Language of document : ECLI:EU:C:2018:290

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis-26 ta’ April 2018 (1)

Kawża C80/17

Fundo de Garantia Automóvel

vs

Alina Antónia Destapado Pão Mole Juliana

Cristiana Micaela Caetano Juliana

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur — Obbligu li tinħareġ assigurazzjoni — Portata – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vettura’”






I.      Introduzzjoni

1.        Minħabba problemi mediċi Alina Juliana waqfet issuq il-karozza u ħallietha fil-bitħa tagħha. Hija ma ħarġitx assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili. Mingħajr il-permess tagħha, binha ħa ċ-ċwievet tal-karozza u saqha barra mill-bitħa tagħha. Filwaqt li kienet fi triq pubblika, huwa tilef il-kontroll tal-vettura. Huwa u żewġ passiġġieri oħra mietu bħala riżultat tal-inċident.

2.        Il-fond nazzjonali għall-kumpens kompetenti, il-Fundo de Garantia Automóvel (iktar ’il quddiem il-“Fond”), ħallas il-kumpens. Il-Fond imbagħad ipproċeda biex jirkupra dawk il-flus mingħand A. Juliana, bħala proprjetarja tal-karozza. Fid-difiża tagħha, A. Juliana targumenta li hija ma kinitx obbligata toħroġ assigurazzjoni għall-vettura peress li, għalkemm kienet proprjetarja, hija kienet neħħietha mit-triq u ma kinitx intenzjonata ssuqha. Il-Fond jargumenta li kien hemm l-obbligu tal-assigurazzjoni minħabba li l-karozza kienet tajba għat-triq.

3.        Fil-kuntest ta’ dik it-tilwima, u fid-dawl tad-Direttivi dwar il-Vetturi bil-Mutur 72/166/KEE (2) u 84/5/KEE (3) (iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva” u t-“Tieni Direttiva”) is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall) tistaqsi jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proprjetarju ta’ vettura huwiex obbligat joħroġ assigurazzjoni għaliha. It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Fond għandux id-dritt ta’ surroga kontra l-proprjetarju, anki jekk il-proprjetarju ma huwiex responsabbli għall-inċident.

II.    Il-qafas legali

A.      Id-dritt tal-UE

1.      Id-Direttiva 72/166

4.        L-Artikoli 1 u 3 tal-Ewwel Direttiva jipprovdu kif ġej:

“L-Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1.      ‘vettura’ tfisser kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi bl-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le;

[…]

4.      ‘territorju li fih il-vettura normalment tkun ibbażata’ jfisser      

–        it-territorju ta’ l-Istat li tiegħu l-vettura għandha l-pjanċa ta’ reġistrazzjoni, irrispettivament jekk il-pjanċa hijiex permanenti jew temporanja; jew

–        fil-każijiet meta l-ebda reġistrazzjoni ma tkun meħtieġa għal tip ta’ vettura imma l-vettura jkollha pjanċa ta’ l-assigurazzjoni, jew sinjal li jiddistingwiha analogu għall-pjanċa tar-reġistrazzjoni, it-territorju ta’ l-Istat li fih il-pjanċa ta’ l-assigurazzjoni jew is-sinjal ikun maħruġ; jew

–        fil-każijiet meta la l-pjanċa tar-reġistrazzjoni u lanqas il-pjanċa li tiddistingwiha ma tkun meħtieġa għal ċerti tipi ta’ vetturi, it-territorju ta’ l-Istat li fih il-persuna li jkollha l-kustodja tal-vettura tkun residenti permanenti;

–        f’każijiet fejn il-vettura m’ għandhiex pjanċa ta’ reġistrazzjoni jew għandha pjanċa ta’ reġistrazzjoni li ma tikkorrispondix mal-vettura u kienet involuta f’inċident, it-territorju ta’ l-Istat fejn l-inċident seħħ, iħallas il-pretensjoni kif previst fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ din id-Direttiva jew fl-Artikolu 1(4) tat-[Tieni Direttiva];
[…]

Artikolu 3

1.      Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 4, jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.

2.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li l-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni jkopri wkoll:

–        skond il-liġi fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, kull telf jew inġurja [korriment] kkawżata fit-territorju ta’ dawk l-Istati;

–        kull telf jew inġurja [korriment] sofferta minn ċittadini ta’ Stati Membri tul vjaġġ dirett bejn żewġ territorji li fihom it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea jkun fis-seħħ, jekk ma jkun hemm l-ebda bureau nazzjonali ta’ l-assiguraturi responsabbli għat-territorju li jkun qed jinqasam; f’dak il-każ, it-telf jew inġurja għandha tkun koperta skond il-liġijiet interni dwar l-assigurazzjoni obbligatorja fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-vettura tkun normalment ibbażata.”

2.      Id-Direttiva 84/5

5.        L-Artikoli 1 u 2 tat-Tieni Direttiva jipprovdu kif ġej:

“Artikolu 1

1. L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.

[…]

4. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jawtorizza korp bil-kompitu li jipprovdi kumpens, mill-inqas sal-limiti ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni għal ħsara lill-proprjetà jew danni persunali kkawżati minn vettura mhix identifikata jew vettura li għaliha l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fil-paragrafu 1 ma ġiex sodisfatt.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jqisu kumpens minn korp bħala sussidjarju jew mhux sussidjarju u d-dritt li jipprovdu għall-ħlas ta’ pretensjonijiet bejn il-korp u l-persuna jew persuni responsabbli għall-inċident u assiguraturi oħra jew korpi ta’ siġurta soċjali meħtieġa li jikkumpensaw il-vittma fir-rigward ta’ l-istess inċident. Iżda, Stati Membri ma jistgħux iħallu l-korp jagħmel il-ħlas għall-kumpens kondizzjonali jekk il-vittma tistabbilixxi b’xi mod li l-persuna responsabbli ma tistax jew tirrifjuta li tħallas.”

[…]

Artikolu 2

1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li kull disposizzjoni statutorja jew kull klawsola kontrattwali li tkun tinstab fil-polza ta’ l-assikurazzjoni maħruġa skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE, li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

–        persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew implikata għal dan, jew

–        persuni li ma jkollhomx liċenzja li tippermettihom isuqu l-vettura ikkonċernata, jew

–        persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura konċernata, għandha.

għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE, titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident.

Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fl-ewwel inċiż tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assiguratur jista’ jipprova li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa.

Stati Membri għandu jkollhom l-għażla — fil-każ ta’ inċidenti li jseħħu fit-territorju tagħhom — li ma japplikawx id-dispożizzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu jekk u sakemm il-vittma tkun tista’ takkwista kumpens għall-ħsara li saritilha minn korp ta’ sigurtà soċjali.

2. Fil-każ ta’ vetturi misruqa jew ottenuti bi vjolenza, Stati Membri jistgħu jistabilixxu li l-korp speċifikat fl-Artikolu 1(4) iħallas kumpens minflok l-assiguratur skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu; meta l-vettura tkun normalment ibbażata fi Stat Membru ieħor, dak il-korp ma jkun jista’ jagħmel ebda pretensjoni kontra xi korp f’dak l-Istat.

L-Istati Membri li, fil-każ ta’ vetturi misruqa jew ottenuti bi vjolenza, jipprovdu li l-korp imsemmi fl-Artikolu 1(4) għandu jħallas kumpens, jistgħu jiffissaw fir-rigward ta’ ħsara lil proprjetà eċċess ta’ mhux aktar minn 250 ECU li għalih il-vittma tista’ tkun reponsabbli”.

B.      Id-dritt nazzjonali

1.      Id-Digriet Liġi Nru 522

6.        Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, fid-data tal-inċident, id-Decreto-Lei Nru 522/85 – Seguro Obrigatório de Responsabilidade Civil Automóvel (id-Digriet Liġi Nru 522/85 dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja fuq il-Vetturi bil-Mutur għar-Responsabbiltà Ċivili) tal-31 ta’ Diċembru 1985 kien fis-seħħ fil-Portugall (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 522/85”). Id-Digriet Liġi Nru 522/85 jipprovdi:

Artikolu 1(1): “Kull persuna li tista’ tkun responsabbli taħt id-dritt ċivili għal kumpens għal dannu finanzjarju jew dannu mhux finanzjarju minħabba dannu personali jew telf materjali kkaġunat lil terzi persuni b’xi vettur bil-mutur […] għandu, biex dawk il-vetturi jkunu jistgħu jintużaw fit-triq, ikun kopert […] b’assigurazzjoni li tkopri tali responsabbiltà.”

Artikolu 2: “L-obbligu ta’ assigurazzjoni jaqa’ fuq il-proprjetarju tal-vettura, ħlief f’każijiet ta’ […]”

7.        L-Artikolu 8(1) u (2) tad-Digriet Liġi Nru 522/85 jipprovdi li “l-kuntratt ikopri r-responsabbiltà ċivili tad-detentur tal-polza, tal-persuni obbligati li joħorġu assigurazzjoni, kif ipprovdut fl-Artikolu 2, u tad-detenturi u tas-sewwieqa leġittimi tal-vettura” u jkopri wkoll “il-ħlas ta’ kumpens dovut minn dawk responsabbli għas-serq u, l-użu illegali ta’ vettura li tappartjeni lil ħaddieħor jew inċidenti tat-traffiku kkaġunati volontarjament […]”.

8.        Skont l-Artikolu 21, huwa obbligu tal-Fond li: “iħallas, skont dan il-Kapitolu, il-kumpens li jirriżulta mill-inċidenti kkaġunati minn vetturi suġġetti għal assigurazzjoni obbligatorja, irreġistrati fil-Portugall […]”

9.        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 25(1) u (3) jipprovdi li, “malli jitħallas il-kumpens, il-Fond jiġi ssurrogat fid-drittijiet tal-parti leża, u jkollu d-dritt ukoll għall-interessi statutorji u għar-rimbors tal-ispejjeż minfuqa minnu fl-evalwazzjoni u l-ħlas”, u “persuni li, filwaqt li jkunu taħt l-obbligu li jkollhom assigurazzjoni, ma jikkonkludux kuntratt ta’ tali assigurazzjoni, jistgħu jitħarrku mill-Fond, kif ipprovdut fil-paragrafu 1, u jkollu d-dritt ta’ azzjoni legali kontra persuni oħra responsabbli għall-inċident, jekk ikun hemm, fir-rigward tal-ammonti mħallsa”.

2.      Il-Kodiċi Ċivili

10.      L-Artikolu 503(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż jipprovdi:

“Kull persuna li effettivament issuq vettura bil-mutur u li tużaha għall-ħtiġijiet tagħha, anki jekk permezz ta’ persuna inkarigata minnha, hija responsabbli għad-danni li jirriżultaw mir-riskji konnessi mal-vettura nnifisha, kemm jekk tintuża u kemm jekk ma tkunx qed tintuża.”

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

11.      Minħabba problemi mediċi, A. Juliana waqfet issuq il-karozza tagħha u ħallietha fil-bitħa tagħha. Hija ma ħarġitx assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili.

12.      Fit-18 jew fid-19 ta’ Novembru 2006, binha ħa ċ-ċwievet tal-vettura minn kexxun minn kamritha mingħajr il-permess jew l-għarfien tagħha, u saq il-karozza barra mill-bitħa.

13.      Fid-19 ta’ Novembru 2006, it-tifel tagħha tilef il-kontroll tal-karozza filwaqt li kien qed isuqha fit-triq pubblika. L-inċident wassal għal mewt tiegħu u dak ta’ żewġ passiġġieri.

14.      Il-Fond ħallas il-kumpens fir-rigward tal-inċident lill-familji tal-passiġġieri mejta. Fil-kapaċità tiegħu ta’ kreditur bid-dritt ta’ surroga, il-Fond imbagħad beda proċeduri biex jikseb sentenza kontra A. Juliana bħala proprjetarja tal-karozza (“l-Ewwel Konvenuta”, u kontra Cristiana Juliana, it-tifla u s-suċċessura tas-sewwieq mejjet “it-Tieni Konvenuta”) għall-ħlas tal-kumpens li huwa kien ħallas, flimkien mal-interessi.

15.      Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet parzjalment it-talbiet tal-Fond, fejn iddeċidiet li n-nuqqas ta’ intenzjoni min-naħa tal-proprjetarja tal-vettura biex issuqha u l-fatt li hija ma kinitx responsabbli għall-inċident li seħħ ma jxejjinx l-obbligu li tagħmel kuntratt ta’ assigurazzjoni. Hija ddeċidiet li l-iskop tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa biex jiżgura l-ħlas tal-kumpens lil dawk il-persuni leżi anki jekk il-vettura tkun misruqa.

16.      L-Ewwel Konvenuta, A. Juliana, appellat quddiem it-Tribunal da Relação (il-Qorti tal-Appell, il-Portugall). Dik il-qorti ddeċidiet li hija ma kellha l-ebda obbligu li toħroġ assigurazzjoni għall-karozza u li hija ma kinitx responsabbli għall-inċident. Għaldaqstant hija annullat is-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza u fl-appell li kellha quddiemha ddeċidiet li hija ma kinitx responsabbli.

17.      Il-Fond ippreżenta appell fuq punt ta’ liġi quddiem is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall), li ssospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 3 [tal-Ewwel Direttiva] (fis-seħħ fid-data tal-inċident) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ teħid ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur japplika wkoll għal sitwazzjonijiet fejn il-vettura, fuq għażla tal-proprjetarju, tinsab wieqfa f’art privata, barra mit-triq pubblika?

Jew,

indipendentement mir-responsabbiltà li jassumi l-Fundo de Garantia Automóvel [fond ta’ garanzija għal vetturi bil-mutur] fil-konfront ta’ terzi leżi, b’mod speċifiku f’każijiet ta’ użu illegali ta’ vetturi bil-mutur, f’dawk iċ-ċirkustanzi fejn l-obbligu ta’ assigurazzjoni ma kienx jaqa’ fuq il-proprjetarju tal-vettura?

(2) L-Artikolu 1(4) [tat-Tieni Direttiva] (fis-seħħ fid-data tal-inċident) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Fundo de Garantia Automóvel li, fl-assenza ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili, wettaq il-ħlas ta’ kumpens lit-terzi leżi minħabba inċident tat-traffiku kkawżat minn vettura bil-mutur li, mingħajr ma l-proprjetarju kien jaf jew ta l-awtorizzazzjoni tiegħu, tneħħiet mill-art privata fejn kienet wieqfa, għandu d-dritt ta’ surroga fil-konfront tal-proprjetarju tal-vettura, indipendentement mir-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar għall-inċident?

Jew,

is-surroga tal-Fundo de Garantia Automóvel fil-konfront tal-proprjetarju tiddependi mill-verifika tas-sussistenza ta’ responsabbiltà ċivili, b’mod speċifiku tal-fatt li, fl-okkażjoni li fih seħħ l-inċident, il-proprjetarju ikollu l-kontroll effettiv tal-vettura?”

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Irlandiż, Taljan, Latvjan, Portugiż, Spanjol u tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Instemgħu wkoll is-sottomissjonijiet orali ta’ dawn il-persuni kkonċernati, ħlief għall-Gvern Taljan, matul is-seduta tat-30 ta’ Jannar 2018.

IV.    Valutazzjoni

A.      Kummenti preliminari

1.      Ir-responsabbiltà għall-inċident u l-obbligu ta’ assigurazzjoni

19.      Fl-evalwazzjoni tad-domandi tal-qorti tar-rinviju huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu d-differenza bejn: (i) ir-responsabbiltà għall-inċident; u (ii) l-obbligu ta’ assigurazzjoni.

20.      Waqt is-seduta ġie kkonfermat mill-Gvern Portugiż li C. Juliana, it-Tieni Konvenuta, ġiet imħarrka fil-kapaċità tagħha bħala s-suċċessura tas-sewwieq mejjet, li kien involut fl-inċident direttament. Għaldaqstant, ir-responsabbiltà tat-Tieni Konvenuta tiddependi fuq jekk missierha huwiex responsabbli għall-inċident [għażla (i)].

21.      Min-naħa l-oħra, A. Juliana, l-Ewwel Konvenuta, ġiet imħarrka fil-kapaċità tagħha bħala proprjetarja tal-vettura abbażi tal-allegat ksur tal-obbligu tagħha li toħroġ assigurazzjoni [għażla (ii)]. Għaldaqstant, nifhem li jekk A. Juliana ma kellha ebda obbligu li toħroġ assigurazzjoni, hija ma tistax tinżamm responsabbli u jaqa’ l-każ kontriha.

22.      Għal dik ir-raġuni, jeħtieġ li tiġi indirizzata fid-dettall l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju dwar il-portata tal-obbligu ta’ assigurazzjoni, speċifikament fir-rigward ta’ A. Juliana. Din, min-naħa tagħha mbagħad, teħtieġ li tiġi kkunsidrata l-portata tal-kunċett tal-“użu ta’ vetturi” skont l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva u l-punti tat-tluq u ta’ tmiem tal-obbligu ta’ assigurazzjoni (B).

23.      Jekk A. Juliana kellha fil-fatt l-obbligu ta’ assigurazzjoni, dik tqajjem kwistjoni oħra dwar jekk, fid-dritt tal-UE, hija tistax tinżamm responsabbli ġaladarba effettivament hija ma kinitx involuta fl-inċident. Dan il-punt ser jiġi indirizzat fil-kuntest tat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju (Ċ).

2.      Min għandu l-obbligu li joħroġ assigurazzjoni?

24.      Biex inkun ċar, dawn il-konklużjonijiet ser jittrattaw biss il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ obbligu biex tinħareġ assigurazzjoni għall-vettura meta kienet ipparkjata fil-bitħa, iżda mhux il-persuna li fuqha huwa impost dak l-obbligu. Meta nirreferi, pereżempju fil-punti preċedenti, għall-obbligu potenzjali ta’ A. Juliana li toħroġ assigurazzjoni għall-vettura tagħha, dan għaliex il-qorti tar-rinviju, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, tgħid li, jekk kien hemm obbligu ta’ assigurazzjoni għall-vettura pparkjata, dan, taħt id-dritt nazzjonali, kien jaqa’ fuqha bħala proprjetarja, u potenzjalment iwassal għar-responsabbiltà extra kuntrattwali tagħha.

25.      Fil-fatt, l-Ewwel Direttiva ma tispeċifikax fuq min l-Istati Membri għandhom jimponu l-obbligu ta’ assigurazzjoni. Dik hija kwistjoni tad-dritt nazzjonali. Din l-interpretazzjoni ma ġietx ikkontestata minn ebda waħda mill-partijiet fil-kawża.

26.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Csonka, irreferiet għall-obbligu ta’ “kull proprjetarju jew detentur ta’ vettura” li joħroġ assigurazzjoni (4). Madankollu, ma jidhirlix li bl-użu ta’ kliem pjuttost ġenerali l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tikkonferma li l-Ewwel Direttiva kienet timponi dan l-obbligu fuq xi individwu speċifiku. Fil-fehma tiegħi dan huwa ċar mill-kuntest tar-rinviju f’dak il-każ, li ma kien bl-ebda mod iffukat fuq l-identità tal-persuna li fuqha kien impost l-obbligu.

27.      Flok jipprova jiżgura li tkun responsabbli xi persuna speċifika, l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva huwa intiż li jiżgura li l-vetturi kollha li jintużaw ikunu assigurati, sabiex jekk iseħħ inċident, il-vittma tkun tista’ ddur mingħajr diffikultà lejn entità (solventi (5)) biex tirkupra d-danni (6).

B.      L-ewwel domanda

28.      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, skont l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, jeżistix l-obbligu li tinħareġ assigurazzjoni tal-karozzi għal vettura anki meta l-proprjetarju neħħieha mit-triq pubblika u ma jsuqhiex u ma għandux l-intenzjoni li jsuqha. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-fatt li l-Fond huwa responsabbli biex jikkumpensa lill-vittmi huwiex rilevanti għall-obbligi tal-proprjetarju f’dak ir-rigward.

29.      Fil-fehma tiegħi, f’każijiet bħalma hu dan, hemm obbligu ta’ assigurazzjoni.

30.      Biex nittratta l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, nibda biex nagħmel ftit osservazzjonijiet fuq ir-relazzjoni bejn l-obbligu ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva u l-intervent tal-korp ta’ kumpens kif ipprovdut fl-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva (1). Imbagħad ser inkompli billi nfakkar il-ġurisprudenza prinċipali fir-rigward tal-kunċett ċentrali tal-“użu ta’ vettura” (2). Imbagħad, ser nikkunsidra l-kwistjoni dwar jekk l-“użu ta’ vetturi” u l-obbligu ta’ assigurazzjoni għandhomx ikunu ddefiniti ex ante jew ex post (3), inħares f’iktar dettall lejn il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” (4) u lejn il-punti tal-bidu u tat-tmiem tal-obbligu ta’ assigurazzjoni (5). Finalment, nara kif dawn il-konstatazzjonijiet jiġu applikati għal dan il-każ (6).

1.      Ir-relazzjoni bejn l-obbligu ta’ assigurazzjoni u l-korp ta’ kumpens

31.      L-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jistabbilixxi l-obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jiżguraw li l-vetturi jkunu assigurati. L-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva jeżiġi li l-korp ta’ kumpens jintervjeni meta l-obbligu ta’ assigurazzjoni ma jkunx ġie osservat.

32.      Jien nagħmel is-segwenti osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

33.      L-ewwel nett, skont it-Tieni Direttiva, il-korp ta’ kumpens ma huwiex tip ta’ “sistema ta’ garanzija tal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi, iżda huwa intiż li jipproduċi effetti biss f’ċirkustanzi speċifiċi identifikati b’mod ċar”. Huwa jintervjeni bħala “miżura tal-aħħar rikors” prevista għal sitwazzjonijiet fejn id-danni ġew ikkawżati minn vettura mhux assigurata minħabba “nuqqas fis-sistema [ta’ assigurazzjoni] li l-Istat Membru kellu l-obbligu li jimplementa” (7).

34.      It-tieni nett, jekk sitwazzjoni ma taqax taħt il-portata tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kif iddefinit fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, il-korp ta’ kumpens ma jkunx mitlub jipprovdi garanzija taħt l-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva. Fi kliem ieħor, il-portata potenzjali tal-intervent tal-korp ta’ kumpens tikkoeżisti mal-obbligu ta’ assigurazzjoni (8). L-Istati Membri jistgħu fil-prinċipju “jinduraw bid-deheb” it-traspożizzjoni tagħhom tat-Tieni Direttiva u jipprovdu li l-korp ta’ kumpens jintervjeni wkoll f’sitwazzjonijiet oħra. Madankollu, ma huwiex rekwiżit mandatorju tad-dritt tal-Unjoni.

35.      Minn dawn il-punti jsegwi li l-Ewwel u t-Tieni Direttiva jagħmlu distinzjoni bejn, min-naħa waħda, il-maġġoranza kbira tas-sitwazzjonijiet fejn “individwu”, li joħroġ assigurazzjoni, irid iġorr ir-riskju marbut mal-“użu ta’ vetturi” u, min-naħa l-oħra, sitwazzjonijiet marġinali/residwali fejn il-piż tar-riskju ġġorru s-soċjetà inġenerali (9), jiġifieri, bl-intervent tal-korp ta’ kumpens. Madankollu, inkwantu ma hemm assolutament ebda obbligu ta’ assigurazzjoni, il-konsegwenza bażika hija li r-riskju jista’ jispiċċa jinġarr mill-vittma tal-inċident, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet fejn minħabba s-serjetà tal-konsegwenzi tal-inċident l-ammont ta’ kumpens huwa kunsiderevoli jew fejn il-vittma ma tistax tikseb kumpens adegwat minħabba l-insolvenza tal-persuna responsabbli mill-inċident.

36.      Ir-riżultat prattiku ta’ dan huwa li ż-żewġ dispożizzjonijiet huma marbutin mill-qrib u jridu jinqraw flimkien: iktar ma tiġi interpretata b’mod strett il-portata tal-obbligu ta’ assigurazzjoni taħt l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, iktar tiċkien il-garanzija pprovduta lill-vittma mill-korp ta’ kumpens skont l-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva (10).

37.      Fil-partijiet segwenti, ser nittratta f’iktar dettall il-portata tal-obbligu ta’ assigurazzjoni, billi nibda b’ħarsa ġenerali tal-ġurisprudenza eżistenti fir-rigward tal-kunċett ċentrali tal-“użu ta’ vetturi”.

2.      L-“użu ta’ vetturi”: Vnuk, Andrade and Torreiro

38.      Vnuk (11),Andrade (12)u Torreiro (13)huma l-każijiet prinċipali li huma rilevanti għall-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”. Ser nikkunsidrahom waħda waħda hawn taħt u nagħmel sunt tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett li toħroġ minn dawn is-sentenzi.

a)      Vnuk

39.      Fis-sentenza Vnuk (14), il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat jekk l-immanuvrar ta’ trattur fil-bitħa ta’ razzett sabiex jinġieb it-trejler marbut ma’ dak it-trattur f’matmura kienx kopert bil-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva.

40.      Minħabba d-differenzi sinjifikattivi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi fir-rigward tal-kliem “użu ta’ vetturi”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat l-iskema u l-għan ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq l-assigurazzjoni obbligatorja. Hija rreferiet għall-“għan doppju” li jiġu protetti l-vittmi tal-inċidenti u l-moviment liberu tal-persuni (15). Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tesponi dwar il-protezzjoni tal-vittmi, għan li “ġie mfittex u msaħħaħ b’mod kostanti” (16). B’mod partikolari, fid-dawl ta’ dan l-għan, hija ddeċidiet li “ma jistax jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jeskludi mill-protezzjoni mogħtija minn dawn id-direttivi l-persuni leżi minn inċident ikkawżat minn vettura matul l-użu tagħha, sakemm dan huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ din il-vettura” (17).

41.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-manuvra inkwistjoni kienet taqa’ taħt il-kunċett tal-“użu ta’ vetturi”.

b)      Andrade

42.      Fis-sentenza Andrade (18), trattur wieqaf bil-magna mixgħula biex isuq pompa li tbixx l-erbiċida fuq dwieli f’vinja waqa’ mit-terrazzi u nqaleb minħabba ċaqliq tal-art, u qatel lill-bidwi. Il-qorti nazzjonali staqsiet jekk tali sitwazzjoni taqax taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” taħt l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva.

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi fakkret il-konstatazzjonijiet tagħha fis-sentenza Vnuk (19). Hija kompliet billi osservat li t-trattur kellu funzjoni doppja: “użu normali tagħhom bħala mezzi ta’ trasport” u “f’ċerti ċirkustanzi, bħala magn[a] tax-xogħol”. F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għandu jiġi ddeterminat jekk, meta seħħ l-inċident […] din il-vettura kinitx qiegħda tintuża prinċipalment bħala mezz ta’ trasport, f’liema każ dan l-użu jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’[…] jew bħala magna tax-xogħol, f’liema każ l-użu inkwistjoni ma jkunx ta’ natura li jaqa’ taħt dan l-istess kunċett” (20).

44.      Peress li f’dak il-każ partikolari, meta seħħ l-inċident, it-trattur kien qed jintuża prinċipalment bħala magna għax-xogħol, iċ-ċirkustanzi tal-każ ma kkwalifikawx bħala “użu ta’ vetturi”.

c)      Torreiro

45.      Núñez Torreiro kien qiegħed jipparteċipa f’eżerċizzji militari bil-lejl meta l-vettura off-road militari bir-roti “Aníbal” li fiha huwa kien passiġġier, inqalbet. Il-vettura ma kinitx qed tinsaqfuq toroq pubbliċi jew f’żona għal vetturi bir-roti, iżda pjuttost f’żona ristretta għall-eżerċizzji militarji għall-vetturi bil-katina (21).

46.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali sitwazzjoni kienet taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”. Hija rrepetiet essenzjalment il-konstatazzjonijiet li hija kienet għamlet fis-sentenza Vnuk (22)u fis-sentenza Andrade (23), qabel ma ddikjarat li l-fatt li vettura kienet qegħda tintuża f’eżerċizzju militari f’żona li ma kinitx idonea għall-użu ta’ vetturi bir-roti ma setax ikollu effett fuq dik il-konklużjoni.

d)      Sunt intermedjarju

47.      Abbażi ta’ dawn il-każijiet, id-definizzjoni bażika li tintuża għall-“użu ta’ vetturi” hija, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, pjuttost wiesgħa, li tkopri l-użi konsistenti mal-użu normali (bħala mezz ta’ trasport) (Vnuk), indipendentement mill-post speċifiku fejn tintuża (Torreiro) iżda teskludi każijiet fejn l-użu prinċipali fil-mument tal-inċident huwa xi ħaġa differenti minn mezz ta’ trasport (Andrade).

48.      Fil-parti li jmiss ser nikkunsidra r-relazzjoni bejn l-“użu ta’ vetturi” u l-obbligu ta’ assigurazzjoni u l-mument li fih kull waħda minn dawn tista’ u għandha tkun identifikabbli.

3.      L-“Użu ta’ vetturi” u l-obbligu ta’ assigurazzjoni: ex ante jew ex post?

49.      Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166, l-obbligu li tinħareġ assigurazzjoni jestendi għar-“responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi”.

50.      Id-definizzjoni ta’ “użu ta’ vetturi” fis-sentenzi Vnuk, Andrade, u Torreirokienet iċċentrata madwar l-attività li l-vettura kienet involuta fiha jew il-mod li fih kienet “meta seħħ l-inċident”: tirriversja bi trejler; taħdem bħala magna; tinsaq fuq art (mhux) approprjata (24).

51.      Minn dan jista’ jiġi dedott li, meta jkun diġà seħħ inċident, l-eżistenza ta’ obbligu ta’ assigurazzjoni għandha tkun evalwata b’riferiment għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-inċident. Fi kliem ieħor, il-fatt dwar jekk kienx hemm l-obbligu ta’ assigurazzjoni jkun evalwat wara l-avveniment (ex post facto).

52.      Għaldaqstant, fil-każ preżenti, dan ikun ifisser li, peress li l-inċident seħħ waqt sewqan fit-triq pubblika (għaldaqstant dak li jidher li huwa l-użu normali ta’ vettura), ċertament kien hemm obbligu biex il-vettura tkun assigurata f’dak il-mument. Madankollu, dan ma jweġibx għall-mistoqsija dwar jekk kienx hemm obbligu ta’ assigurazzjoni meta l-vettura kienet ipparkjata fil-bitħa ta’ A. Juliana. Dan hu l-pern tad-domanda tal-qorti tar-rinviju u, kif nifhimha jien, huwa ċentrali għal jekk hija tistax tinżamm responsabbli f’dan il-każ.

53.      Barra minn hekk, filwaqt li naqbel li ma hemmx dubju li kien hemm obbligu ta’ assigurazzjoni meta seħħ l-inċident f’dan il-każ, ma jidhirlix li t-tliet sentenzi Vnuk, Andrade, u Torreirogħandhom jinqraw bħala li jfissru ġeneralment li l-obbligu ta’ assigurazzjoni għandu jkun evalwat ex post facto.

54.      Għandu jkun possibbli li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” u l-portata tal-obbligu ta’ assigurazzjoni ex ante. Ovvjament dan għal raġunijiet ta’ ċertezza legali. Il-vetturi ma jistgħux joqogħdu jidħlu u joħorġu taħt l-obbligu ġenerali li jkunu assigurati skont liema attività jinsertaw li jkunu qegħdin jintużaw għaliha jew il-mod li fih ikunu f’mument partikolari. L-eżistenza tal-obbligu ma jistax sempliċiment jiddependi fuq ir-raġunar b’mod retrospettiv ibbażat fuq iċ-ċirkustanzi tal-inċident.

55.      Fis-sentenzi Vnuk, Andrade, u Torreirol-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-attività tal-vetturi f’mument partikolari minħabba li dak kien meħtieġ biex il-qorti nazzjonali tistabbilixxi r-responsabbiltà. Għandu jiġi enfasizzat li f’dawk il-każijiet kollha l-vetturi involuti fl-inċidenti kienu assigurati (25). Nifhem li l-fatt li kien hemm obbligu ġenerali għal assigurazzjoni ma kienx ikkontestat. Il-kwistjoni rilevanti li l-qrati nazzjonali kellhom isolvu f’dawk il-każijiet kienet iktar jekk l-inċidenti kinux jaqgħu taħt il-kamp tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, bir-riżultat li l-kumpanniji tal-assigurazzjoni kellhom iħallsu, peress li l-partijiet kollha kkontestaw ir-responsabbiltà tagħhom abbażi tal-fatt li l-inċidenti nfushom ma kinux jinvolvu l-“użu ta’ vetturi” fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-inċident.

56.      Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-kwistjoni hija pjuttost differenti, u tirrigwarda livell ogħla ta’ astrazzjoni u ġeneralità: l-obbligu ta’ assigurazzjoni jitwieled ġeneralment mit-tip ta’ użu li jkun qiegħed isir mill-vettura f’dan il-każ?

57.      Pereżempju, is-sewqan ta’ karozza minn u lejn ix-xogħol kuljum jaqa’ b’mod ċar taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”. Hemm obbligu ta’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili. Teknikament, dak l-obbligu jieqaf meta l-karozza tkun ipparkjata f’garaxx (privat) filgħaxija u l-magna tagħha mitfija, biex terġa’ tiġi rravvivata l-għada filgħodu meta ċ-ċavetta tiġi mdawwra biex tixgħel il-magna u l-karozza tinsaq mill-ġdid fi triq pubblika?

58.      Jidhirli li huwa ċar li le. L-attività li għaliha qed tintuża l-vettura jew il-mod li tkun fih fi kwalunkwe ħin partikolari jvarja. Dan ma huwiex il-każ għall-obbligu ġenerali ta’ assigurazzjoni, li jeżiġi bidu u tmiem ċar u ċerta grad loġiku ta’ kontinwità u prevedibbiltà.

59.      Wieħed jimmaġina li bejn dawn iż-żewġ mumenti, vettura tista’ tintuża b’mod li ma jammontax għal “użu” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva. Dan huwa fil-fatt dak li ġara fil-kawża Andrade. Inġenerali, x’aktarx li t-trattur f’dak il-każ kien qiegħed jintuża b’mod li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” u kien assigurat. Fil-mument speċifiku tal-inċident, madankollu, kien qiegħed jintuża bħala magna, li ma jikkostitwixxix “użu ta’ vetturi”. Madankollu l-obbligu ta’ assigurazzjoni ma kienx teoretikament sospiż matul dawk il-minuti jew sigħat meta t-trattur kien qiegħed jintuża bħala magna.

60.      Minn dan isegwi li, filwaqt li l-kunċett ta’ użu ta’ vettura huwa ċentrali biex jiddefinixxi l-portata tal-obbligu ta’ assigurazzjoni, iż-żewġ kunċetti ma humiex identiċi. Bl-isfond ta’ dawn id-distinzjonijiet, ser nikkunsidra f’iktar dettall fil-partijiet li jmiss il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” u l-punti tal-bidu u tat-tmiem tal-obbligu ta’ assigurazzjoni.

4.      Id-definizzjoni tal-“użu ta’ vetturi”

61.      Peress li l-kunċett tal-“użu ta’ vetturi” jinkludi l-kunċett ta’ “vettura” li għandu definizzjoni separata taħt l-Ewwel Direttiva, ser nibda billi nħares lejnha l-ewwel (a), u mbagħad inkompli fuq il-kunċett ta’ “użu” (ta’ vetturi) fil-kuntesti varji tiegħu (b).

a)      Il-vettura

62.      Id-definizzjoni ta’ “vettura” taħt l-Artikolu 1(1) tal-Ewwel Direttiva hija limitata għall-vettura bil-mutur “intiża għal vjaġġi”.

63.      Fil-fehma tiegħi huwa ċar li l-kelma “intiża” f’dak il-kuntest ma tistax tirreferi għall-intenzjoni suġġettiva u individwali tal-proprjetarju jew ta’ xi ħadd ieħor li jkollu l-kontroll tal-vettura. Lanqas ma tirreferi għal dak li jkun qiegħed isir bil-vettura f’mument partikolari.

64.      Pjuttost, il-kliem “intiża għal vjaġġi” fid-definizzjoni ta’ “vettura” għandhom jirreferu loġikament għall-iskop oġġettiv tal-vettura. Dan hu kkorroborat b’verżjonijiet lingwistiċi oħra tad-direttiva, li jużaw vokabolarju pjuttost newtrali (26). Barra minn hekk, naqbel mal-Kummissjoni li jekk id-definizzjoni ta’ vettura tkun dipendenti fuq l-intenzjoni suġġettiva tal-proprjetarju tagħha f’mument speċifiku jwassal għal inċertezza legali intollerabbli. Finalment, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fi Vnuk, fejn ġie deċiż li d-definizzjoni ta’ “vettura” hija indipendenti mill-użu li jsir jew “jista’ jsir” minnha (27).

65.      Għaldaqstant, u b’kuntrast mal-fehmiet ippreżentati b’mod partikolari mill-Irlanda fis-sottomissjoni tagħha, il-fatt li proprjetarju ma huwiex qiegħed juża l-vettura biex jivvjaġġa f’mument partikolari (u ma għandux l-intenzjoni jagħmel hekk) ma jipprekludihiex milli tkun “vettura” fis-sens tal-Ewwel Direttiva, li fir-rigward tagħha jista’ jkun hemm l-obbligu li tkun assigurata. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “vettura” għandu jkun oġġettiv u “stabbli” (fis-sens li jkompli fuq perijodu raġonevoli ta’ żmien).

b)      L-użu

66.      L-“użu ta’ vetturi” taħt l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-UE, li għandu jkun interpretat fid-dawl tal-kuntest ta’ dik id-dispożizzjoni u tal-għanijiet imfittxija mir-regoli li minnhom jifforma parti (28).

67.      Kif innutat preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja (29), l-“użu ta’ vetturi” ġie tradott b’diversi modi differenti fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali varji. Dan jenfasizza l-bżonn li l-kunċett jiġi interpretat fid-dawl tal-“għan doppju ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vettura bil-mutur u ta’ liberalizzazzjoni tal-moviment tal-persuni u tal-merkanzija” (30). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, barra minn hekk, il-protezzjoni dejjem iktar qawwija pprovduta lill-vittmi tal-inċidenti kkaġunati minn vetturi matul is-snin wara l-adozzjoni tal-Ewwel Direttiva (31).

68.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex fil-ġurisprudenza tagħha tadotta interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, li “[jkopri] kwalunkwe użu ta’ vettura li huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ dik il-vettura” (32).

69.      F’dan ir-rigward jien inżid l-osservazzjonijiet li ġejjin li jikkonċernaw il-portata territorjali u materjali ta’ dik id-definizzjoni.

i)      Il-portata territorjali tal-“użu ta’ vetturi”

70.      Il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ma huwiex limitat għall-użu f’post partikolari jew f’art jew territorju partikolari. Ma “huwiex limitat għal sitwazzjonijiet ta’ użu ta’ vetturi bil-mutur fit-toroq, jiġifieri f’toroq pubbliċi” (33). Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, l-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Unit argumentaw favur interpretazzjoni għall-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” u l-obbligu ta’ assigurazzjoni mandatorja li tiddistingwi bejn użu f’toroq pubbliċi u bnadi oħra.

71.      Għalkemm ġiet proposta ċerta bażi kuntestwali għal dik id-distinzjoni, fil-fehma tiegħi hija dgħajfa (34). Min-naħa l-oħra, hemm ħafna argumenti testwali favur interpretazzjoni wiesgħa tal-portata territorjali tal-kunċett ta’ “użu tal-vetturi” u l-obbligu ta’ assigurazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva jagħti definizzjoni bażika ta’ “territorju li fih il-vettura normalment tkun ibbażata” bħala “[]t-territorju ta’ l-Istat li fih il-vettura tkun irreġistrata”. L-Ewwel Direttiva tirreferi ġeneralment għat-“territorju ta’ Stat Membru ieħor” u għall-“vetturi bil-mutur Komunitarji kollha li jivjaġġaw fit-territorju tal-Komunità”. Ebda distinzjoni espliċita ma ssir bejn (i) art pubblika jew privata jew (ii) żona intiża biex jgħaddu vetturi bil-mutur u żoni li ma humiex hekk intiżi, minkejja l-fatt li d-Direttiv(i) jittrattaw pjuttost estensivament fuq l-applikabbiltà territorjali tagħha.

72.      Iktar minn hekk, tali distinzjoni tkun teskludi potenzjalment mill-obbligu ta’ assigurazzjoni taħt l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva ħafna sitwazzjonijiet li jinvolvu l-vetturi bil-mutur li ċarament huma kapaċi li joħolqu l-inċidenti. Dan jirriskja serjament li jippreġudika wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Ewwel Direttiva identifikati iktar ’il fuq, b’mod partikolari biex ikunu protetti l-vittmi tal-inċidenti kkawżati b’vetturi bil-mutur (35). F’dan ir-rigward, jista’ jkun fil-fatt il-każ, fid-dawl tas-sistemi tat-titolu ta’ proprjetà fuq l-art u tad-dritt tal-proprjetà f’ċerti Stati Membri, li l-individwi jkunu jistgħu jagħmlu użu estensiv tal-vetturi fuq art privata. Madankollu, il-possibbiltà ta’ dawk il-vetturi li qatt ma jinstaqu barra mill-art privata fuq toroq pubbliċi u l-assenza totali ta’ terzi persuni li jidħlu fuq dik iż-żona, sabiex ma hemm ebda riskju ta’ inċidenti, jidher li huwa pjuttost xenarju mhux realistiku u mhux verosimili. Ma jidhirlix li huwa xenarju li jiġġustifika li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” jiżdidulu limitazzjonijiet mingħajr bażi testwali f’dan is-sens, u jmur kontra l-loġika u l-iskop tal-istrument leġiżlattiv inkwistjoni.

73.      Għal dawn ir-raġunijiet b’mod partikolari, ma nara ebda raġuni biex il-konklużjonijiet ċari tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza ċċitata jiġu riveduti u biex jiġi llimitat il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” għall-użu f’ċerti postijiet.

ii)    Il-portata materjali tal-“użu ta’ vetturi”

74.      Kif ingħad iktar ’il fuq, il-kliem “użu ta’ vetturi” jkopri “kwalunkwe użu ta’ vettura li huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ dik il-vettura” (36). Fil-fehma tiegħi, il-“funzjoni normali” ta’ vettura hija li tintuża għal“ivvjaġġar”, fi kliem ieħor sabiex tinsaq minn punt A għal punt B (37), indipendentement mill-iskop. Din diġà tidher apparenti sew mid-definizzjoni ta’ “vettura” li tinsab fl-Artikolu 1(1) tal-Ewwel Direttiva.

75.      F’dan ir-rigward, huwa korrett li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet, b’mod partikolari fis-sentenza Andrade, li l-funzjoni normali ta’ vettura hija li tintuża bħala mezz ta’ “trasport”. Madankollu, ma jidhirlix li billi ntużat dik il-kelma, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tirreferi għall-funzjoni ta’ “trasport” speċifiku distint minn u loġikament iktar ristrett minn dak ta’ “vjaġġar” (38). Pjuttost jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ppruvat tiddistingwi l-użu bħala magna mill-funzjoni normali ta’ vettura. Fil-fehma tiegħi, u fid-dawl tal-Artikolu 1(1) tal-Ewwel Direttiva, definizzjoni iktar preċiża tal-“funzjoni normali” ta’ vettura hija li tintuża għal “ivvjaġġar”.

76.      Dan premess, jekk vettura ma tkunx qegħda tivvjaġġa majfissirx li kull ma tkun qegħda tagħmel jaqa’ ġeneralment barra mill-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tindika, min-naħa l-oħra, li kwalunkwe użu li jsir minn vettura li huwa “konsistenti” mal-funzjoni normali jaqa’ taħt il-portata tal-“użu ta’ vetturi”. Fil-prinċipju, dan ikun jinkludi sitwazzjonijiet fejn il-vettura hija wieqfa għal xi ħin, indipendentement mill-intenzjonijiet tal-proprjetarju biex jivvjaġġa biha iktar tard jew le.

77.      Fuq l-eżempju pprovdut diġà (fil-punt 57), meta karozza tkun ipparkjata matul il-lejl, fejn il-proprjetarju ma għandu ebda intenzjoni li jużaha qabel filgħodu, dak l-istat tal-karozza wieqfa huwa kompletament konsistenti mal-użu normali tagħha. Wieħed jista’ jimmaġina li, l-għada filgħodu, il-proprjetarja f’daqqa waħda taqbad taxi lejn l-ajruport flok ma ssuq il-karozza tagħha u tqatta’ ġimgħa tiskijja. Imbagħad, matul il-vaganza tagħha hija tikser saqajha u s-sieq titqiegħed fil-ġibs għal xahar. Matul l-inkapaċità tagħha hija tiddeċiedi li tbigħ il-karozza tagħha u fil-fatt ma terġa’ tużaha qatt iktar.

78.      Għaldaqstant, wara li saqet lura d-dar mix-xogħol fl-aħħar lejla qabel telqet għall-vaganzi, il-proprjetarja, fil-prattika, qatt ma reġgħet saqet il-karozza. L-“użu ta’ vettura” jew l-obbligu ta’ assigurazzjoni waqaf f’xi mument matul dawn il-ġrajjiet u jekk iva, meta? Meta tfiet il-magna l-aħħar darba? Meta telqet biex tmur vaganza? Meta kisret saqajha u attwalment ma setgħetx issuq? Meta ddeċidiet tbigħ il-karozza? Jew f’xi mument ieħor?

79.      Fil-fehma tiegħi, indipendentement minn dawn il-ġrajjiet (sfortunati) kollha, xorta waħda kien hemm l-obbligu kontinwu biex il-karozza tkun assigurata. Huwa minnu li, ex post facto, jista’ jkun hemm modi speċifiċi kif tintuża vettura f’mument partikolari li jistgħu jkunu identifikati bħala li jaqgħu barra mill-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” b’hekk potenzjalment ineħħu r-responsabbiltà għall-inċidenti relatati. Dan huwa kkonfermat fis-sentenza Andrade (39).

80.      Madankollu, l-identifikazzjoni ta’ dawn is-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ “nuqqas ta’ użu” wara l-ġrajja (ex post facto) ma tneħħix l-obbligu iktar wiesa’ u ġenerali li tinħareġ assigurazzjoni (ex ante). Min-naħa l-oħra, nikkunsidra li huwa minnu, fil-fatt, l-invers: jekk vettura hija intiża li tivvjaġġa fuq l-art u tista’ fil-fatt tagħmel hekk, l-obbligu ġenerali li dik il-vettura tkun assigurata normalment jitwieled skont l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva. Dan ma jfissirx li, matul il-perijodu kopert mill-obbligu tal-assigurazzjoni, ma jkunx hemm istanzi speċifiċi meta, minħabba t-tip preċiż ta’ użu fil-mument preċiż li seħħ l-inċident, ma jkunx hemm responsabbiltà taħt il-kuntratt ta’ assigurazzjoni tal-vettura.

81.      Fi kwalunkwe każ, irid ikun possibbli li jiġi stabbilit ex ante jekk fil-fatt hemmx tali kuntest ta’ “użu ta’ vetturi” li jwassal għall-obbligu li tinħareġ assigurazzjoni, bil-punti tal-bidu u tat-tmiem li jkunu ċarament u oġġettivament identifikabbli iżda li jkun kontinwu bejn dawn iż-żewġ punti. La s-sempliċi fatt li vettura hija wieqfa fil-prattika, u lanqas l-intenzjonijiet tal-proprjetarju jew tad-detentur li jastjeni milli jsuq il-karozza (speċjalment jekk ma ntużaw ebda formalitajiet biex dawk l-intenzjonijiet jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet pubbliċi u biex il-vettura titneħħa uffiċjalment miċ-ċirkolazzjoni), ma jistgħu jintużaw biex jiddeterminaw l-eżistenza ta’ tali kuntest u biex jiġi identifikat b’mod ċar u oġġettiv dawk il-punti tal-bidu u tat-tmiem.

82.      Fil-qosor, nikkunsidra li l-punt tat-tluq biex jiġi stabbilit il-kuntest tal-“użu ta’ vetturi” għall-iskopijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ obbligu ta’ assigurazzjoni għandha tkun li l-vettura hija intiża għall-ivvjaġġar fuq l-art u tista’ fil-fatt tagħmel dan. Ser nirritorna fuq il-kwistjoni ta’ kif preċiżament għandhom jiġu identifikati fil-prattika l-punti tal-bidu u tat-tmiem tal-obbligu ta’ assigurazzjoni iktar ’l isfel. Qabel ma nagħmel dan, madankollu, ser nindirizza ftit mit-tħassib imqajjem fir-rigward tal-interpretazzjoni allegatament wiesgħa wisq tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” u l-obbligu ta’ assigurazzjoni.

iii) Oġġezzjonijiet għall-interpretazzjoni wiesgħa ta’ “użu ta’ vetturi” u l-obbligu ta’ assigurazzjoni

83.      L-ewwel nett, l-Irlanda b’mod partikolari targumenta li l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kliem “użu ta’ vetturi” u l-obbligu ta’ assigurazzjoni jwasslu għal riżultati mhux mixtieqa jew inaċċettabbli. B’mod partikolari, tkun timponi b’mod mhux ġustifikat rekwiżit ta’ assigurazzjoni obbligatorja fuq “numru kbir ta’ nies” li ma “jużawx” il-vetturi tagħhom (għall-ivvjaġġar fuq toroq pubbliċi), li ma ssegwi ebda għan minn tal-Ewwel Direttiva.

84.      Ma naqbilx.

85.      Is-suġġerimenti tal-Irlanda li jirrigwardaw id-distinzjoni potenzjali bejn is-sewqan ta’ vettura fuq art privata kontra sewqan fuq toroq pubbliċi diġà ġew ittrattati iktar ’il fuq (40). Għal dak li jirrigwarda istanzi potenzjali oħra ta’ interpretazzjoni wisq wiesgħa tal-obbligu ta’ assigurazzjoni li jkun jaffettwa numru kbir ta’ nies u jwassal għal riżultati mhux mixtieqa u inaċċettabbli, l-argumenti tal-Irlanda baqgħu kemxejn mhux esplorati.

86.      Fi kwalunkwe każ, kif qalet diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, wieħed mill-għanijiet doppji tad-direttivi huwa li jkunu protetti l-vittmi. L-impożizzjoni ta’ rekwiżit wiesa’ ta’ assigurazzjoni obbligatorja jikkontribwixxi għal dak l-għan. L-alternattiva hija li, talinqas fil-każijiet ta’ insolvenza tal-persuna responsabbli għall-inċident, il-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn vetturi mhux assigurati jistgħu ma jirċievux kumpens. Ma nara xejn fl-Ewwel Direttiva jew x’imkien ieħor li jikkorrobora l-idea li l-leġiżlatur ried li l-piż tar-riskju jinfirex b’dak il-mod. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4 tal-Ewwel Direttiva jinkludi derogi espliċiti li jippermettu li l-piż tar-riskju jinqaleb fuq korpi ta’ kumpens f’każijiet speċifiċi identifikati mill-Istati Membri (41).

87.      Inżid li, talinqas sa ċertu punt, l-interpretazzjoni iktar ristretta tal-“użu ta’ vetturi” u tal-obbligu ta’ assigurazzjoni li tressqet b’mod partikolari mill-Irlanda u mill-Gvern tar-Renju Unit jidher li huwa bbażat fuq l-idea li ċ-ċirkustanzi fattwali speċifiċi ta’ xi sitwazzjonijiet jinvolvu probabbiltà ħafna iktar baxxa ta’ inċident. Għal dan ir-raġuni, l-inferenza li saret hija li ma hemmx bżonn ta’ assigurazzjoni obbligatorja f’dawk is-sitwazzjonijiet. L-Irlanda tirreferi, pereżempju, għal vetturi miżmuma temporanjament f’faċilità ta’ ħażna fuq art privata jew biex jintwerew minn bejjiegħ.

88.      Jien naqbel li f’dawn il-każijiet il-vettura ma tkunx tal-istess riskju bħal dik li tinstaq fuq il-highway ta’ kuljum. Madankollu, il-possibbiltà li l-karozza tinstaq, pereżempju, biex tiġi mċaqalqa minn post għall-ieħor għand il-bejjiegħ stess ifisser li r-riskju, anki jekk iżgħar, għadu jeżisti. Ma narax kif permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja, wieħed jista’ jdaħħal xi limitu fuq ir-riskju fid-Direttivi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur permezz tal-kunċett tal-“użu” (42) li jwassal għall-konklużjoni li ma hemmx obbligu li tinħareġ assigurazzjoni. Fil-fehma tiegħi, tali distinzjonijiet huma ttrattati aħjar u b’mod iktar xieraq mill-industrija tal-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur, jew, jekk u sa fejn neċessarju, bil-leġiżlazzjoni pubblika tas-suq tal-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur. Pereżempju, nifhem li f’xi Stati Membri, l-obbligu ta’ assigurazzjoni huwa estremament wiesa’ iżda f’każijiet fejn il-vettura, fil-prattika, ma tinstaqx, il-primjums tal-assigurazzjoni huma bħala riżultat baxxi ħafna. Il-kumpanniji tal-assigurazzjoni jistgħu jiċċarġjaw ukoll primjums differenti bbażati fuq il-mili, jew jużaw mezzi biex jippermettu li ssir differenza raġonevoli fil-primjums li tqabbel l-iskop u l-portata tal-“użu” mat-tip ta’ riskju potenzjali involut.

89.      Biex nikkonkludi, fuq livell sistematiku, il-fatt li l-vettura tista’ ġeneralment tkun wieqfa għal perijodi (estiżi) u, b’riżultat ta’ dan, ir-riskju jista’ jkun minimu hija x’aktarx raġuni tajba biex ikun hemm differenza fil-primjums, iżda mhux biex jiġi eskluż id-dmir li tinħareġ assigurazzjoni kompletament. Dan huwa partikolarment il-każ peress li, kif ingħad iktar ’il fuq, il-fatt li ma kien hemmx obbligu li tinħareġ assigurazzjoni, fil-prinċipju, ifisser li lanqas ma jkun hemm garanzija ta’ kumpens (43).

90.      It-tieni nett, l-Irlanda tikkontendi wkoll li l-interpretazzjoni wiesgħa ħafna tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” u tal-obbligu ta’ assigurazzjoni tneħħi kull tifsira lill-kelma “użu” u trendi l-obbligu dipendenti fuq is-sempliċi titolu ta’ proprjetà.

91.      Jien inqis dan it-tħassib bħala infondat.

92.      Kif intwera fis-sentenza Andrade (44), il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” għandu ċerti limiti. Barra minn hekk, filwaqt li l-obbligu ta’ assigurazzjoni ma jistax ikun dipendenti fuq ċirkustanzi tranżitorji jew suġġettivi, dan ma jfissirx li huwa dipendenti fuq is-sempliċi titolu ta’ proprjetà. L-obbligu għandu ċerti limiti fiż-żmien – bidu u tmiem. Jien issa ndur għall-identifikazzjoni ta’ dawn il-limiti.

5.      Il-punti tal-bidu u tat-tmiem tal-obbligu li tinħareġ assigurazzjoni

i)      Vetturi rreġistrati u mhux irreġistrati

93.      Għal dak li jirrigwarda il-“punti tal-bidu u tat-tmiem”, ir-reġistrazzjoni ta’ vettura fi Stat Membru hija, fil-fehma tiegħi, fattur oġġettiv ċentrali li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit jekk hemmx kuntest ġenerali tal-“użu ta’ vettura” li jwassal għall-obbligu li tinħareġ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva.

94.      F’dan ir-rigward, hemm żewġ xenarji li jistgħu jiġu identifikati.

95.      L-ewwel nett, meta l-vettura hija u tibqa’ rreġistrata fl-Istat Membru. Sakemm il-vettura hija rreġistrata, u ma ttieħdu ebda miżuri uffiċjali biex jissospendu jew jitterminaw dik ir-reġistrazzjoni, għandu jitqies li hemm kuntest ġenerali tal-“użu ta’ vettura” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, li jwassal għall-obbligu ta’ assigurazzjoni. Ir-reġistrazzjoni ta’ vettura hija konsistenti ma’ (u f’ħafna każijiet neċessarja għal) użu normali għall-ivvjaġġar.

96.      Dan ma jfissirx awtomatikament li, wara r-reġistrazzjoni, kull ħaġa li fil-prattika ssir bil-vettura tikkostitwixxi “użu” għall-iskopijiet li tiġi stabbilita r-responsabbiltà fir-rigward ta’ ġrajja speċifika jew l-għan ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni. Filwaqt li l-ġurisprudenza tikkonferma li l-kunċett ta’ użu huwa estremament wiesa’, dan għandu ċerti limiti (45).

97.      It-tieni nett, hemm is-sitwazzjonijiet fejn il-vettura ma hijiex irreġistrata fi Stat Membru, għax għadha ma ġietx irreġistrata, għax ma għadhiex irreġistrata jew għax ir-reġistrazzjoni ġiet sospiża.

98.      Il-fatt li l-vettura taqa’ f’dan it-tieni xenarju ma jfissirx neċessarjament li l-vettura awtomatikament ma għadhiex suġġetta għall-obbligu ta’ assigurazzjoni taħt l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva. In-nuqqas ta’ reġistrazzjoni fil-fatt ma huwiex neċessarjament inkonsistenti mal-użu normali ta’ vettura għall-ivvjaġġar. Jew, biex inpoġġiha differenti, il-vetturi jistgħu jkunu idonei għal u użati attwalment għall-ivvjaġġar fuq l-art mingħajr ma jkunu rreġistrati. Dak jista’ jkun legali, skont il-kundizzjonijiet ipprovduti mid-dritt nazzjonali, jew illegali, meta huma suppost ikunu rreġistrati skont ir-regoli nazzjonali rilevanti iżda ma jkunux. F’kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, tali vetturi jistgħu potenzjalment ikunu involuti f’inċidenti.

99.      Ma hemm xejn fl-Ewwel Direttiva li jindika li l-leġiżlatura riedet li jew il-korp ta’ kumpens jew inqas u inqas il-vittmi għandhom, fil-prinċipju, iġorru r-riskju f’tali sitwazzjonijiet. B’mod iktar ġenerali, ma hemm xejn fl-Ewwel Direttiva li jindika li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” huwa limitat għall-użu ta’ vetturi rreġistrati. L-iskema ġenerali tal-Ewwel Direttiva, b’mod partikolari l-ewwel u t-tieni inċiżi tal-Artikolu 1(4), u l-Artikolu 3(1), pjuttost timplika obbligu li jiġi żgurat li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi f’territorju ta’ Stat Membru hija wkoll koperta b’assigurazzjoni f’każijiet meta ma jkunux irreġistrati.

100. Madankollu, f’xi każijiet jista’ jkun hemm direġistrazzjoni (temporanja) jew sospensjoni ta’ reġistrazzjoni, li teżiġi effettivament li l-vettura ma tintużax għall-ivvjaġġar fuq l-art, anki għal distanzi qosra (pereżempju billi trendi tali użu tal-vettura bħala reat kriminali). Jiena nifhem li teżisti sistema simili f’ċerti Stati Membri, pereżempju, matul ix-xhur xitwija fil-każ ta’ vetturi li jinstaqu biss matul perijodi ta’ temp tajjeb. Nikkunsidra li, f’tali ċirkustanzi, l-“użu ta’ vettura” huwa eskluż b’mod ċar u oġġettiv inkwantu jtemm l-obbligu “ex ante” li tinħareġ assigurazzjoni (46).

101. Dan iħalli miftuħa l-mistoqsija dwar jekk u taħt liema kundizzjonijiet oħra vettura li ma hijiex irreġistrata (jew li fir-rigward tagħha r-reġistrazzjoni ġiet sospiża) tista’ potenzjalment ma taqax taħt l-obbligu ta’ assigurazzjoni.

ii)    Vetturi mhux irreġistrati li ma jaqgħux taħt l-obbligu ta’ assigurazzjoni

102. Nifhem li, fil-kawża prinċipali, il-vettura involuta fl-inċident kienet irreġistrata. Waqt is-seduta, il-Gvern Portugiż ikkonferma li l-vettura inkwistjoni kellha l-pjanċi tar-reġistrazzjoni u li hija kienet għadha suġġetta għat-taxxa tat-triq. Għaldaqstant mhux ser nidħol fid-dettall fuq dan il-punt.

103. Il-kwistjoni dwar meta jiskatta u meta jieqaf inġenerali l-obbligu ta’ assigurazzjoni kienet madankollu diskussa b’mod estensiv waqt is-seduta għas-smigħ orali. B’mod ġenerali, issemmew tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet: (a) vetturi ġodda li għadhom ma ġewx irreġistrati iżda li huma evidentement kapaċi li jinstaqu (pereżempju, vetturi li jinġarru min fabbriki jew li qegħdin fil-bitħa ta’ quddiem tal-bejjiegħ tal-karozzi); (b) vetturi oħrajn, li ma għadhomx irreġistrati jew li r-reġistrazzjoni tagħhom ġiet sospiża u li huma kapaċi li jinstaqu imma de facto ma jinstaqux (pereżempju, vetturi li jinsabu f’mużew) (47); (ċ) vetturi li ma humiex irreġistrati u kienu reżi “inkapaċi” b’xi mod minħabba, pereżempju, it-tneħħija ta’ partijiet (roti, batterija u l-bqija).

104. Għal dak li jirrigwarda (a) u (b), fil-fehma tiegħi hemm diversi raġunijiet tajbin għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, biex tittratta tali każijiet, tibda tintroduċi limitazzjonijiet elaborati (u potenzjalment pjuttost kumplessi) fuq il-kunċett tal-“użu ta’ vetturi” taħt l-Ewwel Direttiva, pereżempju bbażati fuq il-fatt li ma jinstaqux ta’ spiss jew improbabbli li jinstaqu.

105. L-ewwel nett, tali limitazzjonijiet sempliċiment ma għandhomx bażi testwali ċara fid-direttiva. Dawn effettivament iridu jiġu vvintati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ma tantx ikunu konformi mal-ġurisprudenza preċedenti li tagħti definizzjoni wiesgħa lill-“użu ta’ vetturi” (48).

106. It-tieni nett, inkwantu tali vetturi jinstaqu (pereżempju fil-bitħa ta’ quddiem ta’ bejjiegħ tal-karozzi) dawn jistgħu jikkawżaw inċidenti. Mingħajr obbligu ta’ assigurazzjoni, il-vittma tirriskja li ma jkollhiex “garanzija” fil-forma ta’ kumpens (49). Barra minn hekk, tali approwċ, taħt ix-xenarju (b), irendi mill-ġdid l-obbligu ta’ assigurazzjoni dipendenti fuq ċirkustanzi fattwali speċifiċi u fuq l-intenzjonijiet ta’ individwi, għad-detriment taċ-ċertezza legali (50).

107. It-tielet nett, u x’aktarx l-iktar importanti, hemm bażi legali ċara fl-Ewwel Direttiva – Artikolu 4 – għal derogi mill-obbligu ta’ assigurazzjoni fir-rigward ta’ ċerti persuni u/jew ċerti vetturi (jew ċerti vetturi li għandhom pjanċi speċjali) (51). Jekk jintużaw dawn id-derogi, allura l-istess dispożizzjoni tistipula b’mod espliċitu li l-Istati Membri għandhom jipprovdu garanzija għall-vittmi potenzjali billi jiżguraw li jitħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe telf jew korriment ikkawżat b’tali tipi ta’ vetturi esklużi b’mod espliċitu.

108. F’tali ċirkustanzi, ftit jidher li hemm ġustifikazzjoni biex tingħata interpretazzjoni ġudizzjarja kumplessa (u anki kkomplikata) għall-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, u b’dak il-mod jiġu potenzjalment esposti l-vittmi għar-riskju li ma jkunux ikkompensati b’mod sħiħ, biex jiġu indirizzati ċirkustanzi partikolari li jistgħu, fl-opinjoni tiegħi, jiġu indirizzati perfettament bl-użu ta’ derogi taħt l-Artikolu 4. Imqiegħda b’mod metaforiku, jekk wieħed mill-għanijiet iddikjarati huwa li tiġi pprovduta garanzija, allura għalija jagħmel sens regolatorju tajjeb li wieħed ikala xibka ta’ garanzija b’saħħitha u ħoxna u mbagħad, jekk ikun hemm bżonn, jirrilaxxja (jeżenta) l-ħut ħażin, iktar milli jkala xibka mimlija toqob u mbagħad jistaqsi kif xi ħut irnexxielu jaħrab.

109. Għal dak li jirrigwarda (ċ), fil-prattika, hemm modi infiniti biex vettura tiġi reża “inkapaċitata”, billi jitneħħew iċ-ċwievet jew titneħħa l-batterija, ir-roti u l-bqija. F’ċertu punt, jista’ jingħad li l-‘vettura’ ma teżistiex iktar, aħseb u ara l-“użu ta’ vettura”. Għaldaqstant, pereżempju, it-tneħħija tal-magna tfisser li teknikament il-vettura ma għadhiex “bil-mutur” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Ewwel Direttiva.

110. Fil-fehma tiegħi, madankollu, il-fatt dwar jekk il-vettura hijiex inkapaċi jew le b’mod suffiċjenti biex jiġi konkluż li ma hemmx “vettura” fis-sens tal-Ewwel Direttiva jew li ma jista’ jkun hemm ebda “użu” tagħha, hija fuq kollox kwistjoni ta’ prova u evidenza. Għalkemm ma hemmx dubju li dik il-kwistjoni tista’ tingħata kunsiderazzjoni xi ftit astratta, ma naħsibx li f’dan il-każ jeħtieġ li għandha tiġi ttrattata din il-kwistjoni. Wara kollox, ma hemmx dubju dwar il-fatt li l-karozza kienet evidentement tista’ tinstaq u fil-fatt instaqet.

6.      Applikazzjoni għal dan il-każ

111. Abbażi tal-fatti kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi, huwa ċar li l-ipparkeġġar f’bitħa ta’ karozza kompletament funzjonanti, li – kif ikkonfermat waqt is-seduta mill-Gvern Portugiż – kienet għadha suġġetta għat-taxxa tat-triq fiż-żmien rilevanti fil-kawża prinċipali, li kellha pjanċi tar-reġistrazzjoni u li fir-rigward tagħha ma kienu ġew adottati ebda formalitajiet biex titneħħa uffiċjalment miċ-ċirkolazzjoni, ma jistax ifisser li tneħħa l-obbligu ta’ assigurazzjoni. Dan huwa l-każ indipendentement mill-intenzjoni suġġettiva tal-proprjetarju, inkwantu dik l-intenzjoni ma kinitx uffiċjalment ikkomunikata lill-awtoritajiet pubbliċi.

112. Kif ġie nnutat fil-punti 94 sa 100 iktar ’il fuq, in-nuqqas li jiġu adottati l-formalitajiet amministrattivi biex il-karozza titneħħa miċ-ċirkolazzjoni huwa, kif naħsibha jien, diġà deċiżiv biex jikkonferma li hemm kuntest ġenerali tal-“użu ta’ vettura”. Il-pożizzjoni preċiża tal-karozza, l-istat fiżiku tagħha, il-fatt li l-proprjetarju ma jsuqx (għal raġunijiet mediċi) u l-intenzjonijiet suġġettivi tal-proprjetarju fir-rigward tal-vettura ma jistgħux ibiddlu din il-konklużjoni.

113. Din hija r-risposta ġenerali għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, dan ma jfissirx li r-risposta ġenerali trid tkun applikabbli għall-każ individwali ta’ A. Juliana. Hemm żewġ punti li jeħtieġ li jiġu enfasizzati f’dan ir-rigward.

114. L-ewwel nett, l-Ewwel Direttiva timponi l-obbligu fuq ir-Repubblika Portugiża biex tiżgura li l-vetturi jkunu assigurati. Il-fatt dwar jekk dak l-Istat Membru onorax dak l-obbligu u, jekk iva, fuq min huwa impost l-obbligu ta’ assigurazzjoni, huma kwistjonijiet tad-dritt nazzjonali, li għandhom jiġu stabbiliti mill-qorti tar-rinviju.

115. It-tieni nett, anki jekk id-dritt nazzjonali, f’xi mument, jipprovdi biex fuq il-proprjetarja jkun impost l-obbligu biex toħroġ assigurazzjoni għall-karozza tagħha, nixtieq infakkar żewġ punti li jistgħu jkunu ta’ rilevanza għall-qorti tar-rinviju. Min-naħa, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki f’każijiet fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkunu kapaċi li jkollhom effett dirett, l-Istati Membri (inklużi l-istituzzjonijiet tagħhom (52)) ma jistgħux jistrieħu direttament fuq dawk id-dispożizzjonijiet kontra individwi (nuqqas ta’ effett dirett “vertikalment invers”) (53). Min-naħa l-oħra, Stat Membru ma jistax jistrieħ fuq dispożizzjonijiet ta’ direttiva li ma kinitx trasposta sew għall-iskopijiet ta’ interpretazzjoni konformi ta’ liġi nazzjonali li għandha l-konsegwenza li timponi obbligi fuq individwu (54).

116. Dawn il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni huma ta’ rilevanza partikolari f’sitwazzjonijiet fejn il-liġijiet nazzjonali li suppost ittrasponew id-direttiva rilevanti dwar il-vetturi bil-mutur jista’ jingħad li ma humiex ċari jew huma kuntradittorji. Dan jinkludi deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali kunfliġġenti fuq il-punti ta’ liġi rilevanti. F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa u tislet il-konsegwenzi xierqa fid-dawl tal-fatti tal-każ individwali.

7.      Konklużjoni dwar l-ewwel domanda

117. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tkun kif ġej:

L-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva (fis-seħħ fid-data tal-inċident) għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-obbligu li tinħareġ assigurazzjoni għall-vettura bil-mutur minħabba r-responsabbiltà ċivili jestendi għal sitwazzjonijiet fejn il-vettura hija, fuq għażla tal-proprjetarju, immobilizzata f’bitħa privata, barra mit-triq pubblika, iżda fejn ma ġew adottati l-ebda formalitajiet biex il-vettura tiġi ddireġistrata uffiċjalment. Huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu fid-dritt nazzjonali min huwa obbligat li joħroġ assigurazzjoni għall-vettura f’dawk iċ-ċirkustanzi.

C.      Domanda Nru 2

118. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk l-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva għandux jiġi interpretat bħala li jagħti lill-Fond id-dritt ta’ surroga kontra l-proprjetarja tal-vettura anki jekk din tal-aħħar ma kinitx responsabbli mill-inċident. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk is-surroga kontra l-proprjetarju tiddependix fuq jekk ikunux issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili (u b’mod speċifiku jekk il-fatt li l-proprjetarja ma kellhiex kontroll fuq il-vettura huwiex rilevanti).

119. L-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva jagħti d-dritt lill-Istati Membri biex jipprovdu għas-surroga kontra l-persuna “responsabbli mill-inċident”. Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li fejn l-Istati Membri jipprevalixxu ruħhom minn dan id-dritt, huma ma jistgħux iħallu lill-korp ta’ kumpens jissuġġetta l-ħlas tal-kumpens għall-kundizzjoni li l-vittma jrid jipprova b’xi mod li l-“persuna responsabbli” ma tistax jew tirrifjuta li tħallas.

120. Il-possibbiltà tas-surroga (u l-kundizzjonijiet tagħha) għandhom, għaldaqstant, jiġu pprovduti fid-dritt nazzjonali. Dan jinkludi li jiġu ddefiniti l-kunċetti ta’ persuna “responsabbli mill-inċident” jew “responsabbli” fid-dritt ċivili nazzjonali (55). Ħadd mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet ma kkontesta din l-interpretazzjoni.

121. Minn dan isegwi li, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva għandux ikun interpretat bħala li jagħti d-dritt għas-surroga, ir-risposta hija le. L-Artikolu 1(4) joffri biss il-possibbiltà għall-Istati Membri biex jagħmlu hekk.

122. Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għas-surroga, fil-fehma tiegħi, hemm ftit ambigwità fid-digriet tar-rinviju dwar liema bażi tar-“responsabbiltà” qiegħda tiġi diskussa: ir-responsabbiltà għall-inċident innifsu jew ir-responsabbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ assigurazzjoni tal-vettura (fejn kien hemm obbligu li jsir dan).

123. Inkwantu d-domanda tirreferi għar-responsabbiltà għall-inċident, il-kundizzjonijiet għal tali responsabbiltà għandhom jiġu ddeterminati mid-dritt nazzjonali. Ma narax ostaklu fid-dritt tal-UE biex tiġi imposta kundizzjoni li l-persuna li tkun qegħda tinżamm responsabbli kellha kontroll tal-vettura fil-ħin tal-inċident.

124. Madankollu, id-domanda tal-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hemmx dritt għas-surroga kontra l-proprjetarja “indipendentement mir-responsabbiltà ta[għha] għall-inċident”, li jiena nifhem li tfisser “indipendentement minn jekk il-proprjetarja tissodisfax il-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà għall-inċident”. L-Artikolu 1(4) ma jikkontemplax tali possibbiltà. Din id-dispożizzjoni tikkontempla biss surroga kontra persuna li hija responsabbli għall-inċident.

125. Inkwantu l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva għandux ikun interpretat bħala li jfisser li l-Fond għandu dritt ta’ surroga kontra l-persuna responsabbli min-nuqqas li tassigura l-vettura, ir-risposta hija le. Mill-ġdid, tali possibbiltà sempliċiment ma tissemmiex taħt l-Artikolu 1(4) tat-Tieni Diretiva u ebda regola, għaldaqstant, ma tista’ tiġi dedotta minn din id-dispożizzjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li l-Istati Membri jkunu preklużi milli jipprovdu għad-dritt ta’ surroga taħt ċirkustanzi oħrajn, inkluż kontra l-persuna li naqset milli tonora l-obbligu li toħroġ assigurazzjoni impost mid-dritt nazzjonali li jittrasponi l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva. Din hija għal darba oħra kwistjoni tad-dritt nazzjonali.

126. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tkun kif ġej:

L-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għad-dritt ta’ surroga minn korp ta’ kumpens, bħalma huwa l-Fundo de Garantia Automóvel li fl-assenza ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili ħallas kumpens lil terzi persuni li korrew f’inċident tat-traffiku kkawżat minn vettura bil-mutur li, tneħħiet mingħajr l-għarfien jew l-kunsens tal-proprjetarja mill-bini privat fejn kienet wieqfa, kontra l-persuna jew persuni responsabbli għall-inċident. Il-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà ta’ tali persuna jew persuni għandhom jiġu stabbiliti mid-dritt nazzjonali. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinkludu rekwiżit li l-persuna jew persuni kkonċernati kellhom kontroll effettiv tal-vettura fiż-żmien rilevanti.

Din id-dispożizzjoni ma teżiġix mill-Istati Membri li jipprevedu jew tipprekludihom milli jipprevedu għad-dritt ta’ surroga f’ċirkustanzi oħra, inkluż kontra persuna li naqset milli tonora l-obbligu ta’ assigurazzjoni impost mid-dritt nazzjonali li jittrasponi l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva.

V.      Konklużjoni

127. Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall) kif ġej:

Domanda 1

L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (fis-seħħ fid-data tal-inċident) għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-obbligu li tinħareġ assigurazzjoni għall-vettura bil-mutur minħabba r-responsabbiltà ċivili jestendi għal sitwazzjonijiet fejn il-vettura hija, fuq għażla tal-proprjetarju, immobilizzata f’bitħa privata, barra mit-triq pubblika, iżda fejn ma ġew adottati l-ebda formalitajiet biex il-vettura tiġi ddireġistrata uffiċjalment. Huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu fid-dritt nazzjonali min huwa obbligat li joħroġ assigurazzjoni għall-vettura f’dawk iċ-ċirkustanzi.

Domanda 2

L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għad-dritt ta’ surroga minn korp ta’ kumpens, bħalma huwa l-Fundo de Garantia Automóvel, fl-assenza ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili, ħallas kumpens lil terzi persuni li korrew f’inċident tat-traffiku kkawżat minn vettura bil-mutur li tneħħiet, mingħajr l-għarfien jew il-kunsens tal-proprjetarja, mill-bini privat fejn kienet wieqfa, kontra l-persuna jew persuni responsabbli għall-inċident. Il-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà ta’ tali persuna jew persuni għandhom jiġu stabbiliti mid-dritt nazzjonali. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinkludu rekwiżit li l-persuna jew il-persuni kkonċernati kellhom kontroll effettiv tal-vettura fiż-żmien rilevanti.

Din id-dispożizzjoni ma teżiġix mill-Istati Membri li jipprevedu jew tipprekludihom milli jipprevedu għad-dritt ta’ surroga f’ċirkustanzi oħra, inkluż kontra persuna li naqset milli tonora l-obbligu ta’ assigurazzjoni impost mid-dritt nazzjonali li jittrasponi l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Kunsill tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 1, p. 10).


3      It-Tieni Direttiva tal-Kunsill tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 3).


4      Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Csonka et (C-409/11, EU:C:2013:512, punti 28 u 31).


5      Speċjalment f’każijiet ta’ korriment fiżiku serju jew mewt, titnaqqas ħafna l-possibbiltà li l-persuna responsabbli għal inċident jkun jista’ jikkumpensa għal kollox il-vittma. Filwaqt li jista’ jkun hemm każijiet fejn il-kumpannija ta’ assigurazzjoni tkun insolventi, kif ġara fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Csonka et (C‑409/11, EU:C:2013:512), dawn, fil-prinċipju, huma rari.


6      Fuq l-istess loġika huwa bbażat l-Artikolu 4 tal-Ewwel Direttiva u l-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva. Dan tal-aħħar jipprovdi għall-ħolqien ta’ korp ta’ kumpens f’każ ta’ vettura, li kkawżat l-inċident, ma tkunx assigurata. Dak tal-ewwel jippermetti lill-Istati Membri li jidderogaw mill-obbligu ta’ assigurazzjoni, iżda huma u jagħmlu hekk jeżiġi mingħandhom li jaħtru awtorità jew korp li jrid imbagħad jikkumpensa l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn vetturi li jibbenefikaw minn tali derogi.


7      Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Csonka et (C‑409/11, EU:C:2013:512, punti 30 sa 32). Huwa ċar li l-korp ta’ kumpens, f’ċertu sens, “jiggarantixxi” fil-fatt il-kumpens f’sensiela ta’ ċirkustanzi speċifiċi identifikati b’mod ċar. Fuq livell nazzjonali, il-korpi ta’ kumpens jistgħu fil-fatt jissemmew bħala “fond ta’ garanzija”, bħalma huwa l-każ, pereżempju, fil-Portugall – “Fundo de Garantia Automóvel”. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tgħid li l-korp ta’ kumpens ma huwiex “skema ta’ garanzija”, nifhem li hija tfisser essenzjalment li l-korp ma qiegħedx hemm biex jissostitwixxi l-obbligu ta’ assigurazzjoni.


8      B’żieda ma’ dan, il-korp ta’ kumpens huwa meħtieġ jintervjeni f’sitwazzjonijiet oħra ddefiniti b’mod speċifiku. Għaldaqstant, pereżempju, l-Artikolu 1(4) jipprovdi li jrid jintervjeni wkoll meta l-vettura ma tkunx identifikata.


9      Skont is-sistema ta’ finanzjament eżatt tal-korp ta’ kumpens li tista’ tfisser grupp ikbar jew iżgħar (pereżempju, jekk il-korp huwa ffinanzjat permezz ta’ taxxa ġenerali u mhux minnprimjums ta’ assigurazzjoni tal-individwi).


10      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Csonka et (C‑409/11, EU:C:2013:512). F’dak il-każ, l-assiguratur kien insolventi. Madankollu, il-korp ta’ garanzija nazzjonali ma kellu ebda obbligu li jintervjeni minħabba li l-obbligu ta’ assigurazzjoni kien fil-fatt ġie osservat.


11      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146).


12      Sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908).


13      Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro (C‑334/16, EU:C:2017:1007).


14      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146).


15      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 49).


16      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 52, ara wkoll il-punti 50 u 53 sa 55).


17      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 56). Enfasi miżjuda.


18      Sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908).


19      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146).


20      Sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C-514/16, EU:C:2017:908, punt 40). Enfasi miżjuda.


21      Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro (C‑334/16, EU:C:2017:1007).


22      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146).


23      Sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908)


24      Sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 40). Ara wkoll is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 59) u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro (C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 32).


25      Sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 19); tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 12); u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro (C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 11).


26      Pereżempju biċ-Ċek: “určený k; Olandiż: “bestemt”; Franċiż: “destiné à”; Ġermaniż: “bestimmt”; Taljan “destinato a”; Spanjol: “destinado a”; jew Portugiż: “destinado a”.


27      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 38).


28      Sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punti 41 u 42); tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 31); u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro (C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 24).


29      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punti 43 sa 45).


30      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 49).


31      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 52).


32      Sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C-162/13, EU:C:2014:2146, punt 59); tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C-514/16, EU:C:2017:908, punt 34); u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro (C-334/16, EU:C:2017:1007, punt 28).


33      Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro (C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 28).


34      L-Irlanda tiċċita f’dan ir-rigward l-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 23(5) tad-direttiva li kkodifikat id-direttivi tal-Assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur, id-Direttiva 2009/103, li jsemmu rispettivament riskji għall-“dawk li jużaw it-triq mingħajr vettura bil-mutur” u “inċident[i] tat-traffiku” (Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009 L 263, p. 11)). Fir-rigward tal-Artikolu 12(3), ninnota li l-Artikolu 12 huwa intitolat “Kategoriji speċjali ta’ vittmi”. L-Artikolu 12(1) jirreferi għall-assigurazzjoni fir-rigward ta’ danni personali lill-passiġġieri, mingħajr riferiment għat-“toroq”. Kieku tali limitazzjoni sinjifikattiva kienet mixtieqa fl-Artikolu 12(3), hija kienet tirriżulta loġikament ukoll fl-Artikolu 12(1). L-Artikolu 23(5) jirrigwarda l-loġistika tal-irkupru (ċentri ta’ informazzjoni) u għaldaqstant ma għandhomx jintużaw bħala limitazzjonijiet għall-portata tal-obbligu ta’ assigurazzjoni nnifsu. Ukoll, fl-Ewwel u fit-Tieni Direttiva, ma jeżistux dispożizzjonijiet ekwivalenti għall-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 23(5).


35      Ara l-punt 67 iktar ’il fuq. Inkwantu l-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Unit jistrieħu fuq l-għanijiet ta’ moviment liberu tal-Ewwel u tat-Tieni Direttiva, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi b’mod ċar, pereżempju, fis-sentenza Vnuk, għall-“għan doppju” tad-direttivi u fil-fatt tpoġġi iktar enfasi fuq l-iskop li jkun hemm iktar protezzjoni għall-vittmi (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 49 et seq)).


36      Sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 59); tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 34); u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro (C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 28).


37      Għaldaqstant huma esklużi l-effettHoltzman li kien famuż li ppermetta biex l-ispazju u l-ħin jintwew u għaldaqstant għall-“ivvjaġġar mingħajr ma tiċċaqlaq” fi Dune ta’ Frank Herbert (l-ewwel edizzjoni f’Chilton Books, Philadelphia, 1965). Madankollu, wieħed jista’ jassumi li anki kieku kellu xi darba jiġi verament ipprattikat l-effettHoltzmann, dan jintuża għal tipi ta’ “vetturi” differenti minn dawk “intiż[i] għal vjaġġi bl-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le” fis-sens tal-Arikolu 1(1) tal-Ewwel Direttiva.


38      Wieħed jista’ jargumenta li kull meta tkun miexja vettura, hija tkun qegħda tivvjaġġa. Iżda l-iskop ta’ dak l-ivvjaġġar mhux dejjem ikun it-traposrt ta’ oġġetti jew persuni. Ara, għal diskussjoni simili, pereżempju, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Robert Fuchs (C‑80/15, EU:C:2016:615, punti 28 sa 36), li tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-provvista ta’ servizzi ta’ taħriġ fuq titjiriet tammontax għal transport ta’ persuni jew le, jew tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries (C‑190/16, EU:C:2017:513, punti 81 sa 88), fil-kuntest tat-titjiriet li jmexxu ajruplan minn ajruport għal ieħor mingħajr ma jittrasportaw passiġġieri, tagħbija, jew posta F’dawn iż-żewġ każijiet, kien hemm ivvjaġġar, iżda wieħed jista’ jargumenta li ma kienx hemm transport (sakemm, ovvjament, ma jingħadx li s-sempliċi fatt ta’ ċaqliq ta’ vettura minn punt A għal punt B jammonta, mid-definizzjoni tiegħu, għal transport ta’ dik il-vettura).


39      Sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908).


40      Punti 70 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Ara wkoll, iktar ’il fuq, il-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Pereżempju, meta l-vettura tinstaq f’okkażjonijiet rari ħafna jew għal distanzi limitati ħafna.


43      Iktar ’il fuq, punti 34 sa 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908)


45      Kif jintwera fis-sentenza Andradeu diskuss fid-dettall fil-punti 74 sa 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Nenfasizza li dan ma jfissirx li ma jistax ikun hemm ebda użu ta’ vettura. Hija tista’ ovvjament tinsteraq u/jew tinstaq illegalment. F’tali ċirkustanzi, madankollu, il-vettura tinstaq bi ksur ta’ obbligu li tinħareġ assigurazzjoni kif identifikat (b’mod eċċezzjonali) ex post, u għaldaqstant billi tiġi ppriżervata l-garanzija tal-fond ta’ kumpens għall-vittmi.


47      Apparti t-tip ta’ sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Iktar ’il fuq, punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Iktar ’il fuq, punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      Iktar ’il fuq, punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Dawn id-derogi jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Fil-mument tal-preżentata ta’ dawn il-konklużjonijiet, hemm lista disponibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/banking-and-finance/insurance-and-pensions/motor-insurance_en


52      Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 18), u tal-10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745, punt 33 sa 35).


53      Sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen (80/86, EU:C:1987:431).


54      Sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Arcaro (C‑168/95, EU:C:1996:363, punt 42), u tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed(C‑321/05, EU:C:2007:408, punt 45).


55      Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida(C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 29).