Language of document : ECLI:EU:F:2013:6

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

tat-28 ta’ Jannar 2013

Kawża F‑95/12

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu tar-rikors u ffirmat permezz ta’ timbru li jirriproduċi l-firma ta’ avukat jew permezz ta’ metodu ieħor ta’ riproduzzjoni — Tardività tar-rikors — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106 a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tal-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2011 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea nnotifikatlu d-deċiżjoni għall-irkupru tal-ammont ta’ EUR 3 000, kif ukoll id-deċiżjonijiet sussegwenti tal-Kummissjoni biex iżżomm l-ammonti tal-allowance tal-invalidità tiegħu għax-xhur ta’ Jannar, Frar u Marzu 2012, rispettivament ta’ EUR 506.88 u darbtejn EUR 500. Il-preżentata tar-rikors permezz tal-posta ġiet ippreċeduta permezz ta’ faks, tal-10 ta’ Settembru 2012, ta’ dokument ippreżentat bħala kopja ta’ dan ir-rikors.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Firma ta’ avukat miktuba bl-idejn — Regola sostanzjali li għandha applikazzjoni stretta — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks — Firma tal-avukat stampata permezz ta’ timbru li jirriproduċi l-firma ta’ avukat jew permezz ta’ metodu ieħor ta’ riproduzzjoni — Data ta’ meta wasal il-faks li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu tar-rikors — Preżentata tar-rikors ffirmat kif xieraq wara li skada t-terminu — Inammissibbiltà manifesta tar-rikors

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1); (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

Ir-rekwiżit ta’ firma fir-rikors promotur li tista’ biss issir mir-rappreżentant tal-parti skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfittex, bil-għan ta’ ċertezza legali, li jiggarantixxi l-awtentiċità tar-rikors u jeskludi r-riskju li, fil-verità, din ma tkunx tal-awtur li jkun ġie inkarigat għal dan il-għan. Għaldaqstant, dan ir-rekwiżit irid jiġi kkunsidrat bħala regola sostanzjali tal-proċedura u jrid jiġi applikat strettament, b’tali mod li l-ksur tiegħu jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors. F’dan ir-rigward, il-metodu indirett u mekkaniku ta’ kif wieħed “jiffirma” li jikkonsisti fl-istampar, fir-rikors promotur, ta’ timbru li jirriproduċi l-firma ta’ avukat imqabbad mir-rikorrent ma jippermettix, waħdu, li jiġi kkonstatat li huwa neċessarjament l-avukat stess li ffirma l-atti ta’ proċedura fil-każ preżenti.

Konsegwentement, rikors ippreżentat permezz ta’ faks u ffirmat permezz ta’ timbru li jirriproduċi firma ta’ avukat jew permezz ta’ metodu ieħor ta’ riproduzzjoni ma jinkludix l-oriġinal tal-firma tal-avukat tar-rikorrent, għal kuntrarju ta’ dak li jipprovdi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u għandu, għal din ir-raġuni, jiġi ddikjarat inammissibbli.

Minn dan isegwi li d-data ta’ meta jasal dan id-dokument li ntbagħat permezz ta’ faks ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk it-terminu tar-rikors, previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, kienx ġie osservat u li l-unika rikors li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, huwa dak li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u fejn tidher il-firma tal-avukat tar-rikorrent miktuba bl-idejn.

Peress li dan ir-rikors wasal fir-Reġistru wara l-iskadenza tat-terminu ta’ rikors, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala tardiv, li jfisser l-inammissibbiltà tar-rikors.

(ara l-punti 26, 27, 31 u 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Mejju 2007, Il-Parlament vs Eistrup, T-223/06 P, punti 51 u 52