfien adegwat tax-xjenzi li fuqhom hija bbażata l-mediċina u fehma tajba tal-metodi xjentifiċi inklużi il-prinċipji tal-kejl tal-funzjonijiet bijoloġiċi, l-istima ta’ fatti stabbiliti xjentifikament u l-analiżi ta’ data;

(b)      fehma biżżejjed ta’ l-istruttura, il-funzjonijiet u l-imġieba ta’ persuni b’saħħithom u morda, kif ukoll relazzjonijiet bejn l-istat tas-saħħa u l-ambjent fiżiku u soċjali tal-bniedem;

(ċ)      għarfien adegwat tad-dixxiplini u prattiċi kliniċi, li jipprovdu lil persuna konċernata bi stampa koerenti tal-mard mentali u fiżiku, tal-mediċina mill-aspett tal-profilassi, id-dijanjosi u t-terapija u tar-riproduzzjoni umana;

(d)      esperjenza klinika adattata f’isptarijiet taħt sorveljanza xierqa.”

8        L-Artikolu 34(2) u (3) ta’ din id-direttiva, intitolat “Taħriġ bażiku fid-dentistrija”, jipprovdi:

“2.      It-taħriġ bażiku fid-dentistrija għandu jinkludi total ta’ mhux inqas minn ħames snin ta’ studju teoretiku u prattiku full-time, li jinkludi mill-inqas il-programm deskritt fl-Anness V, punt 5.3.1 u mogħti f’università, f’istitut superjuri li jipprovdi taħriġ li huwa rikonoxxut bħala ta’ livell ekwivalenti jew taħt is-sorveljanza ta’ università.

[…]

3.      Taħriġ bażiku fid-dentistrija għandu jipprovdi assigurazzjoni li l-persuna konċernata kisbet l-għarfien u l-ħiliet li ġejjin:

(a)      għarfien adegwat tax-xjenzi li fuqhom hi bbażata d-dentistrija u fehma tajba tal-metodi xjentifiċi, inklużi l-prinċipji tal-kejl tal-funzjonijiet bijoloġiċi, l-istima ta’ fatti stabbiliti xjentifikament u l-analiżi ta’ data;

(b)      għarfien xieraq tal-kostituzzjoni, il-fiżjoloġija u l-imġieba ta’ persuni b’saħħithom u morda kif ukoll l-influwenza ta’ l-ambjent naturali u soċjali fuq l-istat tas-saħħa tal-bniedem, sa fejn dawn il-fatturi jolqtu id-dentistrija;

(ċ)      għarfien adegwat ta’ l-istruttura u l-funzjoni tas-snien, il-ħalq, ix-xedaq u t-tessuti assoċjati, kemm b’saħħithom kif ukoll morda, u r-relazzjoni tagħhom ma’ l-istat ġenerali tas-saħħa u l-benessri fiżiku u soċjali tal-pazjent;

(d)      għarfien adegwat tad-dixxiplini u l-metodi kliniċi, li jipprovdu d-dentist bi stampa koerenti ta’ anomaliji, leżjonijiet u mard tas-snien, tal-ħalq, tax-xedaq u tat-tessuti assoċjati u tad-dentistrija preventiva, dijanjostika u terapewtika;

(e)      esperjenza klinika xierqa taħt superviżjoni xierqa.

[…]”

9        L-Artikolu 50(2) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dokumenti u formalitajiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Fil-każ ta’ dubji ġustifikati, l-Istat Membru ospitanti jista’ jirrikjedi konferma mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ta’ l-awtentiċità ta’ l-attestazzjoni u tal-provi ta’ kwalifiki formali mogħtija f’dak l-Istat Membru l-ieħor, kif ukoll, fejn japplika, konferma tal-fatt li l-benefiċjarju jissodisfa, għall-professjonijiet li jirreferi għalihom il-Kapitolu III ta’ dan it-Titolu, r-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 24, 25, 28, 31, 34, 35, 38, 40, 44 u 46.”

 Id-dritt Taljan

10      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 142 tar-Regio Decreto n. 1592 approvazione del testo unico delle leggi sull’ istruzione superiore (id-Digriet Irjali Nru 1592 li japprova t-test uniku tal-liġijiet dwar l-edukazzjoni ogħla), tal-31 ta’ Awwissu 1933 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 283, tas-7 ta’ Diċembru 1933), fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi li, “bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39(ċ), hija pprojbita r-reġistrazzjoni simultanja f’universitajiet differenti u f’istituti differenti ta’ edukazzjoni għolja, fi fakultajiet jew skejjel differenti fi ħdan l-istess università jew l-istess istitut u għal korsijiet universitarji jew diplomi differenti tal-istess fakultà jew skola”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fis-26 ta’ Marzu 2013, H. Preindl, ċittadin Taljan, ippreżenta lill-Ministeru, sabiex jeżerċita fl-Italja l-professjoni ta’ prattikant tad-dentistrija, talba għar-rikonoxximent tal-kwalifika ta’ “Doktor der Zahnheilkunde” li kien ingħatalu, fit-8 ta’ Jannar 2013, mill-Università tal-Mediċina ta’ Innsbruck (l-Awstrija).

12      Permezz tad-digriet tal-20 ta’ Mejju 2013, il-Ministeru rrikonoxxa din il-kwalifika bħala kwalifika ta’ prattikant tad-dentistrija wara li qies id-dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti Awstrijaka, jiġifieri l-assoċjazzjoni Awstrijaka tad-dentisti, li jiċċertifika li ġew osservati l-kundizzjonijiet minimi previsti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2005/36.

13      Fis-16 ta’ Ottubru 2014, H. Preindl ressaq quddiem il-Ministeru, sabiex jeżerċita fl-Italja wkoll il-professjoni ta’ “kirurgu”, talba għar-rikonoxximent tal-kwalifika ta’ “Doktor der gesamten Heilkunde”, maħruġ fl-20 ta’ Awwissu 2014, mill-Università tal-Mediċina ta’ Innsbruck. Din it-talba kienet akkumpanjata, b’mod partikolari, minn dikjarazzjoni bil-miktub tal-awtorità kompetenti Awstrijaka, jiġifieri l-assoċjazzjoni Awstrijaka tat-tobba, li tiċċertifika li din il-kwalifika kienet tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2005/36 u li kienet tikkorrispondi għad-diploma li tagħti l-kwalifika universitarja ta’ tabib għall-Awstrija, imsemmija fil-punt 5.1.1 tal-Anness V tad-Direttiva 2005/36.

14      Adit b’din it-tieni talba għal rikonoxximent, il-Ministeru kkonstata li l-kwalifiki Awstrijaċi ta’ prattikant tad-dentistrija u ta’ tabib kienu ngħataw lil H. Preindl, rispettivament, fit-8 ta’ Jannar 2013 u fl-20 ta’ Awwissu 2014 u li din l-aħħar kwalifika kienet inħarġet wara kors ta’ studji fil-mediċina ta’ perijodu ta’ ħmistax-il xahar, ħafna inqas mis-sitt snin meħtieġa għall-kisba tal-kwalifika ta’ tabib, indikati fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2005/36.

15      Il-Ministeru għaldaqstant irrefera għall-assoċjazzjoni Awstrijaka tat-tobba sabiex jifhem sa fejn il-kwalifika ta’ tabib mogħtija lil H. Preindl setgħetx tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2005/36.

16      L-assoċjazzjoni Awstrijaka tat-tobba ikkonfermat, fid-19 ta’ Marzu 2015, li din il-kwalifika kienet tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet u li H. Preindl kien beda l-istudji tiegħu ta’ dentist fis-7 ta’ Settembru 2004, sabiex spiċċahom fit-8 ta’ Jannar 2013 u l-istudji tiegħu fil-mediċina fil-21 ta’ Marzu 2006, sabiex spiċċahom fl-20 ta’ Awwissu 2014.

17      Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-Ministeru rrifjuta li jirrikonoxxi lil H. Priendl il-kwalifika li tippermettilu jeżerċita il-professjoni ta’ “kirurgu” fl-Italja, minħabba li d-Direttiva 2005/36 ma tipprevedix li persuna tkun tista’ twettaq żewġ korsijiet ta’ taħriġ b’mod simultanju.

18      H. Priendl ippreżenta rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Latium, l-Italja), li permezz tiegħu huwa sostna li r-rifjut tal-Ministeru jmur b’mod ċar kontra l-prinċipju ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki ta’ mediċina indikati fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2005/36. Il-persuna kkonċernata żiedet li l-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ indikati fl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2005/36 u speċifikati fl-Artikolu 24 tal-istess direttiva, kienu ġew espliċitament ikkunsidrati li huma ssodisfatti fil-każ tal-kors li huwa segwa, permezz taċ-ċertifikazzjoni korrispondenti stabbilita mill-assoċjazzjoni Awstrijaka tat-tobba.

19      It-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Latium) laqa’ dan ir-rikors. Il-Ministeru appella quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). Skont il-Ministeru, id-Direttiva 2005/36 telenka l-kundizzjonijiet imperattivi li jirrigwardaw it-taħriġ li għandhom ikunu żgurati mill-Istati Membri għall-finijiet tal-għoti ta’ kwalifika medika bażika. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva jipprevedi, b’mod partikolari, li t-taħriġ mediku bażiku għandu jinkludi total ta’ mhux inqas minn sitt snin ta’ studju jew 5 500 siegħa ta’ taħriġ teoretiku u prattiku pprovdut minn università jew taħt is-superviżjoni ta’ università. F’dan il-każ, ittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod simultanju ħafna eżamijiet li għamel H. Preindl għall-ħruġ kemm tal-kwalifika ta’ prattikant tad-dentistrija kif ukoll tal-kwalifika ta’ tabib. Din il-proċedura tikkostitwixxi modalità prevista mil-liġi nazzjonali fl-Awstrija, iżda, skont il-Ministeru, tmur b’mod ċar kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36 u timplika, barra minn hekk, inugwaljanza fit-trattament, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni sinjifikattiva, bejn iċ-ċittadini Awstrijaċi u ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Repubblika Taljana, li jipprovdu espliċitament li r-reġistrazzjoni simultanja f’żewġ korsijiet ta’ taħriġ hija pprojbita.

20      Il-qorti tar-rinviju tqis li t-taħriġ part-time jista’ jiġi dedott mill-possibbiltà li jiġu segwiti b’mod simultanju diversi korsijiet universitarji u tistaqsi jekk, minkejja n-natura awtomatika tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, fis-sens tal-Artikoli 21 u 24 tad-Direttiva 2005/36, tali taħriġ jikkonformax mal-kundizzjonijiet minimi previsti fl-Artikolu 24 u fl-Anness V ta’ din id-direttiva. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din il-qorti tistaqsi wkoll jekk l-Istat Membru li quddiemu tressqet it-talba għal rikonoxximent tal-kwalifika ta’ taħriġ jistax jivverifika jekk it-taħriġ miksub part-time fl-Istat Membru tal-oriġini jkunx jikkorrispondi effettivament mat-taħriġ minimu previst minn dawn id-dispożizzjonijiet.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 21, 22 u 24 tad-Direttiva [2005/36] jimponu fuq Stat Membru, fejn hemm l-obbligu ta’ taħriġ full-time u l-projbizzjoni korrelativa ta’ reġistrazzjoni simultanja għal żewġ korsijiet universitarji, ir-rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki li minflok ikunu nkisbu fl-Istat Membru ta’ oriġini b’mod simultanju jew f’perijodi parzjalment sovrapposti?

2)      F’każ ta’ risposta affermattiva, l-Artikolu 22(a) u l-Artikolu 21 tad-Direttiva [2005/36] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità tal-Istat Membru li mingħandha huwa mitlub ir-rikonoxximent għandha madankollu d-dritt li tivverifika l-kundizzjoni li t-tul totali, il-livell u l-kwalità ta’ dan it-taħriġ ma jkunux inferjuri għal dawk tat-taħriġ kontinwu full-time?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

22      Kif issemma fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jista’ jiġi raġonevolment dedott mill-fatt li l-persuna kkonċernata segwiet simultanjament diversi korsijiet universitarji li t-taħriġ universitarju twettaq part-time.

23      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-Gvern Spanjol u l-Gvern Awstrijak jirrilevaw li l-fatt li jiġu segwiti b’mod simultanju żewġ korsijiet ta’ studju ma jeskludix neċessarjament li dawn il-korsijiet jikkorrispondu għal taħriġ full-time.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni stabbilta fl-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li taw lok għat-tilwima u tislet minnhom il-konsegwenzi għad-deċiżjoni li ntalbet tagħti. Min-naħa l-oħra, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi preliminari, hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni ta’ rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C-44/17, EU:C:2018:415, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Konsegwentement, għalkemm l-argument tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Gvern Spanjol u l-Gvern Awstrijak ma jidhirx a priori nieqes minn kull probabbiltà, id-domandi preliminari għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-fatti kif indikati mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ewwel domanda

26      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 21, 22 u 24 tad-Direttiva 2005/36 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jobbligaw lil Stat Membru, li l-leġiżlazzjoni tiegħu tipprovdi l-obbligu ta’ taħriġ full-time u l-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni simultanja f’żewġ korsijiet ta’ taħriġ, jirrikonoxxi awtomatikament kwalifiki maħruġa fi Stat Membru ieħor wara taħriġ li jikkoinċidi parzjalment.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-premessa 19 tad-Direttiva 2005/36, li din tipprevedi, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari professjonijiet ta’ tabib u ta’ prattikant tad-dentistrija, sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki ta’ taħriġ, ibbażata fuq il-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2004, Ordre des architectes, C-365/13, EU:C:2014:280, punt 20).

28      Għalhekk, l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2005/36, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ rikonoxximent awtomatiku, jipprevedi li kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi, b’mod partikolari, il-kwalifiki ta’ taħriġ ta’ tabib, li jagħtu aċċess għall-attivitajiet professjonali ta’ tabib b’taħriġ bażiku, u ta’ prattikant tad-dentistrija msemmija rispettivament fil-punti 5.1.1 u 5.3.2 tal-Anness V ta’ din id-direttiva li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ imsemmija rispettivament fl-Artikoli 24 u 34 tal-imsemmija direttiva, billi jagħtuhom, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-attivitajiet professjonali u l-eżerċizzju tagħhom, l-istess effett fit-territorju tiegħu bħall-kwalifiki ta’ taħriġ li huwa stess joħroġ.

29      Barra minn hekk, l-Artikolu 22(a) tad-Direttiva 2005/36 jipprevedi li, f’dak li jirrigwarda ċerti tipi ta’ taħriġ, inkluż it-taħriġ mediku bażiku u taħriġ ta’ prattikant tad-dentistrija msemmija rispettivament fl-Artikoli 24 u 34 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw it-taħriġ part-time, taħt kundizzjonijiet previsti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati Membri, sakemm it-tul totali, il-livell u l-kwalità ta’ dan it-taħriġ ma jkunux inferjuri għal dak tat-taħriġ kontinwu full-time.

30      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma tipprekludi lill-Istati Membri milli jawtorizzaw reġistrazzjoni simultanja f’diversi korsijiet ta’ taħriġ.

31      Għaldaqstant, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ taħriġ, inklużi b’mod partikolari l-kwalifika ta’ tabib b’taħriġ bażiku u l-kwalifika ta’ prattikant tad-dentistrija, għandu jkun awtomatiku u mingħajr kundizzjonijiet fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-ekwivalenza tal-kwalifiki ta’ taħriġ imsemmija mid-Direttiva 2005/36, mingħajr ma jkunu jistgħu jitolbu mill-persuni kkonċernati l-osservanza ta’ kundizzjonijiet differenti minn dawk stabbiliti minn din id-direttiva. Dan ir-rikonoxximent huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka tal-Istati Membri fis-suffiċjenza tal-kwalifiki ta’ taħriġ maħruġa mill-Istati Membri l-oħra, peress li din il-fiduċja hija bbażata fuq sistema ta’ taħriġ li l-livell tagħha ġie stabbilit bi ftehim komuni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Tennah‑Durez, C-110/01, EU:C:2003:357, punt 30).

32      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 21, 22 u 24 tad-Direttiva 2005/36 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jobbligaw lil Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tipprevedi l-obbligu ta’ taħriġ full-time u l-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni simultanja f’żewġ korsijiet ta’ taħriġ, sabiex jirrikonoxxi awtomatikament kwalifiki ta’ taħriġ imsemmija minn din id-direttiva u maħruġa fi Stat Membru ieħor fi tmiem taħriġ li jikkoinċidi parzjalment.

 Fuq it-tieni domanda

33      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21 u l-Artikolu 22(a) tad-Direttiva 2005/36 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru ospitanti jista’ jivverifika l-osservanza tal-kundizzjoni li t-tul totali, il-livell u l-kwalità tat-taħriġ part-time ma jkunux inferjuri għal dawk tat-taħriġ kontinwu full-time.

34      Kif diġà ġie espost fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2005/36, fl-Artikoli 21 sa 22 tagħha, tipprevedi r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki ta’ tabib u ta’ prattikant tad-dentistrija, u tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jorganizzaw, fl-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti, korsijiet ta’ taħriġ part-time fil-mediċina u fid-dentistrija. Issa, ir-responsabbiltà li jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta’ taħriġ, kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi, stabbiliti mid-Direttiva 2005/36 ikunu kompletament osservati taqa’ fuq l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li joħroġ il-kwalifiki ta’ taħriġ (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-19 ta’ Ġunju 2003, Tennah‑Durez, C-110/01, EU:C:2003:357, punt 56).

35      Din għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-kwalifiki ta’ taħriġ jippermettu lid-detenturi tagħhom sabiex jiċċaqilqu u jipprattikaw fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, bis-saħħa tar-rikonoxximent awtomatiku u mingħajr kundizzjonijiet ta’ dawn il-kwalifiki (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Tennah‑Durez, C-110/01, EU:C:2003:357, punt 56), li huwa bbażat, kif tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fis-suffiċjenza tal-kwalifiki ta’ taħriġ maħruġa mill-Istati Membri oħra.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku u mingħajr kundizzjonijiet tal-kwalifiki ta’ taħriġ bħal dik prevista fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2005/36 tkun serjament affettwata jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontestaw, fid-diskrezzjoni tagħhom, il-fondatezza tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor li joħroġ l-imsemmija kwalifika (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Tennah‑Durez, C-110/01, EU:C:2003:357, punt 75).

37      Issa, in-natura awtomatika u mingħajr kundizzjonijiet tar-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ taħriġ tibqa’ l-istess meta l-Istat Membru ta’ oriġini joħroġ kwalifika ta’ taħriġ wara taħriġ mediku bażiku jew taħriġ ta’ prattikant tad-dentistrija, mogħti skont l-Artikolu 22(a) tad-Direttiva 2005/36. F’dan il-kuntest ukoll, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini, bl-esklużjoni ta’ dawk tal-Istat Membru ospitanti, li għandhom jiżguraw li t-tul totali, il-livell u l-kwalità tat-taħriġ kontinwu part-time ma jkunux inferjuri għal dawk tat-taħriġ kontinwu full-time, u, b’mod iktar ġenerali, li r-rekwiżiti kollha stabbiliti fid-Direttiva 2005/36 ikunu kompletament osservati.

38      Għall-kompletezza, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 50(2) tad-Direttiva 2005/36 jippermetti lill-Istat Membru ospitanti, fil-każ ta’ dubju ġġustifikat, jeżiġi mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru konferma tal-awtentiċità taċ-ċertifikati u tal-kwalifiki ta’ taħriġ maħruġa f’dan l-Istat Membru l-ieħor, kif ukoll, fejn xieraq, il-konferma tal-fatt li l-benefiċjarju jissodisfa, għall-professjonijiet koperti minn din id-direttiva, il-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ meħtieġa minnha.

39      Tali mezz jippermetti, barra minn hekk, li l-Istat Membru ospitanti jiżgura li ċ-ċertifikati u l-kwalifiki ta’ taħriġ ippreżentati lilu jistgħu jibbenefikaw mir-rikonoxximent awtomatiku u mingħajr kundizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Tennah Durez, C-110/01, EU:C:2003:357, punt 76).

40      Għalhekk, meta kors jissodisfa r-rekwiżiti ta’ taħriġ stabbiliti mid-Direttiva 2005/36, li hija l-awtorità tal-Istat Membru li joħroġ il-kwalifika ta’ taħriġ li għandha tivverifika, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti ma jistgħux jirrifjutaw ir-rikonoxximent ta’ din il-kwalifika. Il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun segwiet taħriġ part-time, skont l-Artikolu 22(a) ta’ din id-direttiva, jew diversi korsijiet b’mod simultanju jew matul perijodi parzjalment sovrapposti huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li r-rekwiżiti ta’ taħriġ stabbiliti fl-imsemmija direttiva huma ssodisfatti.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 21 u l-Artikolu 22(a) tad-Direttiva 2005/36 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li l-Istat Membru ospitanti jivverifika l-osservanza tal-kundizzjoni li t-tul totali, il-livell u l-kwalità tat-taħriġ part-time ma jkunux inferjuri għal dawk tat-taħriġ kontinwu full-time.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 21, 22 u 24 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jobbligaw lil Stat Membru, li l-leġiżlazzjoni tiegħu tipprevedi l-obbligu ta’ taħriġ full-time u l-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni simultanja f’żewġ korsijiet ta’ taħriġ, sabiex jirrikonoxxi awtomatikament kwalifiki ta’ taħriġ imsemmija minn din id-direttiva u maħruġa fi Stat Membru ieħor fi tmiem taħriġ li jikkoinċidi parzjalment.

2)      L-Artikolu 21 u l-Artikolu 22(a) tad-Direttiva 2005/36 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li l-Istat Membru ospitanti jivverifika l-osservanza tal-kundizzjoni li t-tul totali, il-livell u l-kwalità tat-taħriġ part-time ma jkunux inferjuri għal dawk tat-taħriġ kontinwu full-time.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.