Language of document : ECLI:EU:F:2013:52

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

24 ta’ April 2013

Kawża F‑96/12

Laurent Demeneix

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Kundizzjoni marbuta mal-esperjenza professjonali — Portata tas-setgħa diskrezzjonali”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA permezz tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Demeneix jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/206/11 (AD 5) u EPSO/AD/207/11 (AD 7) li ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi ta’ grad AD 7, fil-qasam tal-awditjar, u l-kumpens tad-dannu morali subit minħabba l-illegalità hekk imwettqa.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. L. Demeneix għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat iħallas l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Iffissar mill-avviż ta’ kompetizzjoni — Evalwazzjoni, mill-Bord tal-Għażla, tal-esperjenza professjonali tal-kandidati — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 2)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors kontra deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni — Possibbiltà li tiġi invokata l-irregolarità tal-avviż ta’ kompetizzjoni sabiex jiġi kkontestat in-nuqqas ta’ inklużjoni — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandu r-responsabbiltà li jevalwa, każ b’każ, jekk l-esperjenza professjonali ddikjarata minn kull kandidat tikkorrispondix għal-livell meħtieġ mill-avviż ta’ kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-proċeduri tal-kompetizzjonijiet, f’dak li jikkonċerna kemm in-natura u t-tul tal-esperjenzi professjonali preċedenti tal-kandidati kif ukoll ir-rabta iktar jew inqas mill-qrib li dawn jistgħu jkollhom mal-ħtiġijiet tal-pożizzjoni li għandha timtela. Għalhekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tiegħu tal-legalità, kulma t-Tribunal għandu jagħmel huwa li jivverifika jekk l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa kienx ivvizzjat minn żball manifest. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni li huwa l-kandidat għal kompetizzjoni li għandu jipprovdi lill-Bord tal-Għażla bl-informazzjoni u bid-dokumenti kollha li huwa jqis utli għall-eżami tal-kandidatura tiegħu sabiex jippermetti lill-Bord tal-Għażla jivverifika jekk dan jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-avviż ta’ kompetizzjoni, u dan a fortiori jekk dan ġie mistieden jagħmel dan b’mod espress u formali. Il-Bord tal-Għażla, meta jiddeċiedi dwar l-ammissjoni jew l-esklużjoni tal-kandidati mill-kompetizzjoni, huwa għaldaqstant awtorizzat jillimita l-eżami tiegħu biss għall-kandidaturi u għad-dokumenti annessi magħhom.

Barra minn hekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-Bord tal-Għażla, sabiex jiġi stabbilit li dan wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti b’mod li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda jippresupponi li l-provi, li għandhom jitressqu mir-rikorrent, għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iċaħħdu lill-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni mill-plawżibbiltà tagħhom.

(ara l-punti 42 sa 45)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Lulju 1989, Belardinelli et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 225/87, punti 13 u 24

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il-Parlament, T‑133/89, punti 31 u 34; 12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, punt 59; 13 ta’ Marzu 2002, Martínez Alarcón vs Il-Kummissjoni, T‑357/00, T‑361/00, T‑363/00 u T-364/00; 25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il-Kummissjoni, T‑145/02, punt 37; 12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, punt 221

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ Novembru 2008, Iordanova vs Il-Kummissjoni, F‑53/07, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata; 13 ta’ Ġunju 2012, Macchia vs Il‑Kummissjoni, F‑63/11, punt 49, li tinsab appellata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Kawża T-368/12 P

2.      Minkejja li rikorrent għandu dritt jippreżenta, fit-termini preskritti, rikors dirett kontra avviż ta’ kompetizzjoni meta dan ikun jikkostitwixxi deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tikkawżalu preġudizzju fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, madankollu huwa ma huwiex imċaħħad minnu fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li ma jiġix ammess għall-kompetizzjoni sempliċement għaliex huwa ma kkontestax l-avviż ta’ kompetizzjoni f’ħin xieraq. Fil-fatt, kandidat għal kompetizzjoni ma jistax jiġi mċaħħad mid-dritt li jikkontesta, fl-elementi kollha tiegħu, inklużi dawk iddefiniti fl-avviż ta’ kompetizzjoni, il-fondatezza tad-deċiżjoni individwali adottata fir-rigward tiegħu b’eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet iddefiniti f’dan l-avviż, sa fejn tkun din id-deċiżjoni ta’ applikazzjoni biss li tindividwalizza s-sitwazzjoni legali tiegħu u tippermettilu jsir jaf b’ċertezza kif u sa fejn l-interessi partikolari tiegħu huma affettwati. Rikorrent għaldaqstant jista’, meta jsir rikors kontra atti sussegwenti, isostni l-irregolarità tal-atti preċedenti li huma marbuta magħhom mill-qrib.

Għall-kuntrarju, fin-nuqqas ta’ rabta mill-qrib bejn il-motivazzjoni stess tad-deċiżjoni kkontestata u l-motiv ibbażat fuq l-irregolarità allegata tal-avviż ta’ kompetizzjoni mhux ikkontestat fi żmien xieraq, dan tal-aħħar għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, b’applikazzjoni tar-regoli ta’ ordni pubbliku dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors, li ma tistax issir deroga minnhom, f’ipoteżi ta’ dan it-tip, mingħajr ma jiġi kkawżat preġudizzju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

(ara l-punti 59 u 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Marzu 1986, Adams et vs Il‑Kummissjoni, 294/84, punt 17; 11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Noonan, C‑448/93 P, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Settembru 1993, Noonan vs Il-Kummissjoni, T‑60/92, punti 21 u 23, u l-ġurisprudenza ċċitata; 15 ta’ Frar 2005, Pyres vs Il-Kummissjoni, T‑256/01, punt 19; 31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T‑293/03, punt 42