Language of document : ECLI:EU:C:2018:995

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis‑6 ta’ Diċembru 2018 (1)

Kawża C566/17

Związek Gmin Zagłębia Miedziowego w Polkowicach

vs

Szef Krajowej Administracji Skarbowej

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocławiu, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Dritt għal tnaqqis fit-taxxa tal-input imħallsa fuq provvisti ta’ oġġetti u servizzi użati b’mod inseparabbli għall-finijiet ta’ attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet mhux ekonomiċi — Determinazzjoni tal-proporzjon deduċibbli tat-taxxa tal-input — Prinċipju ta’ newtralità fiskali — Jekk u sa fejn il-kalkolu tat-taxxa tal-input għandu jiġi previst mil-liġi — Assenza ta’ regoli nazzjonali dwar il-metodi li jiddeterminaw it-tqassim tat-taxxa tal-input fuq oġġetti u servizzi użati b’mod inseparabbli għall-finijiet ta’ attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet mhux ekonomiċi”






1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari qed titressaq fil-kuntest ta’ tilwima li tikkonċerna l-portata tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq oġġetti u servizzi użati b’mod inseparabbli minn persuni taxxabbli għall-finijiet kemm tal-attivitajiet ekonomiċi kif ukoll tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħhom.

2.        Filwaqt li jidher li mis-sistema tad-Direttiva 2006/112/KE (2) jirriżulta li dan id-dritt jista’ jintalab biss fir-rigward ta’ oġġetti u servizzi użati għall-finijiet tal-ewwel tip ta’ attivitajiet, din id-direttiva ma tipprevedix metodi jew kriterji għat-tqassim tat-taxxa tal-input f’tali sitwazzjonijiet. Il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex gwida dwar jekk minħabba l-fatt li d-dritt nazzjonali wkoll ma fihx regoli speċifiċi li jittrattaw din il-kwistjoni, tiġix affettwata l-portata sa fejn persuna taxxabbli tista’ teżerċita d-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input fir-rigward ta’ tali oġġetti u servizzi. B’mod partikolari, il-mistoqsija li tqum hija jekk hemmx fid-dritt tal-Unjoni Ewropea prinċipju ġenerali jew dritt fundamentali li jkun jipprekludi lill-qorti nazzjonali f’dawn iċ-ċirkustanzi milli tapplika dawn il-limiti fuq id-dritt għal tnaqqis għall-każ fil-kawża prinċipali.

 Direttiva 2006/112/KE

3.        L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112/KE jiddefinixxi “persuna taxxabbli” bħala “kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività”. Skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, korpi pubbliċi ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli “fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet”.

4.        Titolu X tad-Direttiva 2006/112/KE (“TNAQQIS”) huwa maqsum f’diversi kapitoli. L-Artikolu 168 fil-Kapitolu 1 li huwa intitolat “Oriġini u skop tad-dritt ta’ tnaqqis”, jipprovdi li “[s]akemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, [din] il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas […] [(3)]: (a) il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra” (4).

5.        Fil-Kapitolu 2 (“Tnaqqis proporzjonali”), l-Artikolu 173(1) jipprovdi li “[f]il-każ ta’ merkanzija jew servizzi użati minn persuna taxxabbli kemm għal transazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-VAT tista’ titnaqqas […] għal transazzjonijiet li fir–rigward tagħhom il-VAT ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss tal-VAT li hi attribwibbli għat-transazzjonijiet ta’ qabel għandha l-possibbiltà li tiġi mnaqqsa”. Dan l-artikolu jkompli jispeċifika li “[l]–proporzjon li jista’ jitnaqqas għandu jkun stabbilit, skond [il-formula prevista fl-]Artikoli 174 u 175” (5).

 Id-dritt nazzjonali

 Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja

6.        F’konformità mal-Artikolu 217 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, miżuri marbuta mal-impożizzjoni ta’ taxxi, inklużi d-determinazzjoni ta’ persuni taxxabbli, ir-rati tat-taxxa, kif ukoll ir-regoli għall-għoti ta’ tnaqqis fiskali u maħfriet, flimkien mal-kategoriji ta’ persuni taxxabbli eżentati mit-taxxa għandhom jiġu pprovduti mil-liġi.

 Il-Liġi dwar il-VAT

7.        Id-Direttiva 2006/112/KE ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Pollakk permezz tal-Ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-taxxa fuq l-oġġetti u s-servizzi) tal‑11 ta’ Marzu 2004, kif emendata (6).

8.        L-Artikolu 15(6) tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi li “persuni taxxabbli” ma għandhomx jinkludu awtoritajiet pubbliċi u l-uffiċċji ta’ dawn l-awtoritajiet fir-rigward ta’ dazji ex lege, għall-attività li għaliha ġew stabbiliti, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet imwettqa skont kuntratti tad-dritt privat.

9.        L-Artikolu 86(1) tal-Liġi dwar il-VAT tittrasponi l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE fl-ordinament ġuridiku nazzjonali. Dan jipprovdi li “sa fejn l-oġġetti u s-servizzi jintużaw sabiex jitwettqu tranżazzjonijiet taxxabbli persuna taxxabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 15 għandha d-dritt li tnaqqas l-ammont tat-taxxa tal-input mill-ammont tat-taxxa dovuta […]” (enfasi miżjuda minni).

10.      L-Artikolu 90(1) sa (3) tal-Liġi dwar il-VAT jirrifletti l-Artikoli 173 sa 175 tad-Direttiva 2006/112/KE sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw it-tnaqqis proporzjonali tal-VAT fil-każ ta’ oġġetti u servizzi użati minn persuna taxxabbli kemm għal attivitajiet ekonomiċi li għalihom il-VAT hija deduċibbli kif ukoll għal dawk li għalihom il-VAT ma hijiex deduċibbli.

11.      Mill‑1 ta’ Jannar 2016, ġew miżjuda l-paragrafi 2a sa 2h mal-Artikolu 86 tal-Liġi dwar il-VAT. Dawn id-dispożizzjonijiet daħħlu lista mhux eżawrjenti ta’ metodi li persuna taxxabbli tista’ tuża sabiex tiddetermina l-proporzjon deduċibbli tal-VAT tal-input imħallsa fuq provvisti użati t-tnejn li huma għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi u l-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-istess persuna taxxabbli.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

12.      Iż-Związek Gmin Zagłębia Miedziowego w Polkowicach (iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali”) hija entità tad-dritt pubbliku li diversi awtoritajiet lokali kkonferewlha l-kompitu li twettaq l-obbligi statutorji tagħhom fir-rigward tal-immaniġġar ta’ skart fiż-żoni ġeografiċi li għalihom huma diversament responsabbli. L-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali tirċievi tariffa għall-immaniġġar ta’ skart peress li tiffrankalhom dawn l-obbligi. Skont id-dritt nazzjonali l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali ma hijiex meqjusa bħala persuna taxxabbli u għaldaqstant l-attivitajiet tagħha ma humiex suġġetti għall-VAT f’dan il-kuntest.

13.      Bejn l-2013 u l-2015, l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali pprovdiet servizzi addizzjonali bi ħlas li jikkonsistu fil-provvista u t-trasport ta’ kontejners għal tipi varji ta’ skart. Il-provvista ta’ dawn is-servizzi tikkostitwixxi f’attività ekonomika għall-finijiet tad-Direttiva 2006/112/KE. Xi wħud minn dawn l-attivitajiet huma suġġetti għall-VAT b’rati differenti, filwaqt li oħrajn huma eżentati mill-VAT.

14.      Matul dan il-perijodu, l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali sostniet infiq kapitali kif ukoll infiq mid-dħul tagħha. Xi ftit minn dan l-infiq kien marbut mal-provvisti li saru kemm fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi kif ukoll tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħha.

15.      L-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali kellha dubju dwar kif għandha tikkalkola b’mod korrett il-proporzjon deduċibbli tal-VAT tal-input imposta fuq dawn il-provvisti. Għalhekk din talbet lix-Szef Krajowej Administracji Skarbowej (il-Kap tal-Amministrazzjoni Fiskali, il-Polonja) (7) biex jieħu deċiżjoni dwar il-pożizzjoni tagħha skont ir-regoli tal-VAT.

16.      Fis‑17 ta’ Ottubru 2016, il-Kap tal-Amministrazzjoni (8) ddeċieda li sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon deduċibbli tat-taxxa tal-input, l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali, għandha, l-ewwel nett, tiddetermina l-proporzjon tat-taxxa tal-input marbut mal-attività ekonomika tagħha, jiġifieri t-tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT jew dawk eżentati minn din it-taxxa u t-tieni nett, peress li xi wħud mill-attivitajiet tagħha kienu eżentati mill-VAT, tapplika għall-ammont għalhekk miksub, il-formula stabbilita fl-Artikolu 90 tal-Liġi dwar il-VAT. Il-Kap tal-Amministrazzjoni ddeċieda wkoll li kienet biss ir-responsabbiltà tal-persuna taxxabbli biex tagħżel il-metodu għall-kalkolu.

17.      L-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali kkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Din argumentat li l-Liġi dwar il-VAT ma tipprevedi l-ebda tqassim inizjali tal-VAT tal-input u li għalhekk id-dritt tagħha għal tnaqqis ta’ din it-taxxa jista’ jkun biss suġġett għall-applikazzjoni tal-formula stabbilita fl-Artikolu 90 tal-Liġi dwar il-VAT.

18.      B’rabta ma’ dan, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li fiż-żmien tal-fatti ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li tistabbilixxi l-kriterji jew il-metodi għall-kalkolu tal-proporzjon deduċibbli tal-VAT tal-input imħallsa fuq provvisti użati b’mod inseparabbli kemm għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi kif ukoll tal-attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ persuna taxxabbli. Il-qorti tar-rinviju tindika li fil-każ ta’ persuni ġuridiċi li jwettqu obbligi statutorji tad-dritt pubbliku, għalkemm frazzjoni biss ta’ dawn il-provvisti effettivament jissodisfaw il-finijiet ta’ attività ekonomika filwaqt li l-frazzjoni li jifdal tintuża għal attivitajiet li jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE, l-assenza ta’ tali regoli wasslet għal prattika amministrattiva li tirrikonoxxi d-dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input imħallsa fuq dawn il-provvisti (9). Il-qorti tar-rinviju żżid li din il-prattika ġiet żviluppata fuq il-bażi tas-sentenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) tal‑24 ta’ Ottubru 2011 (10) flimkien mal-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 217 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, li d-dritt li jiġu imposti taxxi u imposti hija l-kompetenza esklużiva tal-leġiżlatur.

19.      F’dan il-kuntest il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċedura quddiemha u għamlet id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 168(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE […], kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, jipprekludu prattika nazzjonali li tagħti dritt sħiħ li titnaqqas it-taxxa [għal tnaqqis sħiħ tat-taxxa] tal-input marbuta max-xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jintużaw kemm għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT (intaxxati u eżentati) u kif ukoll għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, minħabba l-assenza fil-liġi nazzjonali ta’ metodi u ta’ kriterji ta’ tqassim tal-ammonti tat-taxxa tal-input għat-tipi ta’ tranżazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq?”

20.      L-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal‑20 ta’ Settembru 2018, dawn il-partijiet kollha flimkien mal-konvenut fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju (il-Kap tal-Amministrazzjoni) ippreżentaw sottomissjonijiet orali.

 Rimarki preliminari

21.      Kif spjegajt iktar ’il fuq (11), l-obbligu statutorju prinċipali tal-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali huwa l-provvista ta’ servizzi fl-interess pubbliku. Il-qorti tar-rinviju, b’mod xieraq tinnota li dawn l-attivitajiet ma jikkostitwixxux attività ekonomika skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/112/KE u ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Jirriżulta li skont l-Artikolu 13 tagħha l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali ma hijiex persuna taxxabbli f’dan ir-rigward.

22.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li proporzjon residwu biss tal-attivitajiet tal-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali huma ekonomiċi fin-natura tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112/KE u b’konsegwenza ta’ dan hija persuna taxxabbli għall-finijiet ta’ din id-direttiva biss fir-rigward ta’ dawn l-aħħar attivitajiet.

23.      L-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali ma tiġbor l-ebda VAT tal-output marbuta mas-servizzi li tipprovdi fil-missjoni statutorja tagħha fl-interess pubbliku. Għall-kuntrarju, għandha l-obbligu li żżid il-VAT tal-output bir-rata applikabbli mal-prezz tas-servizzi addizzjonali li tipprovdi lill-klijenti tagħha u tiġbor din it-taxxa mingħandhom.

24.      Il-fornituri tal-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali jimponu l-VAT tal-input bir-rati applikabbli fuq l-oġġetti u s-servizzi li din tal-aħħar tikseb, irrispettivament mill-finijiet li għalihom din sussegwentement tuża dawn il-provvisti. Hawnhekk, tista’ ssir distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ provvisti: (i) provvisti użati esklużivament għall-finijiet ta’ attività ekonomika; (ii) provvisti użati esklużivament għall-finijiet ta’ attività statutorja fl-interess pubbliku; u (iii) provvisti użati b’mod inseparabbli għall-finijiet taż-żewġ tipi ta’ attivitajiet (12).

25.      Huwa magħruf fil-kawża prinċipali li l-VAT tal-input imposta fuq l-ewwel kategorija ta’ provvisti hija deduċibbli b’mod sħiħ, filwaqt li l-VAT tal-input imposta fuq it-tieni kategorija ta’ provvisti ma hijiex deduċibbli.

 Evalwazzjoni tad-domanda preliminari

26.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex gwida dwar il-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-prattika amministrattiva tal-għoti lil persuni taxxabbli li simultanjament iwettqu attività statutorja fl-interess pubbliku u attività ekonomika, bħall-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali, tad-dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input fir-rigward ta’ provvisti użati b’mod inseparabbli kemm għall-finijiet ta’ attivitajiet ekonomiċi kif ukoll ta’ attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ persuna taxxabbli (it-tielet kategorija msemmija iktar ’il fuq).

27.      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jidhru li ġejjin mill-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni mhux biss fil-Liġi dwar il-VAT, iżda wkoll fid-Direttiva 2006/112/KE, li tittratta din il-kwistjoni.

28.      Hija ġurisprudenza stabbilita li d-Direttiva 2006/112/KE ma tarmonizzax il-metodi jew il-kriterji li l-Istati Membri huma obbligati japplikaw meta jadottaw dispożizzjonijiet li jippermettu tqassim tal-ammonti tal-VAT tal-input skont jekk l-infiq sottostanti huwiex użat għal attivitajiet ekonomiċi jew attivitajiet mhux ekonomiċi (13).

29.      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li s-sistema ta’ tnaqqis proporzjonali prevista fl-Artikoli 173 sa 175 tad-Direttiva 2006/112/KE tista’ tiġi applikata biss għal każijiet li fihom l-oġġetti u s-servizzi jintużaw mill-persuna taxxabbli sabiex twettaq kemm tranżazzjonijiet ekonomiċi li jagħtu dritt għal tnaqqis kif ukoll tranżazzjonijiet ekonomiċi li ma jagħtux dritt għal tnaqqis (14). Għalhekk, ma hijiex intiża li tiġi applikata, fil-kuntest tal-VAT tal-input, fuq provvisti użati b’mod inseparabbli kemm għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi kif ukoll attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ persuna taxxabbli.

30.      B’rispett għall-kompetenza residwa tal-Istati Membri u għal raġunijiet prattiċi relatati mad-diversità u l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet fattwali, li ma jippermettux lill-Qorti tal-Ġustizzja tiffavorixxi metodu jew formula waħda minn oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tissostitwixxi ruħha mal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea u mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex tistabbilixxi metodu ġenerali ta’ kalkolu prorata bejn attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet mhux ekonomiċi (15).

31.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-metodi u l-kriterji xierqa għal dan il-għan, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji li fuqhom hija msejsa s-sistema komuni tal-VAT sabiex il-persuni taxxabbli jkunu jistgħu jagħmlu l-kalkoli meħtieġa (16). Filwaqt li l-Istati Membri għandhom għalhekk obbligu li jistabbilixxu dawn il-metodi u l-kriterji, dawn għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ dawn ir-regoli (17), sakemm huma ma jittraskurawx il-finalità u l-pożizzjoni tal-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE fi ħdan l-iskema tal-VAT (18).

32.      Għalhekk, ser nibda l-evalwazzjoni tiegħi billi nesplora l-limiti ta’ din is-setgħa diskrezzjonali. Ser nagħmilha f’diversi stadji: L-ewwel nett, ser neżamina jekk id-Direttiva 2006/112/KE jew il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludux l-għoti lil persuna taxxabbli tad-dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input imħallsa fuq provvisti użati b’mod inseparabbli kemm għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi kif ukoll tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħha. Jekk it-tweġiba għal din il-mistoqsija tkun fl-affermattiv, ser nindirizza l-implikazzjonijiet ta’ din il-konklużjoni fit-termini tas-setgħa diskrezzjonali li jgawdu minnha l-Istati Membri u tal-obbligi tal-qrati nazzjonali. Finalment, ser neżamina jekk madankollu, l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali tistax, minkejja dan, toqgħod fuq dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2006/112/KE jew fuq prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea biex tiżgura dritt sħiħ għal tnaqqis sħiħ.

 Id-Direttiva 2006/112/KE jew il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludu d-dritt għal sħiħ tnaqqis?

33.      Ser nibda billi nfakkar il-karatteristiċi bażiċi tas-sistema tal-VAT kif inhi ddefinita mid-Direttiva 2006/112/KE.

34.      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod kostanti spjegat li l-“karatteristiċi essenzjali” tal-VAT huma dawn li ġejjin: (i) il-VAT tapplika b’mod ġenerali għat-tranżazzjonijiet (provvista) li jkollhom oġġetti jew servizzi bħala s-suġġett tagħhom (il-prinċipju ta’ universalità); (ii) hija proporzjonata għall-prezz mitlub mill-persuna taxxabbli bħala ħlas għall-oġġetti jew għas-servizzi pprovduti minnha; (iii) hija imposta f’kull stadju tal-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, inkluż l-istadju tal-bejgħ bl-imnut, irrispettivament min-numru ta’ tranżazzjonijiet li jkunu seħħew qabel; u (iv) l-ammonti mħallsa fl-istadji preċedenti tal-proċess tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni jitnaqqsu mill-VAT dovuta mill-persuna taxxabbli, b’tali mod li din it-taxxa, fi stadju partikolari, effettivament tapplika biss għall-valur miżjud f’dak l-istadju u b’tali mod li l-piż finali tat-taxxa jaqa’ b’mod definittiv fuq il-konsumatur, li ma għandu l-ebda dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input (19). F’termini ekonomiċi, il-VAT hija għalhekk taxxa ġenerali fuq id-dħul, mhux kumulattiva u b’diversi stadji.

 Il-pożizzjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input fl-iskema komuni tal-VAT

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod kostanti ddeċidiet li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input huwa parti integrali tas-sistema tal-VAT u jikkostitwixxi prinċipju fundamentali li fuqu hija msejsa s-sistema komuni tal-VAT (20).

36.      Madankollu, id-dritt la huwa awtonomu u ma għandux jiġi analizzat b’mod iżolat.

37.      L-ewwel nett, il-karatteristika ċentrali tas-sistema tal-VAT hija li kull persuna taxxabbli tiġbor il-VAT f’isem l-Istat mill-klijenti tagħha billi timponiha fuq il-prezz tal-oġġetti u s-servizzi pprovduti. Din il-VAT tal-output ma hijiex proprjetà tal-persuna taxxabbli: skont id-definizzjoni, din għandha tgħaddi lit-teżor pubbliku fit-termini speċifikati. It-tieni nett, persuna taxxabbli għandha d-dritt li tillimita l-portata ta’ din ir-responsabbiltà biss jekk u sa fejn hija preċedentement ħallset il-VAT tal-input lill-fornituri tagħha, li dawn inkludew fil-prezz tal-provvisti tagħhom u ġabruha, bl-istess mod f’isem l-Istat.

38.      Dan jiġbor fil-qosor l-essenza proprja tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input skont l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE. Jista’ jingħad li filwaqt li l-prinċipju ta’ impożizzjoni huwa primarju, id-dritt għal tnaqqis huwa fin-natura tiegħu anċillari.

39.      Inevitabbilment jirriżulta li d-dritt għal tnaqqis huwa intiż biss sabiex jeħles lill-persuna taxxabbli, bħala kollettur f’isem l-Istat, mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa matul l-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu. Għalhekk, is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud tiggarantixxi li dawn l-attivitajiet kollha, irrispettivament mill-għanijiet u mir-riżultati tagħhom, sakemm l-imsemmija attivitajiet ikunu huma stess suġġetti għall-VAT, jiġu ntaxxati b’mod għalkollox newtrali (il-prinċipju ta’ newtralità fiskali) (21).

40.      Barra minn hekk, dan id-dritt huwa suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet.

41.      B’mod partikolari, osservajt fil-konklużjonijiet tiegħi fi Stradasfalti (22) li l-frażi “[s]a kemm l-oġġetti u s-servizi huma użati għall-iskopijiet […] [tat-]tranżazzjonijiet taxxabbli” fl-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva (23) (il-predeċessur tad-Direttiva 2006/112/KE) tikkostitwixxi limitu fuq il-portata ta’ dan id-dritt. Diversi snin wara, il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament ikkonfermat il-pożizzjoni tiegħi billi ddeċidiet li jidher ċar li mill-parti introduttiva tal-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-ħolqien u l-portata tad-dritt għal tnaqqis, jirriżulta li huma biss it-tranżazzjonijiet tal-output li jkunu ġew intaxxati li jistgħu jagħtu d-dritt għal tnaqqis tal-VAT imposta fuq l-akkwist ta’ oġġetti u servizzi użati fit-twettiq ta’ dawn it-tranżazzjonijiet (24). Jirriżulta li d-dritt għal tnaqqis jippreżupponi li l-persuna taxxabbli tkun hija stess għamlet it-tranżazzjonijiet taxxabbli fl-attività ekonomika tagħha.

42.      Jirriżulta wkoll li l-avveniment li wassal għal dan id-dritt ma huwiex il-mument meta l-VAT tal-input tiġi imposta, iżda l-mument meta l-persuna taxxabbli tuża l-provvisti tal-input għall-finijiet tal-attività ekonomika tagħha. Fejn l-oġġetti jew is-servizzi huma użati għall-għanijiet ta’ tranżazzjonijiet li huma taxxabbli bħala outputs, tnaqqis tat-taxxa tal-input fuqhom jiġi impost sabiex tiġi evitata taxxa doppja (25).

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tiddeċiedi b’mod konsistenti li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq l-akkwist ta’ oġġetti jew servizzi tal-input jippresupponi li l-infiq sostnut fl-akkwist tagħhom kien komponent tal-ispiża tat-tranżazzjoni tal-output li wassal għad-dritt għal tnaqqis. Għalhekk, sabiex il-VAT tkun tista’ titnaqqas, it-tranżazzjonijiet tal-input għandu jkollhom rabta diretta u immedjata ma’ tranżazzjonijiet tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis (26). Fejn ma hemm l-ebda rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni tal-input u tranżazzjoni tal-output partikolari jew tranżazzjonijiet li jwasslu għad-dritt għal tnaqqis, il-persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas il-VAT tal-input sakemm l-ispejjeż ta’ din it-tranżazzjoni jagħmlu parti mill-ispejjeż ġenerali u, bħala tali, jikkostitwixxu waħda mill-komponenti tal-prezz tal-oġġetti jew s-servizzi li din il-persuna taxxabbli tipprovdi hija stess. Dawn l-ispejjeż fil-fatt għandhom rabta diretta u immedjata mal-attività ekonomika ta’ persuna taxxabbli fl-intier tagħha (27).

44.      Għall-kuntrarju, hekk kif ir-rabta diretta u immedjata bejn l-infiq tal-input imħallas u l-attivitajiet ekonomiċi sussegwentement imwettqa mill-persuna taxxabbli tinqata’, ma tista’ titnaqqas l-ebda VAT tal-input. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha ċara li din hija partikolari għall-każ fejn l-oġġetti jew is-servizzi akkwistati minn persuna taxxabbli huma użati għall-finijiet ta’ tranżazzjoni li jew huma eżentati jew li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT. F’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, l-ebda taxxa tal-output ma għandha tinġabar fuq dawn it-tranżazzjonijiet u, għaldaqstant, l-ebda taxxa tal-input ma għandha titnaqqas (28).

45.      L-istruttura proprja tal-iskema komuni tal-VAT timplika li t-tnaqqis tat-taxxi tal-input huwa marbut mal-ġbir tat-taxxa tal-output (29). Għalhekk naqbel kompletament mal-Avukat Ġenerali Kokott li persuna taxxabbli ma għandhiex tasserixxi d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input mingħajr ma tħallas taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-output. Fid-dawl tal-loġika tad-Direttiva 2006/112/KE, dan il-“mod assimetriku”, bħala prinċipju huwa eskluż (30).

46.      Għalhekk, għalija hija kompletament ċara li l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali ma tistax toqgħod fuq id-Direttiva 2006/112/KE sabiex tikseb id-dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input imposta fuq il-provvisti magħmula b’mod inseparabbli kemm għall-finijiet tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħha kif ukoll tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha.

47.      Għalkemm dawn il-provvisti fil-fatt jirrappreżentaw rabta mal-attività ekonomika tal-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali, frazzjoni żgħira biss ta’ kull waħda minn dawn il-provvisti ġiet effettivament użata għall-finijiet tal-attività li fuqha l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali imponiet il-VAT tal-output.

48.      B’mod ċar, l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali għandha titħalla tnaqqas il-frazzjoni li tikkorrispondi għall-VAT tal-input f’konformità mal-Artikolu 168(1) tad-Direttiva 2006/112/KE. Madankollu, dan ikun imur kontra l-prinċipju ta’ simetrija msemmi iktar ’il fuq jekk l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali tista’ wkoll tnaqqas il-bqija tal-VAT tal-input, li ma tikkorrispondi għall-ebda VAT tal-output.

49.      L-Avukat Ġenerali Szpunar analizza l-implikazzjonijiet tal-għoti ta’ tali dritt fil-konklużjonijiet tiegħu f’Český rozhlas (31). Huwa kkonkluda li jekk isir hekk, ikun kuntrarju għal-loġika tas-sistema komuni tal-VAT, b’mod iktar preċiż, għat-termini kategoriċi u ċari tal-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE. Din l-analiżi tista’ tiġi trasposta hawnhekk.

50.      Għalhekk, li kieku l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali kellha tkun intitolata li tnaqqas il-VAT tal-input kollu tagħha, dan l-ammont neċessarjament ikun jaqbeż b’marġini kunsiderevoli l-VAT tal-output li tkun ġabret. L-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali tkun għalhekk intitolata li tikseb ħlas lura ta’ din id-differenza bis-saħħa tal-Artikolu 183 tad-Direttiva 2006/112/KE (32). B’konsegwenza ta’ dan il-ħlas lura, kemm l-attività ekonomika tagħha u parti mill-attività pubblika tagħha jkunu kompletament meħlusa mill-VAT, minkejja li fir-rigward ta’ din l-aħħar attività, l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali ssib ruħha fl-aħħar tal-katina tal-provvista u, għaldaqstant, bis-saħħa tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-pożizzjoni tagħha ġiet assimilata ma’ dik ta’ konsumatur finali. Minħabba li l-ebda VAT tal-output ma ġiet mgħoddija lill-klijenti tal-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali fil-qafas tal-attività statutorja tagħha, il-proporzjon tal-provvisti tal-input użat għall-finijiet ta’ din l-attività tibqa’ ma tkunx intaxxata matul il-katina tal-provvista. Fi kliem ieħor, din tkun toħloq eżenzjoni ratione personae għal ċerta kategorija ta’ provvisti għal persuni taxxabbli li jwettqu kemm attivitajiet mhux taxxabbli kif ukoll attivitajiet taxxabbli. Tali eżenzjoni ma hijiex preżenti fid-Direttiva 2006/112/KE. Din tkun tikser ukoll il-prinċipju ta’ universalità tal-VAT u l-loġika proprja tas-sistema tal-VAT (33).

51.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjoni preċedenti, wasalt għall-konklużjoni provviżorja li l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE manifestament jipprekludi l-għoti lil persuna taxxabbli li twettaq kemm attivitajiet mhux taxxabbli kif ukoll attivitajiet taxxabbli, id-dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input imħallsa fuq provvisti użati b’mod inseparabbli għal dawn iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet.

 Prinċipju ta’ newtralità fiskali

52.      Fis-sottomissjonijiet tagħha insostenn tat-talba tagħha għad-dritt għal tnaqqis sħiħ, l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali toqgħod fuq il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li hija tarah bħala dritt fundamentali ta’ persuna taxxabbli. Hija targumenta li kwalunkwe limitu għal dan id-dritt għandu jiġi interpretat b’mod strett.

53.      Huwa minnu li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali huwa inerenti fis-sistema komuni tal-VAT (34) u li huwa prinċipju fundamentali li fuqu hija msejsa s-sistema (35). Madankollu, ma inix persważa mill-argumenti tal-Assoċjazzjonijiet tal-Gvernijiet Lokali.

54.      L-ewwel nett, huwa ċertament korrett li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali kien intiż mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrifletti, f’materji relatati mal-VAT, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fi trattament (36). Madankollu, filwaqt li dan il-prinċipju tal-aħħar għandu natura kostituzzjonali skont id-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jeħtieġ il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jeħtieġ redazzjoni leġiżlattiva li fuq livell Komunitarju tista’ ssir biss permezz ta’ att tad-dritt sekondarju u jista’, konsegwentement, ikun is-suġġett, f’att leġiżlattiv bħal dan, ta’ preċiżjonijiet (37). Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma huwiex regola tad-dritt primarju iżda prinċipju ta’ interpretazzjoni, li għandu jiġi applikat b’mod parallel mal-prinċipji koeżistenti tas-sistema tal-VAT (38). Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali, l-ebda dritt fundamentali ta’ persuna taxxabbli ma jista’ jiġi dderivat minn dan il-prinċipju.

55.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma japplikax għal tranżazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-VAT. Għalhekk, fil-konfront ta’ limitu univokali fil-frażi introduttorja tal-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, dan ma jippermettix li tiġi estiża l-portata tat-tnaqqis tal-VAT tal-output lil hinn mit-tranżazzjonijiet użati strettament għall-finijiet tal-attività ekonomika ta’ persuna taxxabbli (39).

56.      Taħt il-pretest ta’ sejħa sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet tad-dritt għal tnaqqis, l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali tressaq interpretazzjoni li twassal għall-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe limitu bħal dan u li — fl-opinjoni tiegħi — hija manifestament contra legem.

57.      Li kieku persuna taxxabbli li twettaq kemm attivitajiet mhux taxxabbli kif ukoll attivitajiet taxxabbli tingħata l-permess biex toqgħod fuq dritt għal tnaqqis sħiħ, dan ikun jagħtiha vantaġġ fir-rigward kemm tat-tranżazzjonijiet tal-input tagħha (id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input) kif ukoll tat-tranżazzjonijiet tal-output (id-dritt li ma titlobx il-VAT tal-output). Ovvjament, dan irendi l-effett ekonomiku tal-VAT f’wieħed li mhux newtrali, iżda pożittiv (favuriha). Il-pożizzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali tkun għalhekk imtejba lil hinn mil-livell li jkun jirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

58.      Ir-riżultat ikun li lil tali persuna taxxabbli jkun ingħatalha trattament iktar favorevoli minn kategoriji oħra ta’ operaturi ekonomiċi f’sitwazzjonijiet paragunabbli u tkun għalhekk tinvolvi distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali preċiżament ifittex li jevita (40). Dan ikun jirriżulta wkoll fl-għoti ta’ vantaġġ ekonomiku inġustifikat lil tali persuna taxxabbli meta mqabbla mal-konsumatur finali (41).

59.      Jekk tali interpretazzjoni kellha tiġi segwita, ikun biżżejjed għal entità li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/112/KE biex tinvolvi ruħha f’attività ekonomika anki jekk fuq skala pjuttost marġinali — pereżempju, muniċipalità li tpoġġi għad-dispożizzjoni distributuri awtomatiċi ta’ xarbiet mhux alkoħoliċi fil-kunsill lokali jew tbigħ siġar tal-Milied lir-residenti lokali — sabiex tkun tista’ tnaqqas it-totalità tal-VAT tal-input tagħha mħallsa fuq provvisti użati b’mod inseparabbli kemm għall-attivitajiet ekonomiċi kif ukoll għall-attivitajiet pubbliċi tagħha. Tali vantaġġ inammissibbli ma setax ikun intiż mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

60.      Għalhekk, ser nasal għall-konklużjoni preliminari li kemm l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE kif ukoll il-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-iskema komuni tal-VAT, b’mod partikolari dak ta’ newtralità fiskali, manifestament jipprekludu l-għoti lil persuna taxxabbli li twettaq kemm attivitajiet mhux taxxabbli kif ukoll attivitajiet taxxabbli tad-dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input.

 Is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri u l-obbligi tal-qrati nazzjonali

61.      Mill-analiżi tal-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li l-finijiet sottostanti u l-għan komuni tas-sistema tal-VAT hija l-korrispondenza bejn it-tnaqqis tat-taxxa tal-input u l-ġbir tal-imsemmija taxxa tal-output (42). Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom fir-rigward tar-regoli tat-tqassim tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jevitaw sa fejn huwa possibbli, fl-interessi tat-trattament ugwali bejn kategoriji differenti ta’ persuni taxxabbli u bejn il-persuni taxxabbli li jwettqu kemm attivitajiet mhux taxxabbli kif ukoll attivitajiet taxxabbli u l-konsumaturi finali, sitwazzjonijiet ta’ konsum finali mhux intaxxat (43).

 Obbligu ġenerali li jagħti effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni

62.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom b’mod li jiggarantixxu li t-tnaqqis isir biss għal dik il-parti tal-VAT tal-input attribwibbli għat-tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis. Għaldaqstant, huma għandhom jiżguraw li l-kalkolu tal-proporzjon bejn attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet mhux ekonomiċi jirrifletti oġġettivament il-parti ta’ allokazzjoni reali tal-ispejjeż tal-input għal kull waħda minn dawn iż-żewġ attivitajiet (44).

63.      Minn dak li qiegħda nifhem, il-pożizzjoni li pprevaliet fil-Polonja sal‑1 ta’ Jannar 2016, il-prattika amministrattiva deskritta mill-qorti tar-rinviju kienet tikkonsisti fl-għoti tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq provvisti użati b’mod inseparabbli kemm għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi kif ukoll tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-persuna taxxabbli.

64.      Tali prattika tfixkel il-bilanċ bejn it-tnaqqis tal-VAT tal-input u l-ġbir tal-VAT tal-output, u taffettwa l-livell ta’ taxxa u twassal għal trattament mhux ugwali bejn il-kategoriji differenti ta’ persuni taxxabbli u bejn l-Istati Membri u għalhekk għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Għalhekk hija possibbli li tostakola l-prinċipju ta’ uniformità fl-applikazzjoni tal-iskema komuni tal-VAT (45).

65.      Peress li kwalunkwe modifika fuq il-portata tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT għandha impatt fuq il-livell tat-tariffa fiskali u għalhekk għandu japplika b’mod simili fl-Istati Membri kollha, din il-prattika taffettwa l-essenza proprja tal-funzjonament tal-iskema komuni tal-VAT (46). Il-premessa 39 tad-Direttiva 2006/112/KE, li tistabbilixxi li “[l]-proporzjon deduċibbli għandu jkun ikkalkolat bl-istess mod fl-Istati Membri kollha”, jikkonferma li fil-fatt din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

66.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE (47), ir-riżorsi proprji tal-Unjoni huma bbażati, inter alia, fuq il-VAT (48). Jirriżulta li hemm rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul li ġej mill-VAT u t-tqegħid tar-riżorsi korrispondenti għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Kull nuqqas fil-ġbir tal-ewwel, b’mod partikolari minħabba estensjoni tal-portata tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input, ifarrak il-bażi tat-taxxa u għaldaqstant iwassal għal tnaqqis tat-tieni. Sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 325 TFUE, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu l-ġbir effettiv u integrali tal-VAT fit-territorji tagħhom (49).

67.      Jirriżulta li l-applikazzjoni tal-prattika nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun, b’mod ċar, tmur kontra l-finijiet u l-prinċipji bażiċi tas-sistema komuni tal-VAT stabbiliti mid-Direttiva 2006/112/KE u possibbilment tkun timpedixxi l-effettività tagħha u għalhekk tfixkel l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

68.      Filwaqt li l-Istati Membri jgawdu mil-libertà li jagħżlu l-metodu applikabbli għat-tqassim tal-VAT deduċibbli, skont l-Artikolu 288 TFUE, għandhom xorta waħda jiżguraw li l-portata tad-dritt għal tnaqqis tikkorrispondi ma’ dik meħtieġa mid-Direttiva 2006/112/KE. Huma ma jgawdu mill-ebda diskrezzjoni f’dan ir-rigward (50).

69.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa qabel kollox il-leġiżlatur nazzjonali li għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jissodisfa dawn l-obbligi (51).

70.      Nista’ nifhem li mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-leġiżlatur Pollakk emenda l-Liġi dwar il-VAT b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2016 u li din l-emenda temmet il-prattika amministrattiva tal-għoti tad-dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input fuq provvisti użati b’mod inseparabbli kemm għall-finijiet ta’ attivitajiet ekonomiċi kif ukoll ta’ attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ persuna taxxabbli (52).

71.      Madankollu, il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-perijodu ta’ bejn l-2013 u l-2015. Għalhekk, huwa f’idejn il-qorti tar-rinviju biex tagħti wkoll effett sħiħ lid-Direttiva 2006/112/KE matul dan il-perijodu billi tinterpreta l-leġiżlazzjoni applikabbli sa fejn huwa għalkollox possibbli fid-dawl tal-Artikolu 168(a) ta’ din id-direttiva kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja jew, kif inhu meħtieġ, ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni (53). Jekk il-metodi ta’ interpretazzjoni li d-dritt nazzjonali jirrikonoxxi, jippermettu, f’dan il-kuntest, li dispożizzjoni tas-sistema ġuridika interna tiġi interpretata b’tali mod li jkun evitat kunflitt ma’ regola oħra ta’ dritt intern jew li, għal dan il-għan, tkun limitata l-portata ta’ din id-dispożizzjoni billi tkun applikata biss sa fejn tkun kompatibbli mal-imsemmija regola, il-qorti hija obbligata tuża l-istess metodi sabiex tilħaq ir-riżultat intenzjonat mid-direttiva (54). Ovvjament, dawn l-obbligi ma għandhomx jeżiġu lill-qorti tar-rinviju tadotta interpretazzjoni contra legem tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli (55).

72.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li b’rabta mar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea hemm inkluż l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Konsegwentement, qorti nazzjonali ma tistax validament tikkunsidra li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod kostanti, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea (56).

73.      Jiena nikkonkludi li, bħala prinċipju, id-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi interpretata bħala li teżiġi qorti nazzjonali, fi proċeduri li jikkonċernaw persuna taxxabbli, bħall-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali, sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha sal-punt l-iktar wiesa’ possibbli u b’tali mod li tiżgura li t-tnaqqis isir biss fir-rigward tal-proporzjon tal-VAT tal-input li oġġettivament jirrifletti l-portata sa fejn l-infiq tal-input intuża għall-finijiet tal-attività ekonomika ta’ din il-persuna taxxabbli.

 L-eċċezzjoni fir-rigward ta’ prinċipji ġenerali u drittijiet fundamentali

74.      Peress li l-kawża inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju tinvolvi implimentazzjoni ta’, b’mod partikolari, l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE u għalhekk l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (57), il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura wkoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta lill-persuni taxxabbli fil-kawża prinċipali. Dawn id-drittijiet ma jistgħux jiġu immedjatament mwarrba mill-obbligu li jiżgura l-ġbir effettiv tar-riżorsi tal-Unjoni (58).

75.      Fi kliem ieħor, il-prinċipju li dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jilħaq il-limiti tiegħu meta l-applikazzjoni tiegħu għall-fatti fil-kawża prinċipali tkun twassal għal ksur tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta jew fil-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (59). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk qorti nazzjonali tiżgura ruħha li tali interpretazzjoni tkun twassal għal ksur ta’ dawn id-drittijiet jew prinċipji, ma tkunx marbuta mal-obbligu li tapplika din l-interpretazzjoni, anki jekk l-osservanza ta’ dan l-obbligu tippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea. (60)

76.      Għalhekk ser neżamina jekk l-obbligu li tiġi applikata din l-interpretazzjoni fil-kawża prinċipali jkunx possibbli li jwassal għal ksur ta’ dritt fundamentali jew prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, l-ewwel ser nidentifika d-drittijiet fundamentali jew il-prinċipji ġenerali u sussegwentement neżamina l-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li stabbilixxejt iktar ’il fuq għall-fatti fil-kawża prinċipali.

77.      L-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali targumenta li mhux biss mid-dritt Pollakk, iżda wkoll mid-dritt tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-ebda metodu għall-kalkolu ma jista’ jiġi applikat għaliha b’tali mod li jaffettwa d-dritt tagħha għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input, sakemm dan il-metodu ma huwiex espressament previst mil-liġi.

78.      Jiena lesta li naċċetta l-proposta li l-prinċipju li l-ebda taxxa ma tista’ tiġi imposta sakemm ma hijiex prevista mil-liġi (fi kliem ieħor il-prinċipju ta’ legalità fiskali: nullum tributum sine lege) jifforma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea. Din tista’ tidher bħala espressjoni speċifika, fil-kuntest ta’ liġi dwar it-taxxa, tal-libertà ta’ intrapriża, tad-dritt fundamentali għall-proprjetà u tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

79.      Minkejja dan, ma naħsibx li l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali tista’ tintlaqa’ fil-kawża prinċipali billi toqgħod fuq id-dritt tal-Unjoni Ewropea sabiex tressaq talba għal dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input imħallsa fuq provvisti użati b’mod inseparabbli għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet mhux ekonomiċi. Kif ser nuri iktar ’l isfel, il-prinċipju ta’ legalità fiskali skont id-dritt tal-Unjoni jittratta d-dritt tal-Istati Membri li jimponu taxxi, filwaqt li l-każ fil-kawża prinċipali huwa sempliċement dwar il-metodu għall-kalkolu tal-ammont tat-taxxa dovuta.

80.      Ser nibda billi nanalizza l-portata tal-prinċipju ta’ legalità fiskali skont id-dritt tal-Unjoni. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 6(3) TUE (61) u tal-Artikolu 52(3) tal-Karta (62), ser nagħmel dan, l-ewwel nett, b’riferiment għall-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-“KEDB”) u sussegwentement għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri.

 Eżami fid-dawl tal-KEDB

81.      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti ta’ Strasbourg”) stabbilixxiet il-prinċipju ta’ legalità fiskali fil-kuntest tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 (63). Dan l-artikolu jipprovdi li “[ħ]add ma għandu jiġi pprivat mill-possedimenti tiegħu ħlief fl-interess pubbliku u bla ħsara għal-kundizzjonijiet provduti bil-liġi u bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali” mingħajr ma “[jnaqqsu b’ebda mod id]-dritt ta’ Stat li jwettaq dawk il-liġijiet li jidhrulu xierqa biex jikkontrolla l-użu ta’ proprjetà skont l-interess ġenerali jew biex jiżgura l-ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra jew pieni” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali].

82.      Il-Qorti ta’ Strasbourg iddeċidiet, b’mod partikolari, li taxxa tammonta għal interferenza mad-dritt għal tgawdija paċifika tal-proprjetà u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 (64). Din irrikonoxxiet li l-Istati Kontraenti jgawdu minn “marġni diskrezzjonali wiesgħa” fil-materji ta’ taxxa (65) u għalhekk “għandhom jingħataw xi livell ta’ rispett u libertà addizzjonali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fiskali tagħhom skont it-test tal-legalità” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali] (66). Din kompliet tiddeċiedi li t-test huwa limitat għal verifika ta’ jekk it-taxxa hijiex “f’konformità mad-dritt nazzjonali u li d-dritt innifsu [huwa] ta’ kwalità suffiċjenti sabiex jippermetti lil rikorrenti jipprevedi l-konsegwenza tal-imġiba tiegħu jew tagħha”, li teżiġi li d-“dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt nazzjonali [jkunu] suffiċjentement aċċessibbli, preċiżi u prevedibbli” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali] (67).

83.      Il-kunċett ta’ “liġi” skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 jalludi għall-istess kunċett li jinsab bnadi oħra fil-KEDB (68). Għalhekk, għandu portata awtonoma u wiesgħa li ma hijiex limitata għal atti li joriġinaw mil-leġiżlatur. Dan jinkludi kostituzzjonijiet, dritt statutorju sensu stricto, leġiżlazzjoni sekondarja u trattati internazzjonali li fihom l-Istat Kontraenti huwa parti (69).

84.      B’mod partikolari, il-ġurisprudenza li għandha titqies bħala li taqa’ fil-portata tal-kunċett ta’ “liġi” skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 (70). Għalhekk, “ġurisprudenza ċara, konsistenti u disponibbli għall-pubbliku tista’ tipprovdi bażi suffiċjenti għal interferenza ‘legali’ mad-drittijiet iggaranti mill-Konvenzjoni, meta din il-ġurisprudenza tkun ibbażata fuq interpretazzjoni raġonevoli tal-leġiżlazzjoni primarja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (71).

85.      Finalment, il-Qorti ta’ Strasbourg irrikonoxxiet li biex tinkiseb preċiżjoni assoluta fl-abbozzar tal-liġijiet huwa oġġettivament impossibbli, speċjalment fil-qasam tat-taxxa. B’konsegwenza ta’ dan, ħafna mil-liġijiet inevitabbilment huma espressi f’termini ġenerali u l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom għandhom jiġu stabbiliti permezz tal-prattika (72).

86.      Jirriżulta li l-prinċipju tal-legalità skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 jimplika li l-elementi essenzjali tat-taxxa għandhom jiġu previsti mil-liġi jew mill-ġurisprudenza, filwaqt li rekwiżit bħal dan ma jeżistix fir-rigward ta’ ċerti elementi sekondarji oħra li jiddefinixxu l-portata tar-responsabbiltà tat-taxxa.

 Eżami fid-dawl tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni bejn l-Istati Membri

87.      Il-prinċipju tal-legalità fiskali jidher li huwa rrikonoxxut fil-maġġoranza tal-Istati Membri. F’xi wħud, dan jifforma parti minn tradizzjoni kostituzzjonali li ilha teżisti żmien (73). F’ħafna minnhom, dan il-prinċipju huwa espliċitament stabbilit f’att ta’ livell kostituzzjonali, filwaqt li f’oħrajn huwa dderivat mill-prinċipju kostituzzjonali tad-dispożizzjonali legali (74).

88.      Bħala regola, il-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri jistabbilixxu dan il-prinċipju f’termini pjuttost ġenerali (75), li jħallu f’idejn il-qrati kostituzzjonali u ordinarji l-kompitu biex jinterpretawh. Madankollu, uħud minnhom, ikomplu jispeċifikaw l-elementi li għandhom jiġu ddefiniti mil-liġi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ ta’ Franza (76), il-Greċja (77), il-Portugall (78) u l-Polonja (79).

89.      Analiżi ddettaljata tal-leġiżlazzjoni u tal-ġurisprudenza ta’ sezzjoni trasversali ta’ 11-il Stat Membru (80) tindika li t-tradizzjonijiet kostituzzjonali ta’ dawn l-Istati Membri jikkoinċidu fir-rekwiżit li l-elementi kollha essenzjali inerenti fit-taxxa jiġu previsti mil-liġi. Minn 11-il Stat Membru, tmienja minnhom iqisu l-elementi li ġejjin bħala essenzjali: l-indikazzjoni ta’ min tista’ tkun persuna taxxabbli, l-avveniment li fuqu eventwalment għandha titħallas it-taxxa, il-bażi għall-evalwazzjoni tat-taxxa, ir-rata tat-taxxa u l-garanziji proċedurali li persuna taxxabbli tgawdi minnhom (81).

90.      Xi wħud mill-Istati Membri biss iqisu ċerti elementi addizzjonali bħala essenzjali. Dawn l-elementi addizzjonali jinkludu l-indikazzjoni tal-benefiċjarju tat-taxxa (l-Estonja), il-proċeduri għall-ħlas (il-Polonja u l-Estonja), it-termini li jirregolaw meta t-taxxa għandha titħallas (l-Estonja), ir-regoli għall-għoti ta’ tnaqqis fiskali u maħfriet, flimkien mal-kategoriji ta’ persuni taxxabbli eżentati mit-taxxa (il-Polonja u l-Greċja) u l-proċeduri għall-ħlas u l-irkupru tat-taxxa u d-definizzjoni ta’ penalitajiet u sanzjonijiet (il-Portugall).

91.      Barra minn hekk, jidher li huwa b’mod ġenerali aċċettat f’dawn l-Istati Membri li filwaqt li huwa oġġettivament impossibbli li jiġu ddefiniti r-regoli kollha li jikkonċernaw taxxa f’liġi, il-liġi għandha xorta waħda tippermetti lil persuna taxxabbli tkun taf minn qabel u tikkalkola l-ammont tat-taxxa li għandu jitħallas.

92.      Pereżempju, filwaqt li l-ordni kostituzzjonali Ġermaniża tidher li teżiġi l-leġiżlazzjoni fiskali sabiex tippermetti lil persuna taxxabbli tikkalkola t-taxxa dovuta, l-elementi ddettaljati li jippermettu li jiġi kkalkolat bi preċiżjoni aritmetika l-obbligu tat-taxxa ma huwiex meħtieġ. Huwa biżżejjed li l-leġiżlazzjoni tippermetti lil persuna taxxabbli tantiċipa l-portata tal-piż tat-taxxa filwaqt li tippermettilu jadotta l-imġiba tiegħu. B’mod simili, fil-Portugall il-prinċipju tal-legalità ma jidhirx li jimponi r-rekwiżit strett li l-leġiżlazzjoni applikabbli tipprovdi lill-kontribwent bl-elementi kollha meħtieġa biex jikkalkola l-ammont eżatt tat-taxxa dovuta mingħajr l-iċken dubju. Madankollu, huwa meħtieġ li — fid-dawl tal-elementi essenzjali ddefiniti mil-liġi — il-piż tat-taxxa jkun kwantifikabbli u, sa ċertu punt, prevedibbli u kalkolabbli. Dan jidher ukoll fil-Greċja, il-metodu għall-kalkolu tad-dħul għall-finijiet tat-taxxa tagħha ma huwiex meqjus bħala wieħed mill-elementi kostituttivi tat-taxxa.

93.      Fil-każ ta’ x’jikkostitwixxi l-“liġi”, jidher li huwa b’mod ġenerali aċċettat f’dawn l-Istati Membri li, bħala prinċipju, taxxa għandha tiġi ddefinita f’att li huwa legalment vinkolanti b’applikazzjoni ġenerali adottat mil-leġiżlatur u ppubblikat kif xieraq. Għalhekk, f’diversi Stati Membri l-leġiżlazzjoni nnifisha tista’ tiġi ssupplimentata bi strumenti sekondarji adottati mill-entitajiet eżekuttivi skont il-portata tas-setgħat speċifikament iddelegati lilhom (82) jew skont il-kompetenza ġenerali tagħhom (83). F’diversi Stati Membri oħra ċerti elementi speċifiċi, spiss tekniċi fin-natura tagħhom, jidhru li huma ddeterminati mill-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet dwar it-taxxa li ma humiex vinkolanti (84).

94.      Karatteristika komuni oħra bejn dawn il-11-il Stat Membru tidher li hija r-rekwiżit għal preċiżjoni, ċarezza u prevedibbiltà ta’ leġiżlazzjoni fiskali (85). Għalhekk, jista’ jkun hemm projbizzjoni fuq l-applikazzjoni b’analoġija ta’ leġiżlazzjoni fiskali u f’każ ta’ dubju, japplika r-rekwiżit li l-istess leġiżlazzjoni tiġi interpretata favur il-persuna taxxabbli (86).

95.      F’diversi Stati Membri li eżaminajt, bħall-Polonja, ma jidhirx li hemm regoli speċifiċi dwar it-tqassim tal-VAT tal-input mill-persuni taxxabbli li jwettqu kemm attivitajiet mhux taxxabbli kif ukoll attivitajiet taxxabbli (87).

96.      Fil-Pajjiżi l-Baxxi (88), l-Isvezja (89) u r-Renju Unit l-assenza ta’ tali leġiżlazzjoni ġiet irrimedjata permezz ta’ atti sekondarji tal-awtoritajiet fiskali kompetenti. F’dawn it-tliet Stati Membri, persuna taxxabbli tidher li għandha l-obbligu ġenerali li tagħżel u tapplika metodu xieraq ta’ tqassim, suġġett għal reviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

97.      Għalhekk, pereżempju, fir-Renju Unit, bis-saħħa tat-Taqsima 26(3) tal-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud tal‑1994 (il-liġi dwar il-VAT), il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (l-Awtorità Ewlenija tat-Taxxa fir-Renju Unit) għamlu strumenti statutorji li jistabbilixxu eżempji ta’ kriterji u metodi għat-tqassim (90). Barra minn hekk, skont it-Taqsima 102ZA(1) ta’ dik il-liġi din l-awtorità tista’ tapprova metodu propost minn persuna taxxabbli jew tindikalha metodu ieħor li huwa iżjed xieraq.

98.      Il-prattika tal-qrati f’dan l-Istat Membru jidhirli li tikkonferma li fl-assenza ta’ kwalunkwe kriterju jew metodu vinkolanti, l-għażla ta’ metodu li jiżgura attribuzzjoni xierqa u raġonevoli tat-taxxa tal-input taqa’ f’idejn il-persuna taxxabbli u tiddependi miċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħha. Jidher li huwa aċċettat ukoll li d-dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input fuq tranżazzjonijiet użati b’mod inseparabbli għal attivitajiet mhux ekonomiċi kif ukoll attivitajiet ekonomiċi jkun jikser il-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

99.      Fil-Ġermanja, ir-regoli intiżi sabiex jittrasponu l-Artikoli 173 u 174 tad-Direttiva 2006/112/KE fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż jidhru li huma meqjusa li japplikaw b’analoġija għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-proporzjon deduċibbli tal-VAT tal-input imħallsa fuq tranżazzjonijiet użati b’mod inseparabbli għal attivitajiet mhux ekonomiċi kif ukoll attivitajiet ekonomiċi.

100. Huwa interessanti li fir-Repubblika Ċeka n-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) qagħdet fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Český rozhlas (91) flimkien mal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’din il-kawża (92) sabiex tiċħad l-argument tar-rikorrent li huwa kien intitolat għad-dritt għal tnaqqis sħiħ peress li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma pprevediet l-ebda metodu għat-tqassim tal-VAT tal-input. In-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tidher li kkunsidrat li r-rikorrent kien meħtieġ jagħżel l-iktar metodu xieraq u jikkalkola huwa stess il-proporzjon deduċibbli tal-VAT tal-input. (93)

101. Minn din is-sezzjoni trasversali jidher li t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni bejn l-Istati Membri, bħall-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1, jeżiġu li l-elementi essenzjali ta’ taxxa jiġu previsti mil-liġi b’manjiera li hija suffiċjentement ċara, preċiża u prevedibbli, iżda ma jimponu l-ebda obbligu sabiex jirregolaw b’mod eżawrjenti kull dettall.

102. Salv għall-elementi diskussi fil-punti 96 sa 100 iktar ’il fuq, ma inix konxja ta’ miżuri jew deċiżjonijiet f’wieħed mill-Istati Membri li fadal li jirregolaw il-metodu tat-tqassim tal-proporzjon deduċibbli tal-VAT tal-input imħallsa fuq provvisti użati b’mod inseparabbli għal attività mhux ekonomika u attività ekonomika jew li jipprekludu xi limitu għad-dritt għal tnaqqis ta’ tali taxxa fuq ir-raġuni li l-ebda metodu jew kriterju għall-kalkolu tal-ammont tat-taxxa dovuta ma huwa speċifikat fil-corpus tal-liġi nazzjonali dwar it-taxxa. Jekk wieħed iħares lejha minn din il-perspettiva, il-prattika amministrattiva deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju tidher bħala eċċezzjoni.

 Eżami fid-dawl tal-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea

103. L-Artikolu 16 tal-Karta jirrikonoxxi l-libertà ta’ intrapriża, “skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”. Skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta, “[k]ull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt”. Din id-dispożizzjoni tkompli tispeċifika li “[l]-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku”.

104. Sa fejn l-obbligu ta’ persuna taxxabbli jista’ jidher sempliċement bħala li tgħaddi lit-teżor pubbliku l-VAT tal-output li tkun ġabret mill-klijenti tagħha f’isem l-Istat, id-dritt għall-proprjetà huwa immaterjali. Id-dispożizzjonijiet tal-Karta intiżi sabiex jipproteġu dan id-dritt huma madankollu rilevanti għall-portata tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input (94).

105. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li d-dritt għall-proprjetà u l-libertà ta’ intrapriża ma humiex assoluti. L-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess pubbliku, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet fil-fatt jikkorrispondu għal dawn l-għanijiet u ma jikkostitwixxux, b’rabta mal-għan mixtieq, interferenza sproporzjonata u intollerabbli, li tfixkel is-sustanza proprja tad-drittijiet iggarantiti. Fir-rigward b’mod iktar speċifiku għal-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet — fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Karta, li tiddistingwi ruħha mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-libertajiet fundamentali l-oħra stabbiliti fit-Titolu II tagħha, filwaqt li toqrob lejn il-formulazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Titolu IV ta’ din l-istess Karta — li din il-libertà tal-impriża tista’ tiġi suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (95).

106. Barra minn hekk, anki l-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa rilevanti f’dan il-kuntest. F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dan il-prinċipju jeżiġi li dispożizzjonijiet legali għandhom ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom speċjalment fejn dawn jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi għal individwi u impriżi (96). Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali japplika b’mod partikolarment strett meta jkun hemm inkwistjoni leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi responsabbiltajiet finanzjarji, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu b’eżattezza l-obbligi li din il-leġiżlazzjoni timponi fuqhom (97). Finalment, li l-leġiżlatur nazzjonali jistabbilixxi l-punt ta’ tluq ta’ att li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea bħala data li hija preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu, ikun imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali salv f’ċirkustanzi eċċezzjonali ġġustifikati minħabba f’għan ta’ interess ġenerali (il-projbizzjoni ta’ retroattività) (98).

 Konklużjoni provviżorja dwar it-tifsira tal-prinċipju ta’ legalità fiskali

107. Hawnhekk, ser nenfasizza li d-determinazzjoni tal-istandard ta’ protezzjoni skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea fid-dawl tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni bejn l-Istati Membri u tal-Karta, ma hijiex xjenza preċiża.

108. Jekk taxxa partikolari tikkonformax mal-istandard ta’ protezzjoni li jirriżulta mill-prinċipju ta’ legalità fiskali dedott b’dan il-mod, tista’ tiġi evalwata biss fuq bażi ta’ każ b’każ, li bħala punt ta’ riferiment tittieħed il-pożizzjoni ta’ persuna taxxabbli fl-ordinament ġuridiku kkonċernat fl-intier tiegħu. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk, tirreżisti t-tentazzjoni li tidentifika, fis-sentenza tagħha, lista eżawrjenti tal-elementi li jiddefinixxu taxxa li għandha tiġi prevista mil-liġi.

109. Fl-istess ħin, naċċetta li huwa meħtieġ li jiġu ddefiniti ċerti parametri komuni ta’ konformità ma’ dan il-prinċipju. Sa fejn stajt nivverifika, l-istandard ta’ protezzjoni fil-kuntest tat-taxxa jvarja xi ftit bejn l-Istati Membri eżaminati iktar ’il fuq. Fl-opinjoni tiegħi dawn id-differenzi fil-livell meħtieġ ta’ kompletezza jew preċiżjoni sempliċement jirriflettu l-fatt li Stati Membri differenti joqogħdu fuq mezzi differenti biex jilħqu riżultat komuni. Ma għandi l-ebda raġuni biex naħseb li s-sitwazzjoni hija bil-kontra fil-bqija tal-Istati Membri.

110. Inqis li, b’mod ġenerali, l-elementi essenzjali kollha li jiddefinixxu l-karatteristiċi sostantivi ta’ taxxa għandhom jiġu stabbiliti b’mod univoku fid-dispożizzjonijiet applikabbli. Hawnhekk, din tfisser l-elementi li għandhom impatt dirett jew indirett fuq il-portata tar-responsabbiltà ta’ persuna taxxabbli biex tħallas il-VAT tal-input. It-taxxa inkwistjoni hija prevista mil-liġi skont l-istandard meħtieġ fejn ir-regoli applikabbli, fl-intier tagħhom, jippermettu lill-kontribwent jipprevedi u jikkalkola l-ammont tat-taxxa dovuta u jiddetermina l-mument meta din tista’ titħallas.

111. Għall-kuntrarju, ma naċċettax li s-sempliċi assenza fid-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ element anċillari li ma huwiex kapaċi jipproduċi wieħed minn dawn l-impatti jammonta minnu nnifsu għal ksur tal-prinċipju tal-legalità fiskali.

112. Għalhekk, pereżempju, l-assenza ta’ metodu għall-kalkolu tal-ammont tat-taxxa dovuta ma huwiex minnu nnifsu ta’ detriment għad-drittijiet ta’ persuna taxxabbli, fejn mill-banda l-oħra dispożizzjonijiet applikabbli fihom sett ta’ parametri neċessarji li jippermettu lil din il-persuna tipprevedi u tiddetermina dan l-ammont (99). Fl-istess spirtu, jekk sitwazzjoni partikolari ma hijiex irregolata b’mod eżawrjenti, is-sempliċi fatt li persuna taxxabbli għandha tagħżel wieħed mid-diversi modi ta’ aġir possibbli li jaqa’ fl-ambitu tas-setgħa diskrezzjonali li l-Istat Membru ddeċieda li jagħtiha minnu nnifsu ma għandux effett negattiv fuq id-drittijiet tagħha, sakemm ma jirriżultax fi twessigħ tal-portata tar-responsabbiltà fiskali tagħha.

113. Għall-kuntrarju, jekk l-applikazzjoni ta’ rekwiżit li għadu kif ġie introdott jew jekk formalità twassal retroattivament għal żieda fl-ammont tat-taxxa li għandha titħallas, dan manifestament ma jilħaqx l-istandard ta’ protezzjoni stabbilit iktar ’il fuq, minkejja l-livell ta’ kemm huwa anċillari jew insinjifikanti r-rekwiżit jew il-formalità inkwistjoni. Madankollu, dan ma huwiex il-każ skont l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE li — moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — jiddefinixxi b’mod univokali l-portata tad-dritt għal tnaqqis fil-VAT tal-input (100).

114. Fil-qosor, sa fejn hawnhekk huwa rilevanti, inqis li l-elementi li ġejjin għandhom jiġu meqjusa bħala li jifformaw parti mill-istandard funzjonali komuni ta’ protezzjoni: taxxa għandha tiġi ddefinita f’regoli legalment vinkolanti aċċessibbli għal persuni taxxabbli, bil-quddiem u b’tali mod li huwa suffiċjentement ċar, preċiż u eżawrjenti sabiex tippermetti lill-persuna taxxabbli inkwistjoni tipprevedi u tiddetermina l-ammont ta’ taxxa dovuta f’mument partikolari abbażi tat-testijiet u tad-data disponibbli jew aċċessibbli għaliha. Għaldaqstant, dawn ir-regoli ma jistgħux jimponu jew jaggravaw il-piż tat-taxxa retroattivament.

115. Għalhekk ser nikkonkludi li dan l-istandard jimplika b’mod partikolari li, fl-assenza ta’ kwalunkwe metodu għall-kalkolu tal-ammont tat-taxxa dovuta fir-regoli applikabbli, l-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti għandhom jippermettu lill-persuna taxxabbli inkwistjoni toqgħod fuq metodu tal-għażla tagħha, sakemm, b’kunsiderazzjoni tan-natura tal-attività ekonomika mwettqa, dan il-metodu jkun xieraq biex jirrifletti oġġettivament il-portata sa fejn l-infiq tal-input kien intuża għall-finijiet ta’ attività ekonomika, ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u data kredibbli u jkun jippermetti lill-awtorità kompetenti tivverifika l-preċiżjoni tal-applikazzjoni tagħha.

 Tista’ l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali toqgħod fuq il-prinċipju ġenerali ta’ legalità fiskali biex titlob id-dritt għal tnaqqis sħiħ?

116. F’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (101), hija biss responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża prinċipali twassalx għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedura tad-deċiżjoni preliminari hija unikament kompetenti li tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-konformità (102).

117. Fid-dawl ta’ dan l-għan, issa ser niddeskrivi elementi varji li l-qorti tar-rinviju tista’ tqis bħala rilevanti għall-analiżi tal-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ legalità fiskali — osservati mill-perspettiva tal-KEDB, tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni bejn l-Istati Membri u tal-Karta — għall-fatti fil-kawża prinċipali.

 Il-pożizzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali skont id-dritt Pollakk

118. Jirriżulta b’mod ċar mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u s-seduti orali li fiż-żmien tal-fatti, jiġifieri sal‑1 ta’ Jannar 2016, il-Liġi dwar il-VAT ma pprevediet l-ebda metodu jew kriterju għall-kalkolu tal-proporzjon deduċibbli tal-VAT tal-input imħallsa fuq provvisti użati b’mod inseparabbli kemm għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi kif ukoll attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ persuna taxxabbli.

119. Fis-seduta, il-parteċipanti kollha qablu li t-termini użati fl-Artikolu 86(1) tal-Liġi dwar il-VAT jirriflettu mill-qrib l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE. B’mod partikolari, l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tinkludi l-espressjoni “sakemm” li fl-opinjoni tiegħi tidher ċara ħafna biex tiddefinixxi l-portata tad-dritt għal tnaqqis, li tillimitaha għall-VAT tal-input li strettament tikkorrispondi għall-provvisti użati għall-finijiet ta’ attivitajiet taxxabbli. Xejn quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jissuġġerixxi li l-ewwel dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod differenti minn din tal-aħħar (103).

120. L-elementi li ġejjin kapaċi jkunu rilevanti f’dan ir-rigward:

121. L-ewwel nett, fis-seduta l-avukati tal-Polonja u tal-Kap tal-Amministrazzjoni kkonfermaw — mingħajr ma ġie kkontestat mill-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali — li, bħala prinċipju, l-obbligu ġenerali sabiex jiġi kkalkolat u ddikjarat l-ammont tat-taxxa dovuta kif ukoll sabiex din it-taxxa titħallas fit-terminu speċifiku huwa ċertament responsabbiltà tal-persuna taxxabbli (104).

122. It-tieni nett, il-parteċipanti, fis-sottomissjonijiet orali tagħhom qablu li, skont id-dritt Pollakk, persuni taxxabbli bħall-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali huma suġġetti għal regoli pjuttost iddettaljati dwar il-kontabbiltà għall-finijiet baġitarji u ta’ superviżjoni finanzjarja pubblika li timplika, inter alia, l-obbligu li jiġu rreġistrati t-tranżazzjonijiet kollha inkluż dawk rilevanti għall-finijiet tal-VAT.

123. F’dan ir-rigward, l-avukat tal-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali afferma li, fl-assenza ta’ metodu previst mil-liġi, id-determinazzjoni tal-ammont deduċibbli tal-VAT tal-input hija pjuttost kumplessa u ta’ piż, filwaqt li l-avukat tal-Kap tal-Amministrazzjoni insista — għal darba oħra mingħajr ma ġie kkontestat mill-parteċipanti l-oħra — li entitajiet pubbliċi bħall-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali huma f’pożizzjoni ħafna aħjar mill-awtoritajiet tat-taxxa stess sabiex jagħmlu l-kalkoli meħtieġa.

124. It-tielet nett, fis-sottomissjonijiet orali tagħhom, il-parteċipanti kkonfermaw li kull meta persuna taxxabbli jkollha xi dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet applikabbli, hija intitolata li titlob u tikseb mill-awtoritajiet deċiżjoni dwar it-taxxa li tevalwa s-sitwazzjoni speċifika tagħha u tindika kif għandha tiġi applikata l-liġi b’mod korrett (105). L-avukat tal-Kap tal-Amministrazzjoni kkonferma li, bħall-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali fil-kawża prinċipali, numru ta’ persuni taxxabbli oħra f’sitwazzjoni paragunabbli qagħdu fuq din il-proċedura u kisbu tali deċiżjoni fir-rigward tal-proporzjon deduċibbli tal-VAT tal-input.

125. Ir-raba’ nett, l-avukat tal-Kap tal-Amministrazzjoni spjega fis-seduta li qabel l-1 ta’ Jannar 2016 u wara din id-data l-persuni taxxabbli kellhom il-libertà li japplikaw metodu tal-għażla tagħhom għat-tqassim tal-VAT. Kien ġie stabbilit li l-awtorità kompetenti setgħet toġġezzjona din l-għażla biss jekk dan il-metodu ma kienx xieraq fis-sens ta’ jekk kienx jirrifletti oġġettivament il-portata sa fejn l-infiq tal-input intuża għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet ta’ persuna taxxabbli li jagħtu d-dritt għal tnaqqis. Huwa kkonferma wkoll li d-dritt għal tnaqqis ma setax jiġi rrifjutat sempliċement abbażi tar-raġuni li l-awtorità ma qablitx mal-metodu li qagħdet fuqu l-persuna taxxabbli. L-ebda minn dawn id-dikjarazzjonijiet ma ġiet ikkontestata mill-avukat tal-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali.

126. Kif qiegħda nifhem jien, l-effett ikkombinat tad-dispożizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq huwa li, fiż-żmien tal-fatti, l-elementi essenzjali kollha tal-VAT li għandhom impatt fuq l-ammont li għandu jitħallas tal-VAT (it-tributum) kienu previsti mil-liġi (lex) b’tali mod li persuni taxxabbli setgħu jwettqu l-kalkoli meħtieġa u jiddikjaraw l-ammont tal-VAT dovuta, ibbażata fuq id-dokumenti u data oħra li jinsabu fil-pussess tagħhom.

127. F’dan il-kuntest, il-metodu attwali għall-kalkolu tal-proporzjon deduċibbli tal-VAT tal-input jidher li huwa sempliċement wieħed mill-mezzi tekniċi li l-persuna taxxabbli inevitabbilment għandha tapplika sabiex tiddetermina b’mod korrett il-portata tad-dritt tagħha għal tnaqqis, meta fil-fatt hija tiddeċiedi li toqgħod fuq dan id-dritt. Il-ħtieġa li jintgħażel metodu xieraq, implikat fiż-żmien tal-fatti, tidher li hija korollarju ovvju ta’ dan id-dritt, iktar milli obbligu addizzjonali awtonomu li jkun jeħtieġ li jiġi speċifikament previst mil-liġi (106).

128. Fid-dawl tal-possibbiltà għall-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali biex tikseb deċiżjoni individwali dwar it-taxxa, l-assenza ta’ metodu speċifiku fid-dispożizzjonijiet applikabbli ma tidhirx li rrendiet id-dipendenza tagħha fuq id-dritt għal tnaqqis impossibbli jew eċċessivament diffiċli jew li rriżultat f’inċertezza insormontabbli fir-rigward tal-portata tal-obbligi tagħha fil-konfront tat-teżor pubbliku.

129. Pjuttost, mis-sottomissjonijiet bil-miktub jidher li, minħabba l-firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet fattwali possibbli, ikun ottimistiku u forsi oġġettivament xi ftit eżiġenti li wieħed jistenna li l-leġiżlatur nazzjonali jirregola b’mod eżawrjenti l-aspetti tekniċi kollha ta’ aġir ta’ persuna taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa (107). Din il-konklużjoni hija perfettament konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg u mal-pożizzjoni fi Stati Membri oħra (108).

130. Għalhekk, jien tal-fehma li l-leġiżlazzjoni applikabbli fiż-żmien tal-fatti għall-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali ma fihom l-ebda lakuna fid-definizzjoni tat-taxxa.

 Rimarki tal-għeluq

131. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti fil-fehma tiegħi jidhru li qegħdin jegħlbu l-argumenti kollha mressqa mill-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali. Jekk wieħed jgħaddi ġudizzju skont l-istandard ta’ protezzjoni li stabbilixxejt iktar ’il fuq (109), l-ebda ksur ta’ dritt fundamentali jew ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma huwa possibbli li joħroġ mill-kawża prinċipali bħala konsegwenza tal-interpretazzjoni tar-regoli applikabbli f’konformità mad-Direttiva 2006/112/KE, kif interpretata b’mod konsistenti mill-Qorti tal-Ġustizzja (110).

132. B’mod partikolari, din l-interpretazzjoni ma tidher li twassal għall-ebda inċertezza legali jew applikazzjoni retroattiva ta’ obbligi ġodda li ma humiex previsti mil-liġi. Bl-istess mod, peress li l-elementi kostituttivi kollha tat-taxxa (tributum) kienu fil-mument materjali previsti mil-liġi, din l-interpretazzjoni ma tidhirx li twassal, bis-saħħa tad-Direttiva 2006/112/KE, għall-impożizzjoni ta’ obbligu mhux previst fl-ordinament ġuridiku nazzjonali (111). Finalment, ma tidhirx li ġġib l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis fil-VAT tal-input impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

133. Il-konklużjonijiet li wasalt għalihom fil-punti 73 u 115 iktar ’il fuq ma jistax jitqajjem dubju dwarhom mill-fatt li, meta att legali tal-Unjoni jirrikjedi miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni — kif inhu fil-każ tal-kawża ineżami — l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw skont l-Artikolu 53 tal-Karta standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (112).

134. L-informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġerixxi li — minħabba l-eżistenza tal-prattiki amministrattivi msemmija fid-domandi preliminari — ma hemm l-ebda kunflitt evidenti bejn il-pożizzjoni li qiegħda nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta fil-kawża ineżami u l-prinċipji li joħorġu mill-Artikolu 217 tal-Kostituzzjoni Pollakka.

135. Kif il-qorti tar-rinviju spjegat, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, miżuri li huma relatati mal-impożizzjoni ta’ taxxi, inkluż id-determinazzjoni ta’ persuni taxxabbli, ir-rati tat-taxxa, kif ukoll ir-regoli għall-għoti ta’ tnaqqis fiskali u maħfriet, flimkien mal-kategoriji ta’ persuni taxxabbli eżentati mit-taxxa għandhom jiġu previsti mil-liġi. Mis-sottomissjonijiet orali ippreżentati mill-avukati tal-Polonja u tal-Kap tal-Amministrazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li din id-dispożizzjoni ġiet b’mod konsistenti interpretata mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali tal-Polonja) bħala li teżiġi li l-elementi essenzjali ta’ taxxa li għandhom impatt fuq il-portata tar-responsabbiltà fiskali tal-persuna taxxabbli għandhom jiġu previsti mil-liġi, iktar milli l-elementi kollha tal-istess taxxa (113).

136. Minn dak li qiegħda nifhem, dawn ir-rekwiżiti ma jidhrux li joffru ostakolu għall-qorti tar-rinviju biex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni bil-manjiera stabbilita iktar ’il fuq.

137. Jekk, minkejja dan, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dritt nazzjonali interpretat b’dan il-mod ma jissodisfax l-istandard ta’ protezzjoni ggarantit mill-Kostituzzjoni Pollakka, ma tistax tikkuntenta ruħha billi sempliċement tagħti lill-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali d-dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input b’detriment għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (114).

138. Ma nistax naċċetta li sempliċi inkonsistenza bejn l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni huwa tali li jeħles lill-qorti nazzjonali mill-obbligu primarju li tagħti effetti sħiħ tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. A fortiori dan huwa l-każ meta r-riżultat ikun li jingħata vantaġġ ekonomiku inammissibbli kunsiderevoli li ma kienx intiż mil-leġiżlatur tal-Unjoni (115). Pjuttost, fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali l-qorti tar-rinviju għandha tiskjera l-kapaċitajiet kollha tagħha, fid-dawl ta’ eżami komprensiv tal-ordinament ġuridiku nazzjonali fl-intier tiegħu, biex tagħżel is-soluzzjoni li tirrispetta l-karatteristiċi essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li huma prinċipalment is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (116).

139. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi, minbarra dak li jiena għidt fil-punti 73 u 115 iktar ’il fuq, li l-qorti nazzjonali tista’ tinħeles mill-obbligu tagħha li tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha f’konformità mad-dritt tal-Unjoni biss jekk din l-interpretazzjoni tkun tinkludi ksur tal-prinċipju li t-taxxa għandha tkun iddefinita f’regoli legalment vinkolanti aċċessibbli għal persuna taxxabbli minn qabel u b’mod li huwa suffiċjentement ċar, preċiż u eżawrjenti sabiex jippermettu lill-persuna taxxabbli inkwistjoni tipprevedi u tiddetermina l-ammont ta’ taxxa dovuta fi żmien partikolari fuq il-bażi ta’ testi u data disponibbli jew aċċessibbli għaliha. Dan kien ikun il-każ fejn dawn ir-regoli kienu jirriżultaw f’nuqqas ta’ ċertezza fir-rigward tal-ammont tat-taxxa dovuta jew minħabba l-impożizzjoni retroattiva jew l-aggravazzjoni ta’ dak l-ammont.

 Konklużjoni

140. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti li ġejjin għad-domanda preliminari magħmula mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocławiu, il-Polonja):

–      Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandha tiġi interpretata bħala li teżiġi qorti nazzjonali, fi proċeduri li jikkonċernaw persuna taxxabbli, bħaż-Związek Gmin Zagłębia Miedziowego w Polkowicach (l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali), sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha sal-punt l-iktar wiesa’ possibbli b’tali mod li tiżgura li t-tnaqqis isir biss fir-rigward tal-proporzjon tal-VAT tal-input li oġġettivament jirrifletti l-portata sa fejn l-infiq tal-input intuża għall-finijiet tal-attività ekonomika ta’ din il-persuna taxxabbli.

–      Fl-assenza ta’ kwalunkwe metodu għall-kalkolu tal-ammont tat-taxxa dovuta fir-regoli applikabbli, l-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti għandhom jippermettu lill-persuna taxxabbli inkwistjoni toqgħod fuq metodu tal-għażla tagħha, sakemm, b’kunsiderazzjoni tan-natura tal-attività ekonomika mwettqa, dan il-metodu jkun xieraq biex jirrifletti oġġettivament il-portata sa fejn l-infiq tal-input kien intuża għall-finijiet ta’ attività ekonomika, ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u data kredibbli u jkun jippermetti lill-awtorità kompetenti tivverifika l-preċiżjoni tal-applikazzjoni tiegħu.

–      Qorti nazzjonali tista’ tinħeles mill-obbligu tagħha li tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha f’konformità mad-dritt tal-Unjoni biss jekk din l-interpretazzjoni tkun tinkludi ksur tal-prinċipju li t-taxxa għandha tkun iddefinita f’regoli legalment vinkolanti aċċessibbli għal persuna taxxabbli minn qabel u b’mod li huwa suffiċjentement ċar, preċiż u eżawrjenti sabiex jippermettu lill-persuna taxxabbli inkwistjoni tipprevedi u tiddetermina l-ammont ta’ taxxa dovuta fi żmien partikolari fuq il-bażi ta’ testi u data disponibbli jew aċċessibbli għaliha. Dan kien ikun il-każ fejn dawn ir-regoli kienu jirriżultaw f’nuqqas ta’ ċertezza fir-rigward tal-ammont tat-taxxa dovuta jew minħabba l-impożizzjoni retroattiva jew l-aggravazzjoni ta’ dak l-ammont.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).


3      Il-“VAT tal-output”.


4      Il-“VAT tal-input”.


5      L-Artikolu 174 jiddefinixxi l-elementi li għandhom jiġu inklużi fin-numeratur u d-denominatur tal-frazzjoni li għandha tiġi użata biex jiġi kkalkolat il-proporzjon deduċibbli tal-VAT tal-input. L-Artikolu 175 jipprovdi li l-proporzjon deduċibbli għandu jkun ikkalkolat jew stmat fuq bażi annwali b’mod provviżorju mill-persuna taxxabbli abbażi tat-tbassir tiegħu taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa u għandu jiġi aġġustat matul is-sena sussegwenti meta l-proporzjon finali jkun magħruf.


6      Dziennik Ustaw (Ġurnal Uffiċjali), 2011, Nru 177, punt 1054 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”).


7      Iktar ’il quddiem il-“Kap tal-Amministrazzjoni”.


8      Fl-opinjoni tiegħi, dan it-tip ta’ att amministrattiv huwa, fl-essenza, dikjarazzjoni formali mill-awtoritajiet, tal-opinjoni tagħhom fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni korretti ta’ dispożizzjoni partikolari tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa għaċ-ċirkustanzi fattwali ta’ persuna taxxabbli partikolari. Din il-proċedura hija prevista fl-Artikoli 14b sa 14s tal-Ordynacja podatkowa tad‑29 ta’ Awwissu 1997 (il-Liġi dwar il-proċedura f’materji ta’ taxxa), Dziennik Ustaw (Ġurnal Uffiċjali) tal‑1997, Nru 137, Punt 926, kif emendata.


9      Iktar ’il quddiem id-“dritt għal tnaqqis sħiħ”.


10      Kawża I FSK 9/10. Il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet li f’din id-deċiżjoni, in-Naczelny Sąd Administracyjny iddeċidiet li l-formula stabbilita fl-Artikolu 90 tal-Liġi dwar il-VAT ma kinitx intiża biex tapplika għall-VAT tal-input imħallsa fuq provvisti użati b’mod inseparabbli għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi u tal-attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ persuna taxxabbli. Il-qorti tar-rinviju spjegat li fir-raġunijiet ta’ din id-deċiżjoni, in-Naczelny Sąd Administracyjny stabbilixxiet li minħabba li l-leġiżlatur Pollakk naqas milli jistabbilixxi l-metodi u l-kriterji għat-tqassim tal-VAT tal-input bejn it-tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT u t-tranżazzjonijiet mhux suġġetti għall-VAT, persuna taxxabbli għandha d-dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input imħallsa fuq dawn il-provvisti.


11      Ara l-punti 12 sa 14 iktar ’il fuq.


12      Ara l-punt 14 iktar ’il fuq.


13      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Securenta, C‑437/06, EU:C:2008:166, punt 33.


14      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt, C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496, punt 26. Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tispjega li għaldaqstant, sabiex ma tikkompromettix l-għan tan-newtralità li s-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi, tranżazzjonijiet ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE li għalhekk ma jagħtux dritt għal tnaqqis għandhom jiġu esklużi mid-denominatur tal-frazzjoni użata biex jiġi kkalkolat il-proporzjon deduċibbli tal-VAT tal-input skont l-Artikolu 173 (sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, EDM, C‑77/01, EU:C:2004:243, punt 54, u tas‑27 ta’ Settembru 2001, Cibo Participations, C‑16/00, EU:C:2001:495, punt 44).


15      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt, C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496, punt 32.


16      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Securenta, C‑437/06, EU:C:2008:166, punt 34.


17      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt, C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496, punt 27.


18      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2006, Wollny, C‑72/05, EU:C:2006:573, punt 28.


19      Ara, f’dan ir-rigward, pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2006, Banca popolare di Cremona, C‑475/03, EU:C:2006:629, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.


20      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Sosnowska, C‑25/07, EU:C:2008:395, punti 14 u 15.


21      Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Di Maura, C‑246/16, EU:C:2017:887, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.


22      Konklużjonijiet f’C‑228/05, EU:C:2006:425, punti 82 u 83 (enfasi miżjuda minni).


23      Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) (issa l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE).


24      Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, MDDP, C‑319/12, EU:C:2013:778, punt 42.


25      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2006, Uudenkaupungin kaupunki, C‑184/04, EU:C:2006:214, punt 24, u d-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Gmina Międzyzdroje, C‑500/13, EU:C:2014:1750, punt 19.


26      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt, C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496, punt 23.


27      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt, C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496, punt 24.


28      Sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2012, Eon Aset Menidjmunt, C‑118/11, EU:C:2012:97, punt 44, u tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Sveda, C‑126/14, EU:C:2015:712, punt 32.


29      Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Mateusiak C‑229/15, EU:C:2016:454, punt 24.


30      Ara l-konklużjonijiet tagħha f’VDP Dental Laboratory, C‑401/05, EU:C:2006:537, punti 95 sa 97, u f’MDDP, C‑319/12, EU:C:2013:421, punti 38 u 39.


31      C‑11/15, EU:C:2016:181, punt 51.


32      Din id-dispożizzjoni tipprovdi li fejn, għal perijodu partikolari ta’ taxxa, l-ammont ta’ tnaqqis jeċċedi l-ammont tal-VAT dovuta, l-Istati Membri jistgħu, f’konformità mal-kundizzjonijiet li huma għandhom jiddeterminaw, jew iħallsu lura jew imexxu l-eċċess ’il quddiem għall-perijodu li jmiss. Hawnhekk, l-eċċess neċessarjament għandu jkun strutturali u anki jekk jitmexxa ’l quddiem, ikun jakkumula biss maż-żmien. Finalment, dan l-iżbilanċ neċessarjament ikun iwassal għal ħlas lura effettiv.


33      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Český rozhlas, C‑11/15, EU:C:2016:181, punt 51.


34      Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, MDDP, C‑319/12, EU:C:2013:778, punt 25.


35      Sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark, C‑174/08, EU:C:2009:669, punt 40.


36      Sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark, C‑174/08, EU:C:2009:669, punt 41.


37      Sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark, C‑174/08, EU:C:2009:669, punt 42 u 43.


38      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank, C‑44/11, EU:C:2012:484, punt 45, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet il-konklużjoni li wasalt għaliha jien fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (EU:C:2012:276).


39      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Malburg, C‑204/13, EU:C:2014:147, punti 42 u 43.


40      Sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark, C‑174/08, EU:C:2009:669, punt 44.


41      Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2006, Wollny, C‑72/05, EU:C:2006:573, punt 35.


42      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2006, Wollny, C‑72/05, EU:C:2006:573, punti 33 u 37.


43      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2006, Wollny, C‑72/05, EU:C:2006:573, punt 48.


44      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Securenta, C‑437/06, EU:C:2008:166, punti 34 u 37. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li f’dan ir-rigward l-Istati Membri għandhom id-dritt li japplikaw, fejn huwa xieraq, jew formula ta’ tqassim ibbażata fuq in-natura tal-investiment, jew formula ta’ tqassim ibbażata fuq in-natura tat-tranżazzjoni, jew saħansitra kull formula xierqa oħra, mingħajr ma huma obbligati jagħżlu wieħed biss minn dawn il-metodi (punt 38 ta’ din is-sentenza).


45      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1988, Direct Cosmetics u Laughtons Photographs, 138/86 u 139/86, EU:C:1988:383, punt 23. Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑94/09, EU:C:2010:253, punt 40.


46      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Portugal Telecom, C‑496/11, EU:C:2012:557, punt 35.


47      Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas‑7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17).


48      Pereżempju, fl‑2014, li hija waħda mis-snin tat-taxxa li għaliha l-Assoċjazzjoni tal-Gvern Lokali qiegħda tfittex li tingħata d-dritt għal tnaqqis sħiħ, ir-riżorsi bbażati fuq il-VAT kienu jikkostitwixxu 13.2 % tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Ara l-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014‑2020 u l-Baġit tal-Unjoni tal‑2014, p. 24.


49      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punti 51 u 52. Jekk il-Polonja xtaqet li żżomm trattament iktar favorevoli għall-persuni taxxabbli, bħall-Assoċjazzjoni tal-Gvern Lokali, din setgħet — suġġetta għal konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat — tipprovdi sussidju, iffinanzjat mir-riżorsi proprji tagħha, minflok tippermetti eżenzjoni mill-VAT tal-input għad-detriment tal-baġit tal-Unjoni.


50      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.


51      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 64.


52      Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.


53      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 49.


54      Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 116.


55      Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2018, IR, C‑68/17, EU:C:2018:696, punt 63.


56      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 72 u 73.


57      ĠU 2010, C 83, p. 389 (iktar ’il quddiem il-“Karta”).


58      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata.


59      Ġurisprudenza reċenti tipprovdi diversi eżempji ta’ sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-effiċjenza tal-Unjoni tista’ teħtieġ li tagħti prijorità lill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127 (il-projbizzjoni ta’ pieni jew ta’ trattamenti inumani jew degradanti fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31)); tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936 (il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege fil-kuntest tal-Artikolu 325 TFUE); u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Deficiencies in the system of justice), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586 (id-dritt għal rimedju effettiv fil-kuntest tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34)).


60      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, X, C‑60/02, EU:C:2004:10, punti 61 u 63, u tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 61.


61      Dan l-artikolu jipprovdi li “[d]-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ l-Unjoni.”


62      Din id-dispożizzjoni tal-Karta tipprovdi li “[s]afejn […] il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija”, mingħajr preġudizzju għall-Unjoni li tipprovdi “protezzjoni aktar estensiva”. Għalhekk, il-kriterji żviluppati mill-Qorti ta’ Strasbourg fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-KEDB għandhom jiġu applikati fid-determinazzjoni tal-istandard minimu ta’ protezzjoni ggarantita mill-Karta (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013 Eżami mill-Ġdid ta’ Arango Jaramillo et vs Il-BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 28).


63      Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1952 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 1”).


64      Sentenza tal-Qorti EDB, tad‑9 ta’ Lulju 2002, Orion Břeclav s.r.o. vs Ir-Repubblika Ċeka, CE:ECHR:2002:0709DEC004378398, p. 7.


65      Sentenza tal-Qorti EDB, tad‑29 ta’ Jannar 2003, Masa Invest Group vs L-Ukraina, CE:ECHR:2005:1011DEC000354003, p. 12.


66      Sentenza tal-Qorti EDB, tal‑14 ta’ Mejju 2013, N.K.M. vs L-Ungerija, CE:ECHR:2013:0514JUD006652911, punt 50.


67      Sentenza tal-Qorti EDB, tal‑20 ta’ Settembru 2011, OAO Neftyanaya Kompaniya Yukos vs Ir-Russja, CE:ECHR:2011:0920JUD001490204, punt 559 (enfasi miżjuda minni).


68      Sentenza tal-Qorti EDB, tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Shchokin vs L-Ukraina, CE:ECHR:2010:1014JUD002375903, punt 51.


69      Grgić, A., Mataga, Z., Longar, M., u Vilfan, A., Il-Kunsill tal-Ewropa – Direttorat Ġenerali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Affarijiet Legali, “Le droit à la propriété dans la convention européenne des Droits de l’Homme. Un guide sur la mise en oeuvre de la convention européenne des Droits de l’Homme et de ses protocoles”, Précis sur les droits de l’homme n° 10, Settembru 2007, p. 13 (disponibbli għall-pubbliku via din il-link: https://rm.coe.int/168007ff64).


70      Sentenza tal-Qorti EDB, tad‑9 ta’ Novembru 1999, Špaček vs Ir-Repubblika Ċeka, CE:ECHR:1999:1109JUD002644995, punt 54.


71      Sentenza tal-Qorti EDB, tal‑25 ta’ Lulju 2013, Khodorkovskiy u Lebedev vs Ir-Russja, CE:ECHR:2013:0725JUD001108206, punti 881 sa 885.


72      Sentenza tal-Qorti EDB, tad‑29 ta’ Jannar 2003, Masa Invest Group vs L-Ukraina, CE:ECHR:2005:1011DEC000354003, p. 12 u 13.


73      Dan huwa, inter alia, fil-każ tar-Renju Unit, fejn dan il-prinċipju daħal fis-seħħ l-ewwel darba fil-Bill of Rights tal‑1689 (applikabbli sal-lum il-ġurnata), fil-każ ta’ Franza fejn joħroġ mid-Declaration des droits de l’homme et du citoyen tas‑26 ta’ Awwissu 1789 (idem) u fil-każ tal-Polonja li kien ġie stabbilit fl-Artykuły henrykowskie tal‑1573, u li baqa’ fis-seħħ sal‑24 ta’ Ottubru 1795.


74      Dan jidher li huwa l-każ tal-Awstrija u l-Ġermanja.


75      Din jidher li huwa, b’mod partikolari l-każ ta’: Il-Belġju (l-Artikolu 170(1) tal-Kostituzzjoni Belġjana), Ċipru (l-Artikolu 24(2) tal-Kostituzzjoni Ċiprijotta), l-Estonja (l-Artikolu 113 tal-Kostituzzjoni Estonjana), il-Finlandja (l-Artikolu 81(1) tal-Kostituzzjoni Finlandiża), l-Italja (l-Artikolu 23 tal-Kostituzzjoni Taljana), l-Irlanda (l-Artikoli 22.2.1 sa 22.2.6 tal-Kostituzzjoni Irlandiża), il-Pajjiżi l-Baxxi (l-Artikolu 104 tal-Kostituzzjoni Olandiża), ir-Repubblika Ċeka (l-Artikolu 11(5) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali Ċeka), il-Litwanja (l-Artikolu 127(3) tal-Kostituzzjoni Litwana), il-Lussemburgu (l-Artikolu 99 tal-Kostituzzjoni Lussemburgiża), ir-Rumanija (l-Artikoli 56(3) u 139(1) tal-Kostituzzjoni Rumena), is-Slovakkja (l-Artikolu 59(2) tal-Kostituzzjoni Slovakka) u l-Isvezja (l-Artikolu 4 fit-Taqsima 1 tar-Regeringsformen, li — flimkien ma’ tliet atti oħra — jifforma l-Kostituzzjoni Svediża).


76      L-Artikolu 14 tad-Declaration des droits de l’homme et du citoyen tas‑26 ta’ Awwissu 1789 jeżiġi li l-elementi li ġejjin jiġu previsti mil-liġi: il-bażi għall-evalwazzjoni tat-taxxa, ir-rata tat-taxxa u l-proċeduri għall-ġbir ta’ kull tip ta’ taxxa.


77      L-Artikolu 78(1) u (4) tal-Kostituzzjoni Griega teżiġi li l-elementi li ġejjin ikunu previsti mil-liġi: l-indikazzjoni ta’ persuna taxxabbli, it-tip ta’ dħul, l-assi, l-infiq jew it-tranżazzjonijiet suġġetti għat-taxxa, ir-rata tat-taxxa, l-eżenzjonijiet u l-krediti tat-taxxa.


78      L-Artikolu 103(2) tal-Kostituzzjoni Portugiża teżiġi li l-elementi li ġejjin jiġu previsti mil-liġi: il-bażi għall-evalwazzjoni tat-taxxa, ir-rata tat-taxxa, il-vantaġġi tat-taxxa u l-garanziji għall-persuni taxxabbli.


79      Ara l-Artikolu 217 tal-Kostituzzjoni Pollakka ċċitat fil-punt 6 iktar ’il fuq.


80      Jiġifieri: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, l-Isvezja u r-Renju Unit.


81      Il-pożizzjoni skont il-KEDB tidher li hija pjuttost simili f’dan ir-rigward (ara l-punti 85 sa 86 iktar ’il fuq).


82      Dan jidher li huwa l-każ tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Polonja u r-Renju Unit.


83      Dan jidher li huwa l-każ ta’ Franza.


84      Dan jidher li huwa l-każ tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja.


85      Qiegħda ninnota li rekwiżit simili jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg, diskuss iktar ’il fuq f’dawn il-konklużjonijiet (ara l-punt 82 iktar ’il fuq).


86      Dan jidher li huwa l-każ tal-Bulgarija (qabel l-1 ta’ Jannar 2017), tar-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja (qabel l-2000), il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u r-Renju Unit.


87      Minbarra l-Polonja, dan jidher li huwa l-każ tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja u l-Isvezja.


88      Għalhekk, fil-Pajjiżi l-Baxxi deċiżjoni rilevanti tas-Staatssecretarissen van Financiën (il-Ministeru għall-Finanzi) dwar it-tnaqqis tal-VAT għandha tindika l-metri kwadri, il-metri kubi, id-dħul jew l-ispejjeż rilevanti bħala l-kriterji possibbli għall-kalkolu tal-proporzjon deduċibbli tal-VAT tal-input.


89      Ara, fl-Isvezja, l-istruzzjonijiet mhux vinkolanti dwar l-amministrazzjoni fiskali Nru 131 446423‑15/111 tal‑25 ta’ Awwissu 2015 u Nru 202 377677‑17/111 tad‑19 ta’ Diċembru 2017.


90      Ara l-VAT Notice 700 tas‑17 ta’ Diċembru 2014 (il-gwida għall-VAT li tkopri r-regoli u l-proċeduri), Taqsima 32(5).


91      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, C‑11/15, EU:C:2016:470.


92      Konklużjonijiet f’Český rozhlas, C‑11/15, EU:C:2016:181.


93      Sentenza tat‑30 ta’ Awwissu 2016, Nru 5 Afs 124/2014‑178.


94      Ara l-punt 39 iktar ’il fuq.


95      Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776 punt 121 sa 123.


96      Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 46.


97      Sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et, C‑288/07, EU:C:2008:505, punt 47.


98      Sentenza tas‑26 ta’ April 2005, “Goed Wonen”, C‑376/02, EU:C:2005:251, punt 33.


99      L-istess jista’ jingħad a priori ta’ rekwiżiti proċedurali jew tekniċi. Madankollu, peress li din il-kwistjoni ma taqax fil-portata ta’ din il-konklużjoni ma inix ser inkompli niddiskutiha.


100      Ara l-punti 41, 48 u 55 iktar ’il fuq.


101      Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 74 u 75 iktar ’il fuq.


102      Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 126.


103      Għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, ara l-punti 41, 48 u 55 iktar ’il fuq.


104      Kif nista’ nifhem, dan l-obbligu ġej mill-Artikolu 103(1) tal-Liġi dwar il-VAT, li jidher li jimplimenta l-Artikolu 250(1) tad-Direttiva 2006/112/KE.


105      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.


106      Ara l-punt 112 iktar ’il fuq.


107      Hawnhekk, qiegħda ninnota li l-avukat tal-Kap tal-Amministrazzjoni insista — mingħajr ma ġie kkontestat mill-parteċipanti l-oħra — li jkun oġġettivament impossibbli li jsir dan.


108      Ara l-punt 85 u 91 iktar ’il fuq.


109      Ara d-diskussjoni dwar il-prinċipju ta’ legalità fiskali fil-punti 78 sa 115 iktar ’il fuq.


110      Jiġifieri f’konformità mal-parametri diskussi fil-punti 35 sa 60 iktar ’il fuq.


111      Hawnhekk il-pożizzjoni tista’ tiġi kkontestata minn dik li ġiet applikata f’Pfeiffer et (Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, C‑397/01 sa C-403/01, EU:C:2004:584, punt 108).


112      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60. Madankollu, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, preċiżament minħabba li r-regoli rilevanti ġew kompletament armonizzati fuq livell tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali ma kinitx iżjed permessa tapplika standard ogħla ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali previst mil-liġi kostituzzjonali nazzjonali tagħha.


113      Sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny tas‑16 ta’ Ġunju 1998, U 9/97, punt 51. Is-seduta wkoll żvelat li din il-qorti għad ma kellhiex l-opportunità li teżamina l-kostituzzjonalità tal-assenza ta’ metodi għat-tqassim tal-VAT tal-input.


114      Ara l-punti 61, 64 u 65 iktar ’il fuq.


115      Ara l-punti 57 sa 59 iktar ’il fuq.


116      Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 47.